imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jan Marinus Wiersma, Hannes Swoboda, Véronique De Keyser u Benoît Hamon
f'isem il-Grupp PSE
dwar is-samit bejn l-UE u l-Istati Uniti
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-samit bejn l-UE u l-Istati Uniti
B6‑0277/2008
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra b’mod partikolari r-riżoluzzjoni preċedenti dwar relazzjonijiet transatlantiċi u r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ 1 ta’ Ġunju 2006(1) dwar it-titjib tar-relazzjonijiet ekonomiċi Unjoni Ewropea – Stati Uniti fir-rigward tal-qafas tal-Ftehima ta’ Sħubija Transatlantika,
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008(2) dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku,
–
wara li kkunsidra l-Karta “Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali” mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kunsill Ewropew (14 ta’ Marzu 2008),
–
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni UE-Stati Uniti tas-26 ta’ Ġunju 2004 dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u d-Dikjarazzjoni ta’ l-20 ta’ Ġunju 2005 dwar it-Titjib tal-Koperazzjoni fil-qasam tan-Non-proliferazzjoni u tal-Ġlieda kontra t-Terroriżmu,
–
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 1803 (2008), 1696 (2006), 1737/ (2006) u 1747/ (2007) dwar il-programm nukleari Iranjan,
–
wara li kkunsidra l-konklużjoni tas-Samit UE-Stati Uniti li sar fit-30 ta' April 2007 f'Washington D.C.,
–
wara li kkunsidra s-samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li se jsir fl-10 ta' Ġunju 2008 f’Brdo, is-Slovenja,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.
billi l-effetti tal-bidla fil-klima, bħall-kunflitti territorjali dwar ir-riżorsi, il-prezzijiet ogħla ta’ l-ikel u l-migrazzjoni, huma kwistjonijiet ta’ tħassib kbir għall-popli u għall-mexxejja ta’ l-UE; billi skond l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija, id-domanda għall-enerġija globali se tiżdied bejn 50% u 60% sa l-2030,
B.
billi ż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel tħalli l-aktar impatt fuq l-ifqar pajjiżi tad-dinja; billi, jekk ma tkunx immaniġġjata sew, din il-kriżi ta’ l-ikel tista’ tipprovoka sensiela ta’ konseġwenzi negattivi, li jaffettwaw il-progress soċjali, il-kummerċ, it-tkabbir ekonomiku, is-saħħa umana, l-ambjent, u s-sigurtà; billi skond l-OECD, is-sussidji attwali ta’ l-Istati Uniti sabiex jikkonvertu l-qamħ f’etanol ikkontribwew għal żieda globali fil-prezzijiet ta’ l-ikel u fit-taqlib li rriżulta f’xi pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, inklużi l-Haiti u l-Burkina Faso,
C.
billi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, ħafna mill-miri ta’ l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs) mhux ser jintlaħqu sa l-iskadenza ta’ l-2015 u xi indikaturi, partikolarment fl-MDGs, sabiex titnaqqas il-mortalità infantili u titjieb is-saħħa materna, qed juru progress globali partikolarment fqir; billi l-pajjiżi Afrikani li jinsabu 'l isfel mis-Sahara m’humiex fit-triq li jilħqu xi wieħed mill-MDGs; billi fl-2007 l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp kkombinata (ODA) tal-15-il membru tal-Kumitat ta’ l-Assistenza għall-Iżvilupp (DAC) li huma membri ta’ l-UE naqset b’5.8% f’termini reali għal USD 62.1 biljuni, li jirrappreżentaw 0.40% tal-GNI tagħhom ikkombinat,
D.
wara li kkunsidra l-kunsens kbir ħafna fl-UE dwar l-qawmien mill-ġdid u t-tisħiħ tat-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni (NPT) fil-perjodu li jwassal għall-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT li jmiss fl-2010,
E.
billi, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport “Stimi tas-Servizzi Sigrieti Nazzjonali” ta’ l-Istati Uniti dwar l-intenzjonijiet u l-kapaċitajiet nukleari ta' l-Iran fit-3 ta' Diċembru 2007, twarrbet il-possibilità ta’ azzjoni militari antiċipatorja kontra l-Iran qabel ma jispiċċa l-mandat tal-President Bush,
F.
billi f’Annapolis, il-mexxejja ta’ l-Iżrael u tal-Palestina qablu li jimpenjaw ruħhom sabiex iġeddu n-negozjati bi l-għan li jiġi konkluż ftehim qabel tmiem l-2008; billi l-isforzi sabiex ikun hemm l-istabilità fil-Lvant Nofsani permezz tal-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandhom bżonn koperazzjoni qawwija bejn l-UE u l-Istati Uniti, anke fil-qafas tal-Kwartett, u mal-Lega ta’ l-Istati Għarab,
G.
billi koperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-Kosovo hija kruċjali għall-istabbilità u għall-iżvilupp tal-Balkani tal-Punent; billi l-Istati Uniti fil-prinċipju impenjat ruħha li tipparteċipa f’din il-missjoni importanti ta’ l-ESPD/Stat tad-Dritt fil-Kosovo b’madwar 80 pulizija, żewġ imħallfin u bejn 4 u 6 prosekuturi,
H.
billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu, li hija waħda mill-prijoritajiet ta’ l-UE u ta’ l-Istati Uniti, ma tistax issir bi ħsara għall-valuri bażiċi u komuni stabbiliti bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt;
I.
billi f’votazzjoni storika tat-18 ta’ Diċembru 2007, il-Plenarja ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni sponsorjata minn alleanza transreġjonali, inkluża l-UE, dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt; Jinsab imħasseb ħafna dwar l-eżistenza kontinwa tal-piena tal-mewt f’ħafna stati ta' l-Amerika,
1.
Iqis l-elezzjoni Presidenzjali Amerikana li jmiss bħala mument kritiku għall-futur tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti; jittama li f’dan ir-rigward l-elezzjoni se ġġib magħha impenn imsaħħaħ mill-Istati Uniti lejn il-multilateraliżmu u lejn il-paċi u d-demokrazija madwar id-dinja; jemmen li s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet sensittivi bħall-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, l-Iran, l-Iraq, il-Kosovo u l-isfidi globali tal-faqar u tal-bidla fil-klima hemm bżonn li jkunu infurzati;
Sfidi globali u bidla fil-klima
2.
Iħeġġeġ lill-Istati Uniti sabiex tagħmel li tista’ biex tispiċċa l-ħidma fuq il-leġiżlazzjoni domestika tagħha dwar il-klima sal-konferenza tan-NU ta' Diċembru 2009 f’Kopenħagen; jistieden ukoll lill-Istati Uniti sabiex tippersisti fl-isforzi tagħha u tistabbilixxi sistema ta' kummerċ tal-karbonju li fil-futur tkun tista’ tiġi marbuta ma’ l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra ta’ l-UE;
3.
Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà tal-bidla fil-klima; iħeġġeġ is-Samit UE-Stati Uniti sabiex jindirizza din il-kwistjoni bħala kwistjoni prijoritarja, li tibni fuq il-konferenza ta’ Bali f’Diċembru 2007 li kienet; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jaħdmu flimkien biex, fl-2009, jilħqu ftehim ambizzjuż għal wara l-2012, inklużi azzjonijiet ta' mitigazzjoni u ta’ adattament fuq livell internazzjonali;
4.
Jappella għaż-żieda ta’ l-għajnuna ta’ emerġenza sabiex tkun indirizzata t-theddida immedjata lill-ifqar nies tad-dinja minħabba prezzijiet ogħla ta’ l-ikel; madankollu, jirrikonoxxi li l-flus m’humiex biżżejjed u għalhekk jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kungress u lill-Amministrazzjoni ta’ l-Istati Uniti sabiex jindirizzaw problemi strutturali bħas-sotto-investiment fl-agrikoltura, u jappella għal approċċ globali kkoordinat mill-UE, l-Istati Uniti u l-organizzazzjonijiet multilaterali, li għandhom jinkludu regoli ta’ kummerċ aktar ġusti u aktar investiment fl-agrikoltura fil-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw, iffukat fuq produtturi fuq skala żgħira u fuq in-nisa; jistieden lid-donaturi sabiex jipprovdu appoġġ u jgħinu fl-iffinanzjar ta’ lqugħ ta' sikurezza għall-aktar nies vulnerabbli; jistieden lill-mexxejja ta’ l-UE u ta’ l-Istati Uniti sabiex jappoġġjaw u jipparteċipaw b’mod attiv fit-Task Force tan-NU dwar il-Kriżi ta’ l-Ikel Globali, stabbilita taħt it-tmexxija tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon;
Non-proliferazzjoni
5.
Iqis li l-pożizzjoni ta’ l-Istati Uniti fil-passat dwar ir-reviżjoni ta’ l-NPT hija ta’ dispjaċir u jappella għat-tisħiħ tas-sistema internazzjonali tat-trattati u tar-reġimi kontra l-proliferazzjoni ta' l-armi ta' distruzzjoni tal-massa; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jevitaw il-vojt potenzjali fil-perjodu 2009-2010, meta ftehimiet kbar dwar id-diżarmament jaslu għat-tiġdid; jispera li l-ftehimiet importanti ħafna li ntlaħqu fl-1999, fl-2000 u fl-2001 mar-Russja jinżammu;
6.
Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jagħtu aktar piż politiku u diplomatiku lill-proposti ta’ l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika (IAEA) dwar l-universalizzazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehimiet ta’ Salvagwardji Nukleari, u dwar il-multilateralizzazzjoni tal-proċessi ta’ tisħiħ; jappella lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex iġeddu l-impenn tagħhom għad-Dokument Finali tal-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT ta’ l-2000;
7.
Jistieden lill-Istati Uniti sabiex tirratifika t-Trattat Komprensiv dwar il-Projbizzjoni tat-Testijiet (CTBT) bħala pass siewi lejn it-tnaqqis tar-relevanza operazzjonali ta’ l-armi nukleari;
8.
Huwa tal-fehma li l-pjan ta' l-Istati Uniti sabiex tistabbilixxi sistema antimissilistika fl-Ewropa f’dan iż-żmien jista’ jfixxkel l-isforzi għad-diżarmament internazzjonali; juri tħassib dwar id-deċiżjoni tar-Russja li tissospendi l-osservanza ta' l-obbligi tagħha skond it-Trattat tal-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa; jenfasizza li ż-żewġ kwistjonijiet jaffettwaw is-sigurta tal-popli ta’ l-Ewropa u għalhekk m’għandhomx ikunu suġġetti għal diskussjonijiet bilaterali puri bejn l-Istati Uniti u pajjiżi individwali Ewropej; f’dan ir-rigward jinnota d-dikjarazzjoni tas-samit ta’ Bukarest maħruġa fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill ta’ l-Atlantiku ta’ Fuq fit-3 ta’ April 2008 li tappella għal arkitettura komprensiva tad-difiża missilistika li tkun testendi l-kopertura tagħha għat-territorju kollu alleat; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu qafas maħsub sabiex jinkludi l-Istati Membri kollha ta’ l-UE u lin-NATO f’dibattitu dwar il-kwistjoni; jistieden lill-Kunsill u lin-NATO sabiex jevalwaw theddidiet nukleari fil-futur minn ċertu pajjiżi, kif ukoll il-periklu ta’ tellieqa ġdida ta’ armament fl-Ewropa u sabiex jipproponu rispons multilaterali adegwat lilhom, bil-possibilità li tiġi inkluża s-sistema antimissilistika proposta mill-Istati Uniti fil-qafas tan-NATO;
Il-programm nukleari Iranjan
9.
Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-UNSC dwar l-Iran adottati skond l-Artikolu 41, Kapitolu VII tal-Karta tan-NU u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jaqblu dwar strateġija komuni li tikkonvinċi lill-Teheran sabiex josserva r-riżoluzzjonijiet tal-UNSC;
10.
Jistieden lill-Istati Uniti, wara s-suċċess diplomatiku tagħha fin-negozjati mal-Korea ta’ Fuq, sabiex tipparteċipa b’mod dirett fin-negozjati ma’ l-Iran flimkien ma’ l-UE, peress li l-Istati Uniti tinsab f’pożizzjoni li toffri garanziji addizzjonali ta’ sigurtà; jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni ma’ l-Istati Uniti, mar-Russja, maċ-Ċina u ma’ pajjiżi mhux allinjati sabiex jikkonsidraw kunċetti komplimentari li jqisu t-tħassib tas-sigurtà ta’ l-Iran, bi l-għan li jintlaħaq ftehim komprensiv ma’ l-Iran dwar il-faċilitajiet nukleari tiegħu u l-użu tagħhom;
Il-Proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani
11.
Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jiżgura li l-UE, bħala d-donatur umanitarju prinċipali fit-Territorji Palestinjani, ikollha rwol politiku kbir, anke fil-qafas tal-Kwartett, sabiex tinstab il-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jappella għal koperazzjoni imtejba bejn il-partijiet fil-Kwartett u għal sħubija mġedda bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-isforzi mmirati għat-tfittxija ta’ paċi u ta’ stabbilità li jżommu fit-tul għall-Lvant Nofsani; jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-appell tal-Kwartett għat-tkomplija ta’ l-assistenza ta’ emerġenza u umanitarja, mingħajr ostakli, għall-popolazzjoni ta’ l-Istrixxa ta’ Gaza; huwa tal-fehma li għandu jsir kull sforz sabiex tiġi rinfurzata s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Libanu u sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi politika attwali fil-pajjiż; jappella għal azzonijiet konċertati UE-Stati Uniti sabiex iħeġġu lis-Sirja tikkopera mal-komunità internazzjonali u biex din ikollha rwol kostruttiv fir-reġjun;
Multilateraliżmu effettiv
12.
Jinnota aktar koperazzjoni ma’ l-Istati Uniti fil-fora ‘mini-laterali’ relatati ma’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi speċifiċi, mill-G8 għall-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Balkani, mill-Kwartett tal-Lvant Nofsani għall-5+1 dwar l-Iran; ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq is-solidarjetà bejn il-Membri tagħha u għalhekk, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw ma’ msieħba dwar deċiżjonijiet ta’ interess komuni li fl-aħħar mill-aħħar għandhom iwasslu għal soluzzjonijiet multilaterali effettivi u konsistenti għall-benefiċċju tal-partijiet kollha kkonċernati; għalhekk jistieden lir-Rappreżentant Għoli sabiex jindirizza l-isfidi attwali għal multilateraliżmu effettiv fl-aġġornament tiegħu ta’ l-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea li għandha titfassal fit-tieni nofs ta' l-2008; jemmen li strateġija riveduta għandha timmira sabiex takkwista aktar viżibilità u influwenza għall-UE, inkluż l-obbligu għall-‘mini gruppi’ sabiex jikkonsultaw l-imsieħba ta’ l-UE u jfittxu mandat mill-UE;
13.
Jistieden lill-Istati Uniti sabiex tirratifika t-Trattat dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali;
14.
Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jaħdmu flimkien sabiex jistabbilixxu ambjent tax-xogħol internazzjonali għat-titjib tas-sigurtà u tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’postijiet bħal Burma, iż-Żimbabwe, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-Sudan, iċ-Ċad, il-Kenja, is-Somalja billi tinżamm l-attenzjoni fuq dawn il-kwistjonijiet fil-forums relevanti kollha, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
Koperazzjoni għall-iżvilupp
15.
Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex ipoġġu l-MDGs fiċ-ċentru tal-politika internazzjonali ta' żvilupp; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Istati Uniti biex iżidu l-għajnuna tagħhom lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex iżommu kredibilità għall-impenji tagħhom li jżidu l-għajnuna; jagħraf iż-żieda fl-impenn ta' l-Istati Uniti għall-għajnuna għall-iżvilupp b'mod ġenerali u għall-Afrika b'mod partikulari; iħeġġeġ lill-President ta' l-Istati Uniti sabiex juża l-aħħar sena tiegħu fil-kariga sabiex jimmira għal eżiti ambizzjużi fil-laqgħa tal-G8 fil-Ġappun u fis-Samit tan-NU dwar l-MDGs f'Settembru fi New York; jistieden lill-UE sabiex iżżomm l-MDGs u l-kalendarji annwali sabiex tikseb 0.7% fl-ODA bħala punt ta' qofol fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew fid-19-20 ta' Ġunju;
16.
Iqis bħala dispjaċir id-deċiżjoni tal-Gvern ta’ l-Istati Uniti sabiex inaqqas l-appoġġ finanzjarju tiegħu għall-Fond tal-Popolazzjoni tan-NU (UNFPA); jiġbed l-attenzjoni għall-irwol importanti tal-UNFPA sabiex tikseb it-tnaqqis b’mod volontarju tar-rati tal-fertilità fil-pajjiżi anqas żviluppati; jemmen li l-aċċess għall-kontraċettivi u għas-sistemi ta’ riproduzzjoni, l-għoti ta’ aktar poter lill-bniet u lin-nisa, u l-promozzjoni ta’ saħħa materna u infantili huma strateġiji kruċjali għat-tkabbir ta’ popolazzjoni aktar bil-mod u sabiex tinżamm is-sostennibilità tar-riżorsi; għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern ta’ l-Istati Uniti sabiex iżid l-iffinanzjar tiegħu għall-UNFPA;
Id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra t-terroriżmu
17.
Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill ta’ l-UE u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex fl-aħħar jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom mill-kumitat temporanju tiegħu dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u għad-detenzjoni illegali ta' priġunieri (TDIP); jispera li finalment l-amministrazzjoni ta’ l-Istati Uniti se tindirizza l-kwistjoni ta’ l-għeluq tal-Bajja ta’ Guantánamo u li l-Istati Membri ta’ l-UE se jagħmlu l-aħjar tagħhom sabiex jappoġġjaw ir-rilokazzjoni tal-priġunieri meħlusa, sabiex ikun aċċellerat il-proċess; iqis bħala dispjaċir id-deċiżjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-Istati Uniti li tibni kumpless ta’ detenzjoni fl-Afganistan li turi biċ-ċar l-intenzjoni ta’ l-Istati Uniti li tibqa’ żżomm priġunieri barra mill-pajjiż għas-snin li ġejjin; jikkundanna kull forma ta’ tortura u trattament ħażin u jerġa’ jisħaq fuq il-bżonn ta' konformità mal-liġi internazzjonali;
18.
Itenni l-ħtieġa għal ftehima ġenerali li tippermetti l-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri kollha fil-Programm ta’ Rinunzja ta’ Viżi ta’ l-Istati Uniti bl-istess kundizzjonijiet mingħajr kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta;
19.
Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent mill-Istati Uniti tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea sabiex tinnegozja ftehim bħal dan u jinnota li kwistjonijiet li huma ta' kompetenza ta' l-UE, bħall-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà (inkluż l-iskambju tad-dejta tal-‘Passenger Name Record’ (PNR), l-estradizzjoni u l-assistenza legali reċiproka), għandhom jiġu negozjati mal-Kunsill, u ma’ l-Istati Membri biss sakemm dawn huma relatati maċ-ċittadini tagħhom stess;
20.
Jikkonferma l-volontà tiegħu li jikkopera mill-qrib fil-ġlieda komuni kontra t-terroriżmu u jafferma – b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-KE u ta' l-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u mad-drittijiet fundamentali u ma' l-istat tad-dritt – li l-koperazzjoni għandha ttejjeb b’mod partikolari, l-ewwel, l-iskambju ta’ informazzjoni, b’konformità stretta mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, it-tieni, il-koordinazzjoni bejn l-aġenziji tas-servizzi sigrieti u ta’ l-infurzar tal-liġi, anke fil-livell operazzjonali u, it-tielet, il-koperazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ ftehim eżistenti bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-assistenza u l-estradizzjoni legali reċiproċi;
21.
Jenfasizza l-importanza tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinforma lill-PE bil-progress li jsir fin-negozjati dwar qafas ta' koperazzjoni Ewro-Atlantika, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali u tal-ħajja privata;
L-Afganistan
22.
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li sforzi internazzjonali li diġà saru sabiex jiġi stabbilit l-Afganistan soffrew minn nuqqas ta’ koordinazzjoni; jinnota l-istqarrija tar-Rappreżentant Għoli għas-CFSP li l-missjoni tal-pulizija ta’ l-UE fl-Afganistan, il-EUPOL, issa tinsab fit-triq it-tajba sabiex isir l-istazzjonament sħiħ kif pjanat; jenfasizza li l-EUPOL għandu jikkumplimenta l-isforzi tal-parteċipanti l-oħra fuq l-art;
23.
Jiddispjaċih li s’issa l-għajnuna tal-komunità internazzjoni għall-Afganistan ma kinetx biżżejjed u ħafna drabi kien hemm il-ħela jew ma kinetx effettiva; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, minħabba r-rabtiet diretti bejn l-iżvilupp u s-sigurtà, sabiex jieħdu passi urġenti ħa jżidu, jtejbu u jikkoordinaw aħjar l-assistenza tagħhom ta' l-iżvilupp lill-Afganistan, fost l-oħrajn billi jgħaddu ħafna fondi lil kemm jista’ jkun istituzzjonijiet Afgani u lill-NGOs li għandhom l-esperjenza;
L-Iraq
24.
Jistieden lill-Kunsill sabiex jinvolvi ruħu fi djalogu ma’ l-Istati Uniti dwar l-Iraq, jaqsam l-opinjonijiet ta’ l-UE dwar l-irwol strateġiku tiegħu fil-pajjiż, u jkompli jappoġġja l-multilateralizzazzjoni mtejba ta’ l-irwol li għandha l-komunità internazzjonali fl-Iraq billi jagħmel użu sħiħ mill-irwol li kiber tan-NU skond ir-Riżoluzzjoni 1770 tal-UNSC;
Il-Kosovo
25.
Jemmen li l-UE u l-Istati Uniti jridu jittakiljaw l-iżvilupp tal-Kosovo b’mod urġenti permezz ta’ sfidi ta’ sigurtà għal żmien qasir u sfidi għal żmien twil bi l-għan li jintlaħaq objettiv komuni: stat li jiffunzjona, soċjetà multietnika b’istituzzjonijiet b’saħħithom u li jiffunzjonaw u li tirrispetta l-istat ta’ dritt;
26.
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li għall-ewwel darba l-Istat tad-Dritt u l-Missjoni tal-Pulizija ta' l-ESDP għall-Kosovo ser tinkludi uffiċjali tal-pulizija mill-Istati Uniti; jinnota li l-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti se tissekonda numru ta' staff mid-Dipartiment ta' l-Istat u kuntratturi għall-operazzjoni fil-Kosovo u se tkopri 25 fil-mija ta' l-ispejjeż operazzjonali ta' l-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali (ICO), u l-bqija jiġu mill-kontribuzzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea, u minn stati oħra;
Il-Ġeorġja
27.
Jappella lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jużaw il-mezzi diplomatiċi kollha biex jappellaw lir-Russja sabiex tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja, u jistieden lill-partijiet kollha involuti sabiex ifittxu riżoluzzjoni paċifika għall-konflitti separatisti fil-Ġeorġja;
Il-koperazzjoni UE-NATO
28.
Jistieden lill-Istati Membri ta’ l-UE u lill-Istati Uniti sabiex jaħdmu flimkien fuq ideat ġodda għat-tnediha ta’ sħubija UE-NATO definita mill-ġdid u aktar b’saħħitha, li tmur lilhinn mill-Berlin-Plus, minħabba l-ħtieġa għal koperazzjoni akbar fl-Afganistan; huwa ta’ l-opinjoni li l-isforzi sabiex tiġi modifikata u rfinata l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà għandhom ikunu marbuta minn fażi bikrija tad-diskussjonijiet dwar Kunċett Strateġiku ġdid tan-NATO;
Il-piena tal-mewt
29.
Jikkundanna mill-ġdid il-piena tal-mewt; jistieden lill-Gvern ta’ l-Istati Uniti u lill-Istati Amerikani sabiex ineħħuha; jiddipsjaċih dwar is-sentenza riċenti mill-Qorti Suprema ta’ l-Istati Uniti li tinżamm l-injezzjoni letali, b’tali mod li fetħet it-triq għal aktar eżekuzzjonijiet;
30.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.