Proċedura : 2008/2564(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0217/2008

Testi mressqa :

B6-0217/2008

Dibattiti :

PV 22/05/2008 - 4

Votazzjonijiet :

PV 22/05/2008 - 9.5
CRE 22/05/2008 - 9.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0229

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 147kDOC 94k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0217/2008
14 ta' Mejju 2008
PE401.540v01-00
 
B6‑0217/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Hannes Swoboda
f'isem il-Grupp PSE
dwar iż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw 
B6‑0217/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra li din is-sena jaħbat is-60 Anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tas-Samit Dinji ta’ l-Ikel ta’ l-1996 u l-objettiv li jitnaqqas bin-nofs in-numru ta' persuni li jbatu l-ġuħ sa l-2015,

–  wara li kkunsidra l-obbligi li hemm fil-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u partikolarment l-Artikolu 11 tiegħu dwar id-dritt għall-ikel, li l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea ffirmaw u rratifikaw,

–  wara li kkunsidra l-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tat-18 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra 'l-kontroll tas-saħħa tal-CAP' li għadu għaddej,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC),

–  wara li kkunsidra n-negozjati attwali dwar Ir-Rawnd ta' Żvilupp ta' Doha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Kigali tat-22 ta' Novembru 2007 dwar l-iżvilupp ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs), adottat mill-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi żidiet fil-prezzijiet dinjija tal-qamħ laħqu 181% fuq medda ta' 36 xahar qabel Frar 2008, il-prezzijiet tar-ross żdiedu b'141% minn Jannar u l-prezzijiet globali ta' l-ikel żdiedu bi 83%,

B.  billi 854 miljun persuna fid-dinja jinsabu bla ikel jew nieqsa minn ikel sustanzjuż (insigurtá ta' l-ikel), b'4 miljuni oħra jiżdiedu magħhom kull sena; 170 miljun tifel u tifla mhumiex mitmugħa biżżejjed u 5.6 miljun tifel u tifla jmutu kull sena minħabba nuqqas ta' ikel sustanzjuż; billi d-domanda għall-ikel qed tikber għaliex il-popolazzjoni tad-dinja qed tiżdied,

C.  billi d-dritt għall-ikel ma jistax jitħalla taħt il-ħakma ta' l-ispekulazzjoni internazzjonali,

D.  billi skond il-FAO, l-ikel jirrapreżenta bejn 60 u 80 % ta' l-infiq tal-konsumatur f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u madwar 10 sa 20% f'nazzjonijiet industrijalizzati; billi ż-żieda fil-prezzijiet ta' l-ikel tħalli effett l-aktar kbir fuq familji li għandhom dħul baxx,

E.  billi ż-żieda fil-prezzijiet qed twassal għal dak li qed jissejjaħ 'l-aspett il-ġdid tal-faqar', b'persuni li ma jistgħux aktar jixtru l-ikel li jkun għall-bejgħ; billi l-kriżi attwali mhijiex biss kwistjoni ta' disponibilitá, imma wkoll ta' aċċessibilitá,

F.  billi hemm ċerta tensjoni bejn il-ħtieġa li jkunu finanzjati 'miżuri fuq żmien qasir' u l-ħtieġa li jkunu finanzjati miżuri aktar strutturali, fuq żmien fit-tul u li jkunu indirizzati kwistjonijiet aktar wiesgħa ta' nutrizzjoni, ta' saħħa u ta' ħajja deċenti u għalhekk hu importanti ferm li tkun żgurata l-koerenza,

G.  billi l-Programm Dinji ta' l-Ikel wera li huma biss 260 miljun mis-750 miljun Dollaru Amerikan meħtieġa li s'issa ġew konfermati biex ikopru l-bżonnijiet ta' l-2008,

H.  billi bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jipproduċu biss terz jew anke kwart mill-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom ta' l-ikel huma stess,

I.  billi l-inflazzjoni tal-prezz ta' l-ikel hi waħda mir-raġunijiet ewlenin li minħabba fiha l-ECB ma bidilx ir-rata ewlenija ta' interess ta' 4% minn Ġunju li għadda u mhux mistenni li jħabbar xi titbil fil-futur qarib;

J.  billi hemm il-ħtieġa ta' rispons politiku integrat u ta' strateġija komprensiva għall-problema ta' l-ikel li jiġbru fihom kundizzjonijiet ta' għajxien aħjar, politiki soċjali, produttivitá agrikola, żvilupp sostenibbli, kummerċ, teknoloġija, agrofjuwils u għajnuna fuq żmien qasir għall-pajjiżi foqra; billi din l-istrateġija għandha tqis il-ħtieġa li tirrikonċilja l-objettivi, imma billi l-koperazzjoni globali tista' tagħti l-qafas makro ekonomiku u l-inċentivi meħtieġa biex tkun indirizzata din il-kwistjoni b'mod permanenti,

K.  billi, jekk ma tkunx ġestita sew, din il-kriżi ta' l-ikel tista' tipprovoka sensiela ta' kriżijiet relatati li jaffettwaw il-progress soċjali, il-kummerċ, l-iżvilupp ekonomiku kif ukoll is-sigurtá politika madwar id-dinja,

1.  Jenfasizza n-natura fundamentali tad-dritt għall-ikel u l-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għal kulħadd u f'kull żmien għal ikel suffiċjenti li jwassal għal ħajja attiva u b'saħħitha; jenfasizza li l-Istati għandhom obbligu li jipproteġu, jirrispettaw u jwettqu dan id-dritt; jenfasizza li l-fatt li żewġ biljun persuna għadhom jgħixu f'faqar kbir u li 850 miljun persuna huma nieqsa mill-ikel kuljum juri vjolazzjonijiet sistematiċi tad-dritt għall-ikel, kif miġbur fil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jistieden, għalhekk, lill-Kunsill biex iżid l-impenn tiegħu lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) billi jerġa’ jafferma l-impenji ta’ finanzjament u billi jadotta l-Aġenda għal Azzjoni ta’ l-MDGs ta’ l-UE waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju; din l-Aġenda għal Azzjoni għandha, fl-iskadenzi stipulati, tidentifika fatturi importanti speċifiċi u azzjonijiet f’oqsma ewlenin bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ilma, l-agrikoltura, it-tkabbir u l-infrastruttura li għandhom jagħtu kontribut biex jiġi żgurat li l-MDGs jintlaħqu sa 2015, bil-ħsieb, fost objettivi oħrajn, li jiġi eliminat il-ġuħ sa l-2015;

3.  Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jiżgura, fil-politiki nazzjonali u internazzjonali kollha relatati ma' l-ikel, koerenza ma' l-obbligi dwar id-dritt għall-ikel; jinnota li, partikolarment, politiki dwar agrikultura u sajd, kummerċ u investiment, żvilupp u enerġija, għandhom jikkontribwixxu sabiex jippromovu u qatt biex idgħajfu t-twettiq sħiħ tad-dritt għal ikel adegwat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-irwol ta' l-UE biex tikkontribwixxi ħalli ssolvi l-kriżi globali ta' l-ikel u sabiex tiżgura sigurtá ta' l-ikel dejjiema mhux biss fl-UE, imma wkoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-attivitajiet ta' spekulaturi fuq oġġetti globali, materja prima agrikola u enerġija, li jikkontribwixxu biex iżidu l-volatilitá tal-prezzijiet u biex ikabbru l-kriżi globali ta' l-ikel; iqis li anke f'ekonomija ta' suq miftuħ bi flussi finanzjarji internazzjonali, mhux aċċettabbli li l-ġuħ ta' uħud ikun il-profit ta' oħrajn;

5.  Jirrakkomanda bil-qawwa, għalhekk, li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, partikolarment is-sospensjoni ta' ċerta 'cours' sabiex ikunu garantiti prezzijiet moderati bħala mod immedjat kif tingħeleb il-kriżi, u, eventwalment, il-ħolqien ta' regoli adegwati biex ikunu inkwadrati aħjar attivitajiet spekulattivi; jirrakkomanda wkoll li jkunu eżaminati l-poteri u l-kompetenzi ta' superviżuri nazzjonali fil-qasam ta' l-oġġetti ta' l-ikel sabiex ikun żgurat li huma f'pożizzjoni li jiggarantixxu swieq stabbli u siguri u li l-ispekulazzjoni ma tiksirx id-dritt għall-ikel;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-kriżi ta' l-ikel hi marbuta sew mal-kriżi finanzjarja li fiha injezzjonijiet ta' likwiditá mill-banek ċentrali sabiex jevitaw il-fallimenti setgħu żiedu l-investimenti spekulattivi fil-prodotti; jistieden lill-IMF u lill-Forum ta' Stabilitá Finanzjarja sabiex jevalwaw dan "l-effett sekondarju" u jqisu dan meta jipproponi rimedji globali; iqis bħala offensivi l-politiki li b'mod miftuħ intużaw mill-KBC u mill-Deutsche Bank, fost oħrajn, fis-swieq ta' l-ikel fiċ-ċirkustanzi preżenti u l-istedina tagħhom biex il-klijenti tagħhom jipparteċipaw fl-ispekulazzjoni, u jfakkar fl-appoġġ sħiħ tiegħu għal investimenti etiċi; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni sabiex, malajr kemm jista' jkun, tipproponi miżuri konkreti bil-għan li tipprojbixxi l-offerta, id-diffużjoni jew il-produzzjoni fl-UE ta' strumenti finanzjarji inklużi assikurazzjoni u prodotti ta' assikurazzjoni relatati ma' fondi ta' investiment, meta l-profitt ikun ġej kompletament jew parzjalment minn spekulazzjoni fuq prodotti ta' l-ikel;

7.  Ifakkar li dawk li qed isofru l-aktar minn din il-krizi huma l-istrati l-inqas favoriti tal-popolazzjoni li jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll familji bi dħul baxx; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-prezzijiet ta' l-ikel li qed jiżdiedu qed iżidu l-inugwaljanzi mhux biss fil-kuntest bejn it-tramuntana u n-nofsinhar, imma wkoll fis-soċjetajiet tagħna, għaliex l-ifqar qed ikunu l-aktar effettwati mill-kriżi, u dan jista' jwassal għal ferment soċjali globali;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' politiki aktar b'saħħithom sabiex jagħtu s-setgħa lill-fqar u lill-popolazzjonijiet imċaħħda u sabiex itaffu l-effetti tal-kriżi attwali ta' l-ikel; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti progressivi fil-qasam ta' l-Ewropa Soċjali; jistieden lill-Istati Membri mhux biss biex jappoġġjaw u jippromovu dawn il-proposti, imma wkoll biex jieħdu miżuri immedjati sabiex jgħinu l-popolazzjonijiet tagħhom jiffaċċjaw il-prezzijiet ta' l-ikel li qed jogħlew; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-irwol essenzjali tad-distribuzzjoni mill-ġdid u ta' l-għajununa u s-sussidji lill-konsumaturi li qegħdin f'riskju sabiex jippermettulhom li jkollhom aċċess aħjar għal ikel ta' kwalitá għolja;

9.  Jappoġġja, f'dan ir-rigward, il-mekkaniżmu ta' għajnuna għal persuni imċaħħda fl-UE u jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni pubblika attwali mnedija mill-Kummissjoni Ewropea f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri sabiex jipparteċipaw u jaderixxu ma' dan il-mekkaniżmu ta' l-UE; jisħaq li l-approprjazzjonijiet tal-baġit għal dan il-mekkaniżmu għas-snin 2008 u wara għandhom isegwu l-bżonnijiet reali u l-bżonnijiet ġodda li joħorġu mill-kriżi ta' l-ikel attwali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha fuq it-tip ta' spejjeż finanzjati mil-linja tal-baġit 'għajnuna lill-persuni mċaħħda';

10.  Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex jipprovdu fondi addizzjonali għal operazzjonijiet ta' l-għajnuna alimentari sabiex ikun possibbli li tiġi konfrontata l-kriżi attwali ta' l-ikel; iqis, madankollu, li dipendenza fuq l-operazzjonijiet ta' l-għajnuna alimentari jeħtieġ li tiġi mnaqqsa u jisħaq, għalhekk, dwar il-ħtieġa ta' azzjoni fuq perjodu medju u twil biex ikunu evitati aktar konsegwenzi ta' ħsara u sabiex ikunu indirizzati l-kawżi radikali ta' din il-kriżi;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżommu għajnejhom fuq it-tisħiħ tal-baġit għall-għajnuna alimentari fl-2008 u fl-2009, u biex jaħdmu flimkien mal-Parlament f’dan il-qasam; jenfasizza li dan it-tisħiħ m’għandux isir b’detriment għall-baġit għall-għajnuna umanitarja jew għall-baġit għall-għajnuna għall-iżvilupp, għaliex dawn ir-riżorsi se jkunu taħt pressjoni mis-sigurtá ġdida alimentari u mill-isfidi tal-bidla fil-klima jew minn prijoritajiet politiċi oħra tal-PE;

12.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex, fir-rapport tagħha ta' l-2009 dwar l-iffunzjonar tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, tanalizza s-sitwazzjoni tal-fondi għall-għajnuna alimentari fil-Qafas Finanzjarju Plurijennali attwali (2007-2013);

13.  Josserva bi tħassib kbir ix-xejriet diverġenti li qed jiżdiedu fl-inflazzjoni l-aktar dawk marbuta ma' prezzijiet ogħla ta' l-ikel u ta' l-enerġija fl-EMU u fl-Unjoni Ewropea kollha; jistieden lill-ECOFIN, lill-Eurogrupp, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-ECB sabiex malajr kemm jista' jkun jiżviluppaw flimkien - f'koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u l-Imsieħba Soċjali - politika proattiva makroekonomika u disinflazzjonarja, kif ukoll investiment u politiki tal-pagi proattivi flimkien ma' qtugħ fir-rati ta' l-interessi sabiex ikunu stabilizzati t-tkabbir u d-domanda ekonomika; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri sabiex joħolqu kontro bilanċ għall-impatti soċjali negattivi wara ż-żieda fil-prezzijiet ta' l-ikel u ta' l-enerġija;

14.  Iqis li l-fatturi li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-prezzijiet ta' l-ikel jeħtieġ li jkunu indirizzati b'mod integrat u komprensiv u mhux b'manjiera iżolata, għaliex dawn huma marbuta flimkien; jenfasizza li l-impatt tal-prezzijiet ta' l-ikel jeħtieġ li jkun indirizzat b'mod globali;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, it-twaqqif ta' Forza tax-Xogħol tan-NU dwar il-Kriżi Globali ta' l-Ikel, taħt it-tmexxija tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, sabiex tikkoordina l-isforzi u tiżviluppa rispons internazzjonali koerenti għall-kriżi li tikkostitwixxi sfida globali; jilqa' wkoll b'sodifazzjon is-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-mexxejja dinjija sabiex jattendu l-Konferenza ta' Livell Għoli dwar is-Sigurtá ta' l-Ikel li se ssir f'Ruma (3-5 ta' Ġunju) u jinkoraġġihom sabiex jipparteċipaw;

16.  Ifakkar fl-ispeċifiċitá tas-swieq agrikoli u fil-ħtieġa li tkun żgurata regolamentazzjoni interna u globali fl-interess tal-poter tax-xiri tal-konsumaturi, tad-dħul tal-bdiewa u ta' l-industriji ta' l-ipproċessar; jirrikonoxxi li s-soluzzjoni għall-kriżi attwali hi t-titjieb fl-aċċess għall-ikel għall-persuni l-aktar fqar fid-dinja, u mhux iż-żieda fis-sussidji agrikoli jew f'miżuri ta' protezzjoni; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi dawn il-kunsiderazzjonijiet permezz tal-kontroll tas-saħħa tal-CAP u sabiex ikun evalwat kemm l-strumenti eżistenti għar-realtajiet globali ġodda huma adegwati; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-għan ewlieni tal-CAP hu li jiggarantixxi stabilizzazzjoni tas-suq, sigurtá ta' provvista u prezzijiet raġjonevoli għall-konsumaturi u jenfasizza l-ħtieġa tal-CAP wara l-2013, sabiex tkun żgurata s-sostenibilitá tal-politika ta' l-ikel ta' l-UE waqt li jkunu rispettati s-sostenibilitá, is-sigurtá u l-kwalitá tal-prodotti agrikoli; iqis li l-UE għandu jkollha rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' mudell rurali ġdid ta' agrikultura universali li jifred il-politika ta' l-ikel minn mizuri li jkopru l-prodotti mhux alimentari;

17.  Jilqa' l-Ftehim Ġdid propost mill-President tal-Bank Dinji, Robert Zoellick, sabiex jiġi miġġieled il-ġuħ dinji u l-malnutrizzjoni permezz ta' ġabra flimkien ta' għajnuna ta' emerġenza u sforzi fuq żmien twil ħalli tkun imsaħħa l-produttivitá agrikola f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li dan jirrapreżenta bidla mill-politiki tal-passat preskritta mill-Bank Dinji, inklużi l-kundizzjonalitá u l-liberalizzazzjoni mgħaġġla fis-settur ta' l-agrikoltura li ħalliet ħafna pajjiżi aktar vulnerabbli;

18.  Ifakkar li sabiex ikunu jistgħu jikkompetu ma' prezzijiet tas-suq agrikoli dinjija, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma inkoraġġiti li jiffukaw il-produzzjoni tagħhom fuq numru ristrett ta' prodotti li jkunu intenzjonati esklussivament għall-esportazzjoni; ifakkar ukoll li l-iżvilupp ta' monokulturi qed jwasslu biex metodi tradizzjonali ta' produzzjoni ta' l-ikel ikunu abbandunati għalkemm meħtieġa għall-provvista ta' l-ikel tal-popolazzjoni lokali u għal dipendenza li qed tiżdied fuq importazzjoni ta' prodotti primarji u sensittivitá għas-swieq dinjija li jinbidlu b'mod inkontrollabbli;

19.  Jappoġġja pajjiżi, partikolarment dawk li qed jiżviluppaw, fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-popolazzjonijiet lokali jkollhom aċċess għall-ikel; jemmen li spazju vijabbli ta' politika għandu jkun imsaħħaħ aktar sabiex jippermetti regoli u miżuri nazzjonali għall-iżvilupp ta' dan is-settur; iqis il-Malawi bħala eżempju pożittiv ta' pajjiż li qed jiżviluppa fejn il-produzzjoni ta' l-ikel irduppjat fl-aħħar tliet snin u jenfasizza li l-UE għandha rwol ta' appoġġ f'dan l-iżvilupp; jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex tipprovdi għajnuna ħalli dan il-fenomenu jkun komunikat sabiex jista' jittieħed bħala eżempju f'pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw;

20.  Jistieden għal żidiet urġenti u sostanzjali ta' investiment fl-agrikolura, fl-iżvilupp rurali u fil-kummerċ agrikolu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iffukat fuq bdiewa fqar u biedja fuq skala żgħira bbażata fuq sistemi ta' produzzjoni agro-ekoloġiċi; ifakkar li 75% tal-popolazzjoni fqira tad-dinja tgħix f'zoni rurali, imma biss 4% ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) hi dedikata għall-agrikoltura; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw b'mod aktar effettiv il-kwistjoni ta' l-agrikultura fil-politiki ta' żvilupp tagħhom; jenfasizza l-irwol ta' l-NGOs u ta' l-awtoritajiet lokali biex jinstabu soluzzjonijiet agrikoli innovattivi fi ftehimiet ta' sħubija mal-popolazzjonijiet ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw u jippromovu l-proġetti tagħhom;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li bdiewa fuq skala żgħira f'pajjiżi fqar, li huma l-aktar nisa, jingħataw aċċess għall-art, għal servizzi finanzjarji u ta' kreditu, żrieragħ li jipproduċu, sistemi ta' irrigazzjoni u fertilizzant; jenfasizza li l-investiment fis-settur ta' l-agrikoltura jeħtieġ li jkun iffukat aktar fuq irrigazzjoni, toroq rurali, riċerka u tagħrif lokali, ilma ċar għax-xorb u edukazzjoni, u fuq it-tisħiħ tal-produzzjoni lokali u ta' l-iskambji tas-suq; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex tinforza dawn l-aspetti fl-azzjoni tagħha u biex tappoġġja organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-mikrokreditu u programmi ta' servizzi finanzjarji oħra kif ukoll żieda fl-investiment fl-agrikoltura;

22.  Jitlob li l-promozzjoni ta' politiki sostenibbli ta' l-agrikoltura għandhom ikunu inklużi fl-istrumenti ta' tkabbir u tal-viċinanzi kollha;

23.  Jinnota li l-bidla fil-klima tista' taċċellera t-tnaqqis ta' l-aċċess għar-riżorsi naturali; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri ulterjuri bil-għan li jkun hemm adattament għal sfidi ġodda ħalli tiġi żgurata sigurtà fil-provvista ta' l-ikel u ta' l-enerġija; jenfasizza l-bżonn sabiex l-Istati Membri jużaw il-fondi għall-Iżvilupp Rurali ħalli jissaħħaħ l-adattament għall-bidla fil-klima fl-agrikoltura u fl-imsaġar; jemmen li l-miżuri ta' adattament f'dawn is-setturi għandhom jaħdmu favur it-tnaqqis tal-vulnerabilità u ż-żieda tas-sostenibilità kemm minn perspettiva ambjentali u kif ukoll minn dik ekonomika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' miżuri ta' prevenzjoni tal-kriżi u ta' mmaniġġjar tar-riskju; iqis li l-adattament gradwali tas-settur tal-bdiewa għall-bżonnijiet il-ġodda li ġejjin mill-bidla fil-klima għandha tkun eżaminata bħala parti mill-kontroll tas-saħħa tal-CAP;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koperazzjoni dwar il-bidla fil-klima bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-ħtieġa għal trasferiment ta' teknoloġija u bini tal-kapaċitajiet; jenfasizza li l-bidla fil-klima għandha tkun integrata fil-koperazzjoni ta' żvilupp kollu ta' l-UE u jenfasizza li xi salvagwardji sempliċi għandhom jgħinu lill-bdiewa jipproteġu l-prodotti tagħhom min-nixfa u minn disastri oħra, u jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tesplorahom;

25.  Hu konxju li l-agrofjuwils huma mmarkati bħala wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-prezzijiet ta' l-ikel; iqis li l-fattur agrofjuwil ma jistax jiġi indirizzat b'mod iżolat, imma jeħtieġ li jkun indirizzat permezz ta' rispons integrat għall-kriżi attwali ta' l-ikel; jenfasizza, għalhekk, li l-ikel jeħtieġ ikollu preċedenza fuq l-agrofjuwils;

26.  Iqis li l-effetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta' żieda ta' l-agrofjuwils ta' l-ewwel ġenerazzjoni jeħtieġ li tkun studjata aħjar; iqis ukoll li l-impatt u l-vijabilitá kummerċjali tal-bijofjuwils tal-ġenerazzjoni li jmiss ukoll teħtieġ li tkun monitorjata permanentement u li sforzi ta' riċerka jeħtieġ li jkunu msaħħa f'dan il-qasam; ifakkar li l-effetti tal-bijofjuwils għandha tkun evalwata fir-rigward ta' l-impatt ambjentali ġenerali u ta' l-aspetti soċjali tagħhom u waqt li jitqis ir-riskju tal-kompetizzjoni bejn is-sigurtá ta' l-enerġija u s-sigurtá ta' l-ikel li jwassal għal tħassib l-aktar fil-każ ta' prodotti ta' l-ikel bażiċi li qed jitkabbru wkoll bħala agrofjuwils bħal qamħirrun u l-qamħ, kif illustrat mill-Istati Uniti ta' l-Amerika, fejn inkoraġġiment qawwi tal-produzzjoni tal-qamħ għall-agrofjuwils direttament jew indirettament influenzat iż-żieda fil-prezzijiet ta' l-ikel, skond l-OECD; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tifli l-effetti possbbli ta' ħsara tas-sussidji għall-prodotti ta' l-agrofjuwil;

27.  Hu konxju tal-ħtieġa ta' l-effiċjenza fl-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista ta' l-enerġija; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex tevalwa b'mod kontinwu l-ispejjeż u l-benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi ta' l-agrofjuwils u tal-bijomassa kollha għall-skopijiet ta' enerġija, kif ukoll forom oħra ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u sabiex tadatta l-proposti tagħha skond il-ħtieġa, waqt li tagħti attenzjoni speċjali lil reġjuni li għandhom riskju għoli ta' defiċit fl-enerġija;

28.  Jenfasizza li l-produzzjoni tal-bijomassa kollha għal skopijiet ta' enerġija teħtieġ li tkun konformi mal-kriterji ambizzjużi u stretti soċjali u ta' bijodiversitá sostenibbli u m'għandhiex tirriżulta f'impatti soċjali negattivi u f'kompetizzjoni fl-użu ta' l-art; jinnota l-potenzjal ta' l-agrofjuwils prodotti b'mod sostenibbli, per eżempju minn skart u art mitluqa; jinnota li l-mira attwali ta' 10% ta' bijofjuwils sa l-2020 tista' tasal għall-għan tagħha biss meta tiffunzjona bħala inċentiv għall-iżvilupp tal-bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni; jinnota f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-"għadd doppju" tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' bijofjuwils għall-konformitá mal-mira ta' 10% li torbot; hu ppreparat li jaċċetta l-proposta dwar limitazzjoni ta' importazzjoni ta' agrofjuwils għal dawk l-importaturi li rratifikaw "għall-inqas għaxar" Trattati Internazzjonali mil-lista ta' tnax - li fihom erba' Trattati relatati ma' kwistjonijiet dwar l-ambjent (Kyoto inkluż) u tminja dwar id-dritt tax-xogħol (mhux esplojtazzjoni tax-xogħol tat-tfal, il-libertá tat-trejdjunjon, eċċ.) - kif stabbilit fid-dokument ta' ħidma mill-Kummissjoni fix-xogħol leġiżlattiv tagħha;

29.  Iqis li l-ftuħ tas-swieq agrikoli jeħtieġ li jkunu progressiv, bi qbil mal-progress ta' żvilupp ta' kull pajjiż li qed jiżviluppa u bbażat fuq il-kwalitá; jinnota li prodotti sensittivi li huma ħtiġiet bażiċi għall-persuni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew ta' importanza partikolari għas-sigurtá ta' l-ikel u għall-iżvilupp rurali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandhom ikunu esklużi minn liberalizzazzjoni sħiħa sabiex ikunu evitati danni irreversibbli għall-produtturi lokali;

30.  Jirrikonoxxi li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta' prodotti agrikoli ta' l-ikel u ta' prodotti agrikoli primarji esponiet lill-bdiewa ż-żgħar fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għal bosta sfidi ġodda. Jinnota li bdiewa fuq skala żgħira huma magħmula l-aktar min-nisa li jġorru r-responsabilitá ewlenija biex jitimgħu lill-familji tagħhom u l-komunitajiet lokali, u hu importanti ferm li jkunu megħjuna ilaħħqu mal-kompetizzjoni esterna;

31.  Jistieden bil-qawwa għall-koerenza akbar bejn il-kummerċ u l-politiki ta' żvilupp, sabiex jitkabbar sostanzjalment is-sehem tal-profitti mill-kummerċ globali f'oġġetti li jirċievu produtturi u ħaddiema żgħar u sabiex tissaħħaħ is-sigurtá ta' l-ikel u sabiex jittieħdu passi ħalli jkun żgurat li l-kummerċ inġust ma jfixkilx l-iżvilupp sostenibbli;

32.  Hu ta' l-opinjoni li biex ikunu garantiti s-sigurtá ta' l-ikel, is-sostenibilitá u biex ikun hemm għajnuna fil-ġlieda kontra l-faqar, il-leġiżlazzjoni Ewropea u internazzjonali kollha għandha tkun adottata f'dan ir-rigward waqt li d-drittijiet ekonomiċi u soċjali, inkluż id-dritt għall-ikel, għandhom ikunu meqjusa fir-regoli u fil-ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali; jemmen li kemm l-UE kif ukoll il-komunitá internazzjonali għandhom jinkludu dawn l-objettivi fil-politiki ġenerali tagħhom; jenfasizza li l-kriżi globali turi l-ħtieġa għal titjib fit-tmexxija globali ta' l-ikel, tal-kummerċ u ta' l-għajnuna;

33.  Jenfasizza li l-UE għandha tippromovi sistema preferenzjali u asimetrika fin-negozjati ta' kummerċ ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tippermettilhom li jżommu ċerta ammont ta' tmexxija tal-provvisti u għodda ta' żvilupp oħra fis-swieq tagħhom;

34.  Jenfasizza li fin-negozjati attwali tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika (EPA), il-prijoritá tal-Kummissjoni għandha tkun li tirrispondi għall-ħtiġiet ta' żvilupp espressi mill-pajjiżi ta' l-ACP; iwissi li l-EPAs kif attwalment konċepiti jirriskjaw sew li jostakolaw l-ispazju tal-politika ta' pajjizi li qed jiżviluppaw, iżommuhom milli jappoġġjaw l-agrikoltura u jżidu l-produzzjoni, waqt li l-introduzzjoni ta' 'shock competition' minn prodotti Ewropej, li huma ħafna aktar kompetittivi, tista' tqiegħed fil-periklu l-istabilitá tas-swieq agrikoli lokali ta' l-ACP u żżid id-dipendenza ta' l-ikel tal-pajjiżi ta' l-ACP; ifakkar li sabiex tingħeleb din l-isfida, l-EPAs għandhom ikunu akkumpanjati minn fondi ġodda li diġá ġew imwiegħda għall-Għajnuna għall-Kummerċ (€2bn fis-sena sa l-2010) u bil-promozzjoni ta' l-integrazzjoni regjonali;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' outcome favur l-iżvilupp li jkun ta' suċċess mid-Doha Round; jenfasizza wkoll li d-dinja żviluppata għandha ssaħħaħ l-impenn tagħha biex tirriforma s-sussidji tal-biedja permezz ta' ftehim dwar il-kummerċ dinji; jenfasizza li hemm ħtieġa għal dixxiplina dwar is-sussidji li jwasslu għal rimi jew tnaqqis ta' l-opportunitajiet ta' l-esportazzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li m'hemmx bżonn ta' faċilitazzjoni għall-kummerċ u għall-koperazzjoni biex l-ikel ikun megħjun jimxi aktar malajr u b'mod irħas fejn ikun hemm bżonn; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tassigura ftehim ta' kummerċ fid-WTO li se jgħin biex jissaħħaħ id-dħul ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u jtaffi l-problema ta' aċċess għall-ikel, minħabba li f'suq li fih inqas tfixkil u bil-miżuri meħtieġa miegħu, il-provvista ta' l-ikel se tiżdied bħala risposta għall-prezzijiet ogħla; jenfasizza li r-riżultati tad-Doha Round għandhom jagħtu inċentivi pożittivi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jinvestu fl-agrikoltura u fil-produzzjoni ta' l-ikel tagħhom;

36.  Iqis li miżuri tal-politika domestika biex jikkoreġu d-distorsjoni mingħajr ma jfixklu l-provvista huma meħtieġa, imma li restrizzjonijiet ta' l-esportazzjoni għandhom jitneħħew; hu mħasseb f'dan ir-rigward bis-suġġerimenti ta' 'cartel' tar-ross;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja proposti ħalli tinkludi azzjoni dwar il-prezzijiet ta' l-ikel bażiku fis-sensiela ta' negozjati attwali tad-WTO;

38.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu l-Kummerċ Ġust u skemi etiċi li jagħtu kontribut biex jgħollu l-istandards soċjali u ambjentali u jgħinu produtturi żgħar u marġinalizzati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jiggarantixxu prezzijiet u dħul aktar ġusti filwaqt li jinkuraġġixxi l-awtoritajiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropa biex jintegraw il-Kummerċ Ġust mal-kriterji ta' sostenibilità fil-politiki tagħhom dwar l-offerti pubbliċi u x-xiri;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga l-konċentrazzjoni ta' l-impatt li s-settur tas-suq enormi ta' l-UE qed ikollu fuq impriżi żgħar, fornituri, ħaddiema u konsumaturi u sabiex tevalwa kwalunkwe abbuż tal-poter tax-xiri li jirriżulta minn din il-konċentrazzjoni u partikolarment, l-effetti tagħhom fuq il-prezzijiet ta' l-ikel; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward ir-rapport dwar ir-raġunijiet għal iffunzjonar ħażin tas-servizzi bl-imnut li se jkun ippreparat għall-2009 fil-qafas tar-'Reviżjoni tas-Suq Uniku' u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi miżuri adegwati, flimkien ma' regolamentazzjoni biex tipproteġi lill-konsumaturi, lill-ħaddiema u lill-produtturi minn kull abbuż jew impatt negattiv identifikat;

40.  Jenfasizza li l-kriżi ta' l-ikel attwali turi l-ħtieġa li jkunu promossi l-istabilitá politika, l-integrazzjoni reġjonali, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, mhux biss fl-UE, imma wkoll fid-dinja kollha; jistieden, għalhekk, lill-partijiet interessati kollha sabiex jippromovu valuri umani u demokratiċi u l-istat tad-dritt meta jindirizzaw il-kriżi attwali ta' l-ikel u meta jindirizzaw problemi dwar sigurtá ta' l-ikel fuq perjodu twil;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-KoPresidenti ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan(PAP).

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Mejju 2008Avviż legali