Proċedura : 2008/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0211/2008

Testi mressqa :

B6-0211/2008

Dibattiti :

PV 07/05/2008 - 13
CRE 07/05/2008 - 13

Votazzjonijiet :

PV 08/05/2008 - 5.6
CRE 08/05/2008 - 5.6

Testi adottati :

P6_TA(2008)0192

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kDOC 82k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0209/2008
29 t'April 2008
PE401.521v01-00
 
B6‑0211/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Adam Bielan u Dariusz Maciej Grabowski
f'isem il-Grupp UEN
dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku 
B6‑0211/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li b'mod partikulari kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi u r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar ir-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti u dwar il-Ftehima ta' Sħubija Transatlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar is-sikurezza tal-prodotti u, b'mod partikulari, tal-ġugarelli,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-30 ta' April 2007 f'Washington DC, u b’mod partikulari l-Qafas tiegħu għat-Tmexxija 'l Quddiem ta' l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta u r-rapport ta' progress adottati fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlatiku (TEC) fid-9 ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,

A.  billi l-Parlament Ewropew u l-Kungress Amerikan it-tnejn kontinwament ħadmu favur it-tlestija tas-Suq Transatlantiku sa l-2015,

1.  Jenfasizza li sħubija transatlantika mill-qrib hija l-istrument ewlieni biex il-globalizzazzjoni tissawwar fl-interess tal-valuri komuni u favur ordni politiku u ekonomiku dinji ekwu; itenni l-opinjoni tiegħu li Suq Transatlantiku kompetittiv u li jiffunzjona huwa l-bażi fuqiex tista' tiġi ankrata fis-sod is-sħubija transatlantika b'mod li l-UE u l-Istati Uniti jkunu jistgħu jindirizzaw flimkien l-isfidi politiċi u ekonomiċi globali;

2.  Jappoġġja bis-sħiħ il-proċess tat-tisħiħ ta' l-integrazzjoni ekonomika transatlantika fis-Samit ta' l-2007 bejn l-UE u l-Istati Uniti bis-saħħa ta' l-adozzjoni tal-"Qafas għat-Tmexxija 'l Quddiem ta' l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti" u bit-twaqqif tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) li għandu jissorvelja u jħaffef l-isforzi indikati fil-qafas;

3.  Jesprimi l-ħtieġa li jitħejja dokument fil-qosor li għandu jiġi ċċirkulat b'mod estensiv, u li jistabbilixxi r-raġunijiet ewlenin biex is-Suq Transatlantiku jitlesta mill-aktar fis, bil-metodi kif għandu jkun implimentat b'mod effettiv;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, wara r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew, iddeċidiet li tħejji studju dwar liema ostakli għandhom jitneħħew biex jitlesta s-Suq Transatlantiku; jemmen li dan id-dokument għandu jiġi ċċirkulat b'mod estensiv fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku; iħeġġeġ li għandu jsir eżerċizzju ta' segwitu aktar bir-reqqa u li għalih l-Istati Uniti għandha toħroġ is-sehem finanzjarju tagħha;

5.  Jemmen li għandu jitfassal pjan direzzjonali dettaljat miż-żewġ amministrazzjonijiet li jwassal sas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-2009, u li juri kif għandu jitwettaq l-impenn fit-tul biex jinkiseb is-Suq Transatlantiku, settur b'settur; iqis li dan għandu jieħu s-sura ta' programm kontinwu li jħares bi tliet snin 'il quddiem, per eżempju, bejn l-2009 u l-2012, waqt li l-2015 tiġi stabbilita bħala d-data aħħarija;

6.  Japprezza l-progress li sar s'issa mit-TEC biex jidħol għar-responsabilità politika ħalli jiġu identifikati l-prijoritajiet u biex titwitta t-triq għal ftehimiet li jneħħu l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment u biex titkattar il-kompetizzjoni tas-Suq Transatlantiku;

7.  Huwa tal-fehma li r-riżultati miksuba mit-TEC mindu twaqqaf juru li s-Suq Transatlantiku ma jistax jinbena biss fuq il-ħidma amministrattiva, iżda li sabiex jinkiseb dan l-għan tinħtieġ gwida politika b'saħħitha u kontinwa; jinkuraġġixxi lit-TEC sabiex ikompli fl-isforzi tiegħu b'determinazzjoni;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex jinżamm il-momentum ta' dan il-proċess matul is-snin elettorali ta' l-2008 u l-2009, u jkun żgurat li ż-żewġ naħat ikomplu jersqu b'ħeffa lejn il-kisba ta' għanijiet komuni u li l-uffiċjali eżekuttivi fuq iż-żewġ naħat jibqgħu impenjati favur il-kisba ta' l-għan aħħari;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-irwol kruċjali tal-Kungress Amerikan u tal-Parlament Ewropew fl-appoġġ tagħhom għal dan il-momentum u għall-fatt li l-ostakli mhux tariffarji jistgħu biss jitneħħew mil-leġiżlaturi;

10.  Jappella, għaldaqstant, lill-mexxejja ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti u lill-ko-chairpersons tat-TEC biex iqisu dan l-irwol kruċjali tal-leġiżlaturi sabiex il-proċess ikollu suċċess fit-tul, u jħeġġiġhom biex jinvolvu bis-sħiħ u b'mod dirett lir-rappreżentanti tad-Djalogu Tranżatlantiku tal-Leġiżlaturi fil-ħidma tat-TEC; jagħraf fl-istess ħin l-importanza tal-partijiet interessati min-naħa tan-negozjanti u tal-konsumaturi għall-għoti ta' riflessjoni u l-kontribut ta' l-esperti fil-ħidma tat-TEC; huwa tal-fehma, madankollu, li l-irwol konsultattiv tagħhom għandu jkun distint mill-irwol leġiżlattiv tal-Kungress Amerikan u tal-Parlament Ewropew;

11.  Jinnota t-twaqqif ta' Grupp ta' Konsulenti, magħmul minn rappreżentanti tad-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi, id-Djalogu Transatlantiku tan-Negozju u d-Djalogu Transatlantiku tal-Konsumaturi; ifaħħar il-kontribut tal-leġiżlaturi u tal-partijiet interessati għas-suċċess ta' l-ewwel laqgħa tat-TEC f'Novembru 2007;

12.  Itenni r-rieda tiegħu li jsaħħaħ id-djalogu bejn iż-żewġ parlamenti u jappella għas-sehem minn kmieni tagħhom, b'mod partikulari fir-rigward tar-regoli futuri żviluppati minn entitajiet awtoregolatorji globali sabiex jindirizzaw minn kmieni kwistjonijiet ta' responsabilità politika;

13.  Jenfasizza li l-kisba ta' progress konkret, b'mod partikulari, fl-oqsma ta' l-istandards tal-kontabilità, in-negozju tat-titoli, ir-riassigurazzjoni, is-sikurezza ta' l-importazzjoni, id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-fornituri u l-importazzjonijiet tat-tjur li jkunu għaddew minn trattament għat-tnaqqis tal-patoġeni hija l-prijorità għal-laqgħa tat-TEC tar-Rebbiegħa 2008; iqis, madankollu, li huwa importanti li f'din ir-riżoluzzjoni tinġibed l-attenzjoni għal diversi kwistjonijiet rilevanti oħra li jeħtieġu li jiġu indirizzati mit-TEC fil-ġejjieni;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament bir-riżultati ta' l-istudju mniedi sabiex jiġu identifikati l-benefiċċji tat-tneħħija ta' l-ostakli għall-kummerċ transatlantiku u għall-investiment, li hu mistenni li jitlesta fl-2008; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li r-riżultat ta' l-istudji dwar it-twaqqif tas-Suq Transatlantiku jiġi diskuss mal-kumitati parlamentari rilevanti qabel ma wieħed jasal għal konklużjonijiet speċifiċi għal rakkomandazzjonijiet futuri għat-TEC;

Is-servizzi finanzjarji

15.  Jappoġġja l-istrateġija msemmija fir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1569/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 li tistabbilixxi mekkaniżmu li jiddetermina l-ekwivalenza ta' l-istandards ta' kontabilità applikati minn emittenti ta' titoli ta' pajjiżi terzi skond id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fl-ispirtu ta' l-ittra tas-26 ta' Settembru 2007 mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kummissjoni Amerikana tat-Titoli u tal-Kambju (SEC) dwar "Regoli Proposti dwar l-aċċettazzjoni minn emittenti privati barranin ta' rapporti finanzjarji mħejjija b'konformità ma' l-istandards internazzjonali ta' rappurtaġġ finanzjarju mingħajr il-ħtieġa ta' rikonċiljazzjoni mal-GAAP ta' l-Istati Uniti" kif ukoll ir-riżoluzzjoni tagħha dwar l-istess kwistjoni li tenfasizza qabel kollox li "Deċiżjoni mill-Kummissjoni timplika, fil-każijiet kollha, id-dritt għall-emittenti ta' l-UE li jużaw, fi kwalunkwe pajjiż terz, l-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) kif approvat mill-Unjoni Ewropea"(1);

16.  Jemmen li l-għarfien reċiproku tas-swieq tat-titoli bejn l-Istati Uniti u l-UE jkun pass importanti 'l quddiem li jtejjeb l-effiċjenza tas-Suq Transatlantiku billi jiġi ffaċilitat l-aċċess ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti għal Suq Transatlantiku usa' u aktar profond; jenfasizza, madankollu, li dan il-proġett irid ikun ir-riżultat ta' ftehima bilaterali u li trid tiġi konkluża Ftehima ta' Qafas bejn l-Istati Uniti u l-UE li tqis bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar is-sorveljanza tas-swieq finanzjarji u li l-Kummissjoni m'għandhiex tħalli li jiġu konklużi ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti billi dan jista' jipperikola l-parità tal-kundizzjonijiet adottati fl-UE;

17.  Jenfasizza li s-salvagwardja ta' l-istabilità finanzjarja hija ta' l-ogħla importanza; ifakkar fl-irwol ta' l-IMF f'dan ir-rigward u, filwaqt li jikkunsidra n-nuqqasijiet enfasizzati mit-taqlib finanzjarju, jemmen li huwa importanti ferm li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza fl-Istati Uniti u fl-UE;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-istrateġija tal-Forum għall-Istabilità Finanzjarja (FSF) u ta' l-IMF li jistabbilixxu dijanjosi komuni tat-taqlib finanzjarju u jistenna bil-ħerqa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' politika mill-Grupp ta' Ħidma ta' l-FSF dwar l-Elastiċità ta' l-Istituzzjonijiet u tas-Swieq; huwa tal-fehma, madankollu, li din il-ħidma għandha tkun biss komplementari u m'għandhiex tissostitwixxi r-riflessjonijiet u d-deċiżjonijiet dwar reazzjonijiet xierqa ta' politika min-naħa ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti;

19.  Jistieden lill-Istati Uniti sabiex iżżomm lill-UE mgħarrfa bil-progress ta' l-implimentazzjoni tal-qafas Basel II fl-Istati Uniti; ifakkar fl-importanza ta' strateġija koordinata meta jiġu żviluppati jew modifikati r-regoli globali għall-parteċipanti attivi b'mod internazzjonali fis-swieq finanzjarji; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-implimentazzjoni tal-Basel II fl-Istati Uniti hija importanti ferm sabiex tinżamm il-parità tal-kundizzjonijiet fil-livell globali;

koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-kummerċ u r-regolamentazzjoni

20.  Jenfasizza li s-sikurezza ta' prodotti importati għandha ssir prijorità fit-TEC ukoll; huwa ta' l-opinjoni li l-fiduċja ġenerali f'ambjent b'kummerċ miftuħ tiġi appoġġjata biss mill-popolazzjoni jekk is-saħħa u s-sikurezza tagħha jkunu rrispettati; Jipproponi li t-TEC jaħdem fuq strument ta' koperazzjoni li jorbot, li jistruttura u jiffaċilita l-qsim ta' informazzjoni dwar is-sikurezza ta' prodotti u l-iżvilupp ta' programm komuni ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isaħħu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti sabiex ikun żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri esterni jkunu adegwati b'mod li jkun evitat li prodotti perikolużi, partikolarment ġugarelli perikolużi, jaslu għand il-konsumaturi; Jistieden lill-Istati Uniti u lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex jiżguraw li jkun hemm infurzar strett tal-liġi dwar is-sikurezza tal-prodott, partikolarment fuq il-ġugarelli, u ispezzjonijiet nazzjonali aktar rigorużi; Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti bil-għan li ċ-Ċina u pajjiżi terzi oħra jgħollu l-istandards ta' produzzjoni tagħhom b'mod li jkunu ugwali għar-rekwiżiti ta' sikurezza ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti, partikularment fir-rigward ta' ġugarelli;

21.  Jinnota li l-kummerċ sikur huwa partikolarment importanti f'ekonomija globali dejjem aktar integrata; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li r-regolament ta' l-Istati Uniti li jipprevedi l-kontroll tal-merkanzija kollha li tidħol fl-Istati Uniti jinbidel b'koperazzjoni bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta' 'operaturi ekonomiċi awtorizzati' u ta' standards ta' sigurtà maqbula mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (C-TPAT, qafas SAFE), u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja strateġija li tagħraf l-irwol importanti tas-Sidien u l-Aġenti ta' Tbaħħir Ewropew fuq skala dinjija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-ispejjeż potenzjali għan-negozji u għall-ekonomija ta' l-UE, tal-miżura li tikkonċerna l-kontroll tal-merkanzija kollha li tidħol fl-Istati Uniti bil-baħar f'kontejners, kif ukoll l-impatt potenzjali fuq l-operat tad-dwana;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fejn ikun possibbli, tinnegozja standards globali komuni fi ħdan il-qafas tat-TEC; Jemmen li l-infurzar ta' standards komuni ta' sikurezza tal-vetturi (Regolament Tekniku Globali NU-ECE ) inaqqas konsiderevolment l-ispejjeż għall-industrija tal-karozzi li hija fost l-aktar li tħaddem nies kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem favur l-adozzjoni formali ta' proċeduri għar-rikonoxximent reċiproku ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità għall-prodotti suġġetti għal testijiet obligatorji minn partijiet terzi, l-aktar għall-ICT u għal tagħmir elettriku;

24.  Ikompli jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tasal għal ftehim reċiproku sabiex prodotti importati jkunu mmarkati b'kejl Imperjali u Metriku u jinsisti dwar il-ħtieġa li jkunu aċċettati l-miżuri ta' kejl miftehma skond l-istandards internazzjonali, partikolarment ta' prodotti mmarkati biss bis-sistema metrika fl-Istati Uniti; iqis li dan l-isforz se jżid l-ekonomiji ta' skala għall-kumpaniji Ewropej, Amerikani u ta' pajjiżi terzi u se jkun partikolarment ta' benefiċċju għall-SMEs;

25.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tinnegozja Ftehimiet ta' Għarfien Reċiproku bil-għan li jitnaqqsu l-ostakoli għall-kummerċ; Jemmen li l-Ftehimiet ta' Għarfien Reċiproku (MRAs) se jkunu ta' ġid għaż-żewġ naħat billi joħolqu ambjent regolatorju aktar komuni u li jista' jitbassar aktar;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isaħħu l-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sistema armonizzata globali għall-klassifikazzjoni u l-ittikettar ta' sustanzi u taħlitiet (GHS) fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-kriterji internazzjonali maqbula mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti; Iqis li objettiv importanti tas-sistema huwa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ, u għal dan il-għan jinsisti li l-GHS tiġi implimentata fl-istess ħin u b'mod kompatibbli fl-UE u fl-Istati Uniti;

Kwistjonijiet ta' biedja

27.  Jappella għal soluzzjoni urġenti fir-rigward tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni fl-UE ta' tajr Amerikan li jkun għadda minn trattamenti għat-tnaqqis ta' patoġeni; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' pariri xjentifiċi xierqa, filwaqt li jitqiesu l-aspetti tal-ħarsien u ta' l-informazzjoni tal-konsumatur;

28.  Jemmen li d-deċiżjoni tal-Komunità li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' ċanga ttrattata bl-ormoni kienet kompletament ġustifikata permezz ta' studji xjentifiċi u jitlob lill-Istati Uniti biex ineħħu s-sanzjonijiet tagħhom fuq il-prodotti Ewropej mingħajr aktar dewmien;

29.  Jistieden sabiex ikun hemm djalogu dwar il-bidliet li qed jidhru fil-kundizzjonijiet tas-swieq internazzjonali tal-biedja, partikularment iċ-ċaqliq tal-prezzijiet, l-Abbozz ta' Liġi ta' l-Istati Uniti dwar l-Irziezet, il-ħlasijiet anti-ċikliċi, l-importanza li dejjem tikber ta' l-iżvilupp rurali u l-istrument ta' konformità reċiproka;

Koperazzjoni fl-enerġija, fl-industrija u fil-politiki xjentifiċi

30.  Jappella sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni strateġika transatlantika fl-enerġija, fl-industrija u fil-qasam tal-politika xjentifika; Jenfasizza l-importanza tal-kwistjoni ta' l-enerġija, ta' l-appoġġ għad-diversifikar tas-sorsi ta' enerġija u r-rotot ta' forniment, l-iżgurar ta' enerġija u infrastruttura sikura, il-promozzjoni ta' politiki ta' sigurtà fl-enerġija msejsa fuq is-suq u tat-tħaffif ta' l-investimenti f'użu aktar nadif u effiċjenti ta' sorsi ta' enerġija fossili;

31.  Huwa konxju dwar il-kwistjoni prinċipali ta' tensjoni bejn il-produzzjoni tal-bijofjuwil u l-bijomassa (enerġija) u l-produzzjoni ta' l-ikel, jiġifieri s-sigurtà ta' l-ikel; Jenfasizza l-ħtieġa li bejn l-UE u l-Istati Uniti jkun hemm koperazzjoni regolatorja u xjentifika mtejba fil-qasam tal-bijofjuwils u l-bijomassa, billi jiġu promossi, fuq bażi konġunta, għejun alternattivi u sostenibbli għas-settur tat-trasport; jappoġġja t-TEC fit-tkomplija tal-ħidma tiegħu fl-identifikar ta' standards komuni mal-Brażil fil-qasam tal-bijofjuwils;

WTO, L-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp

32.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem sabiex tiżgura li t-TEC ikun ta' għajnuna sabiex tintlaħaq konklużjoni pożittiva għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp; Iqis id-dominanza ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti fil-kummerċ dinji (fil-mument 60% tat-total) bħala vantaġġ għas-sistema globali ta' kummerċ u għall-qafas komuni tagħha;

33.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa jekk il-proċedura għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar kummerċ bilaterali tistax issir suġġett ta' interess għat-TEC; Jinnota, f'dan ir-rigward, li minkejja li tilwimiet kummerċjali kkonċernaw biss 2% tal-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti, uħud minn dawn it-tilwimiet huma ferm dannużi u jtellfu ħafna flus;

34.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddiskuti fit-TEC kif tista' tinstab koerenza akbar bejn il-ftehimiet kummerċjali bilaterali u r-regoli multilaterali tad-WTO, sabiex tiġi ggarantita sistema kummerċjali internazzjonali aktar armonjuża u sempliċi għal kulħadd; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiddiskuti dwar kif tista' tintlaħaq konformità ikbar bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-iffirmar tal-Ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi dwar 'l hekk imsejħa suġġetti ''ta' ekonomija ratba'', bħall-kummerċ u l-ambjent, il-kummerċ u standards soċjali, u l-kummerċ u liġijiet dwar ix-xogħol;

35.  Jenfasizza li Ftehima bejn il-WTO u d-Doha għandha tinkludi Ftehima dwar il-proprjetà intellettwali li tkopri l-indikazzjonijiet ġeografiċi u r-rikonoxximent ta' kwistjonijiet mhux kummerċjali bħala kriterji importanti;

36.  Iqis li jekk l-Aġenda għall-Iżvilupp tad-Doha ma tintemmx sa tmiem din is-sena, il-mudell tas-Suq Transatlantiku sabiex tiġi ffaċċjata l-koperazzjoni regolatorja għat-tneħħija gradwali ta' ostakoli mhux tariffarji jista' jkun fundamentali biex jiġi żgurat li jitkomplew l-isforzi biex jiġi ġenerat tkabbir ekonomiku globali;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa b'urġenza strateġija komprensiva dwar il-kwistjonijiet mhux kummerċjali Ewropej fit-taħditiet dinjija dwar il-kummerċ, b'mod partikulari dwar il-kwistjoni tar-rikonoxximent u l-ħarsien ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-benessri ta' l-annimali, l-istat ta' saħħa ta' prodotti minn annimali u pjanti importati, biex tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta kontra l-produtturi Ewropej;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni biex titlob lit-TEC sabiex jippreżenta rapport ta' progress dwar l-attivitajiet ta' koperazzjoni dwar l-infurzar ta' l-IPR, inkluż li jħabbar il-passi futuri li jridu jittieħdu sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-ikkuppjar illegali; jappella għal pjan direzzjonali sabiex ikunu identifikati sforzi biex jiġi ffaċilitat r-rikonoxximent reċiproku tal-liġijiet internazzjonali dwar il-privattivi; jappella lit-TEC sabiex jappoġġja l-eżitu tal-Ftehima TRIPS għal dawk il-pajjiżi li m'għandhom l-ebda kapaċità ta' produzzjoni għall-prodotti farmaċewtiċi;

L-Iżvilupp Reġjonali

39.  Jenfasizza l-impatt pożittiv li aktar progress fl-integrazzjoni ekonomika transatlantika x'aktarx ikollu fuq l-iżvilupp reġjonali sostenibbli u huwa ta' l-opinjoni li dan il-progress jikkontribwixxi favur l-isforzi tagħna fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u jwassal għal koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; f'dan il-kuntest, jisitieden lill-entitajiet responsabbli ta' l-UE biex jiżguraw li dan il-progress jikkontribwixxi għal żvilupp armonjuż u bbilaċjat tat-territorji kollha ta' l-UE u jqisu l-prinċipju Ewropew ta' aċċess universali għas-servizzi ta' interess ġenerali;

40.  Jinnota li t-TEC qed jibda jiddiskuti kwistjonijiet relatati ma' pajjiżi terzi b'mod indirett; jissuġġerixxi li għandu jiġi fformulat approċċ biex jiġu ffaċċjati kwistjonijiet speċifiċi għal ċerti pajjiżi terzi;

41.  Jemmen f'dan il-kuntest li huwa l-waqt li jiġi fformulat approċċ konġunt għal strateġija ta' sigurtà fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku, anke fid-dawl tal-fatt li n-NATO qed timmodifika l-kunċett ta' strateġija tagħha nnifisha;

L-aġenda futura tad-TLD

42.  Jistieden lid-Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi biex għal-laqgħat li jmiss tagħhom jinkludu fl-aġenda diskussjoni dwar ir-regolament ta' l-Istati Uniti dwar il-kontroll tal-merkanzija sabiex jiżguraw aktar fehim reċiproku dwar dan is-suġġett bejn il-PE u l-Kungress ta' l-Istati Uniti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li t-TLD jirrifletti dwar aġenda tad-WTO għal wara Doha, u jiddiskuti d-drittijiet tal-Bniedem, il-klawżoli ambjentali u ta' drittijiet soċjali fi ftehimiet kummerċjali bilaterali, billi jikseb lezzjoni ta' abbozzar, inter alia, mill-ftehima bilaterali l-aktar riċenti ta' l-Istati Uniti mal-Peru li fiha dispożizzjonijiet dettaljati u nfruzabbli dwar l-istandards fix-xogħol;

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) P6_TA-PROV(2007)0527.

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Mejju 2008Avviż legali