imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Graham Watson u Dirk Sterckx
f'isem il-Grupp ALDE
dwar l-għarqa tan-New Flame u l-konsegwenzi tagħha fil-Bajja ta' Algeciras
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għarqa tan-New Flame u l-konsegwenzi tagħha fil-Bajja ta' Algeciras
B6‑0180/2008
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra l-Artikoli 71, 80 u 251 tat-Trattat KE,
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakketti Marittimi u dwar is-sikurezza marittima,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi nhar it-12 ta' Awissu 2007, seħħet ħabta qrib il-kosta ta' Ġibiltà bejn tanker taż-żejt b'buq doppju u l-bulk carrier New Flame, li rriżultat fit-tagħriq ta' dan ta' l-aħħar,
B.
billi ġew osservati xi rqajja' minuri ta' żejt mxerred li jistgħu jkunu marbuta ma' l-għarqa tan-New Flame,
C.
billi f'din iz-zona marittima regolarment jitbattlu b'mod illegali t-tankijiet tal-fjuwil u s-saborri ta' l-ilma,
D.
billi l-Bajja ta' Algeciras u l-kosta taghha kollha jospitaw densita gholja ta' popolazzjoni, ta' attivitajiet ekonomici, kummercjali u turistici, u ta' traffiku marittimu,
E.
billi fuq is-sit saru varji operazzjonijiet ta' ħelsien u salvataġġ,
F.
billi jridu jsiru l-isforzi kollha u jridu jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġi evitat kull tniġġis tal-qiegħa tal-baħar, taz-zoni għas-sajd u ta' l-inħawi tax-xtut, speċjalment meta wieħed iqis l-42 000 tunnellata ta' ruttam li jinsabu fil-vapur mgħarraq,
G.
billi l-bunkering fl-ilmijiet tax-xtut fih innifsu ma jiksirx il-liġi ambjentali Komunitarja, u jista' jibda jniġġes biss jekk din l-attività tiġi ttrattata b'mod mhux professjonali mingħajr ma jitqies l-ħarsien ta' l-ambjent jew f'temp ikrah jew kundizzjonijiet ħżiena tal-baħar,
H.
billi, skond id-Direttiva 2002/59/KE(1), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex, sa fejn hu possibbli, jillimitaw jew, jekk ikun hemm bżonn, jipprojbixxu l-bunkering ta' vapuri fl-ilmijiet territorjali tagħhom,
I.
billi l-attivitajiet ta' bunkering f'Ġibiltà huma regolati permezz ta' Kodiċi ta' Prattika infurzat minn suprintendent u process ta' licenzjar,
J.
billi t-Tielet Pakkett Marittimu, li ġie adottat mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari sena ilu u li attwalment qed jiġi ttrattat mill-Kunsill bil-qies xieraq, jipprovdi sett komplut ta' miżuri biex inċident marittimu jiġi ttrattat bl-aktar mod effiċjenti u li ma jagħmilx ħsara għall-ambjent,
1.
Ħa r-ruh li ħadd ma miet fl-inċident u li ma ġie osservat l-ebda tniġġis wara l-ħabta bejn iż-żewġ vapuri;
2.
Jisogħbih li kien hemm xi tixrid żgħir u inevitabbli u li kwantità żgħira ta' tinġis laħaq ix-xatt ta' Algeciras minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp u l-operazzjonijiet meħtieġa biex jitneħħa l-vapur mgħarraq;
3.
Jindika li l-ħabta u l-għarqa sussegwenti seħħew fil-Baħar Mediterran u mhux fil-Bajja; jenfasizza, wara l-ammont żgħir ta' tinġis li għad trid tiġi ċċarata l-oriġini tiegħu, li l-awtoritajiet relevanti kollha li jimmaniġġjaw lill-Bajja, ix-xatt tagħha u l-operazzjonijiet ta' salvataġġ tan-New Flame jridu jibqgħu viġilanti għat-tbattil potenzjali opportunista u illegali ta' tankijiet tal-fjuwil u saborri ta' l-ilma;
4.
Jenfasizza l-ħeffa u l-effiċjenza li bihom l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima rreaġixxiet wara t-talba għall-għajnuna mill-awtoritajiet Spanjoli; Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea approvat iż-żieda ta' kemm ir-riżorsi operattivi u kemm dawk finanzjarji ta' l-Aġenzija u li se jkun hemm aktar bastimenti disponibbli biex jipprovdu għajnuna fid-diversi reġjuni marittimi ta' l-UE;
5.
Jemmen li, minkejja l-pożizzjonijiet differenti li jikkonċernaw is-sovranità ta' l-ilmijiet territorjali ta' Ġibiltà, il-Gvern ta' Ġibiltà u l-awtoritajiet Spanjoli wrew li huma lesti li jikkollaboraw bl-aktar mod effettiv sabiex jimmaniġġjaw l-inċident u l-konsegwenzi tiegħu għall-ambjent marittimu u tax-xtut;
6.
Iħeġġeġ lill-isforzi u l-miżuri kollha li jistgħu jittieħdu mill-awtoritajiet Spanjoli, mill-Gvern ta' Ġibiltà, mill-Awtoritajiet Portwali ta' Algeciras u Gibiltà u mill-atturi relevanti kollha sabiex l-attivitajiet kollha li jitwettqu fil-Bajja jigu mmaniggjati bl-aktar mod responsabbli possibbli;
7.
Jinnota li kwistjonijiet marittimi u ambjentali huma parti mill-aġenda futura għall-Forum Trilaterali ta' Djalogu bejn ir-Renju Unit, Spanja u Ġibiltà u jitlob li, fl-ewwel ċans li jiġi, issir laqgħa Ministerjali tal-Forum;
8.
Jenfasizza li t-Tielet Pakkett Marittimu, li għadu fl-istadju ta' l-ewwel qari fil-Kunsill waqt li l-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu sena ilu u hu lest li jimxi 'l quddiem u jikkonkludi s-seba' proċeduri leġiżlattivi, jista' jipprovdi lill-UE bl-għodda għall-prevenzjoni ta' inċidenti marittimi u għall-immaniġġjar tal-konsegwenzi ta' kwalunkwe inċident ta' dan it-tip, speċjalment fis-sura tal-proposti dwar l-immonitorar tat-traffiku marittimu u dwar l-investigazzjoni ta' inċidenti;
9.
Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jerfa' r-responsabilitajiet tiegħu u jadotta l-Pożizzjonijiet Komuni tiegħu dwar il-proposti kollha;
10.
Jenfasizza li xi Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabilità Ċivili għall-Ħsara minn Tniġġis miż-Żejt ta' Bunkers (Konvenzjoni dwar iż-Żejt ta' Bunkers ta' l-2001) u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabilità u l-Kumpens għal Ħsara marbuta mal-Ġarr ta' Sustanzi Perikolużi u Noċivi bil-Baħar; jenfasizza li l-għarqa tan-New Flame hija eżempju ieħor mill-ħafna li jixhdu l-bżonn urġenti li l-Istati Membri kollha jsiru partijiet kontraenti għal dawn il-konvenzjonijiet malajr kemm jista' jkun;
11.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet ta' Spanja, ta' Ġibiltà u tar-Renju Unit u lill-awtoritajiet reġjonali relevanti.