Proċedura : 2008/2530(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0284/2008

Testi mressqa :

B6-0284/2008

Dibattiti :

PV 04/06/2008 - 20
CRE 04/06/2008 - 20

Votazzjonijiet :

PV 05/06/2008 - 6.16
CRE 05/06/2008 - 6.16

Testi adottati :

P6_TA(2008)0256

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 120kDOC 61k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0277/2008
28 ta' Mejju 2008
PE407.484v01-00
 
B6‑0284/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Annemie Neyts-Uyttebroeck, Alexander Graf Lambsdorff u Anneli Jäätteenmäki
f'isem il-Grupp ALDE
dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti 
B6‑0284/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Samit li se jsir bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Ġunju fis-Slovenja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma l-pedament ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni u huma stabbiliti fuq valuri komuni bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll fuq l-appoġġ għal ekonomiji u żvilupp sostenibbli,

B.  billi valuri bħal dawn għandhom sehem importanti fil-kunsiderazzjoni għall-ġejjieni tal-prinċipji fundamentali tas-Sħubija Transatlantika,

C.  billi l-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti jammontaw bejn wieħed u ieħor għal USD 1 biljun kuljum, għal 60% tal-Prodott Domestiku Gross (GDP) dinji u għal kważi 40% tal-kummerċ dinji, li l-biċċa l-kbira minnu jsir bl-ebda diffikultà jew kontroversja,

D.  billi l-forza tax-xogħol transatlantika totali bejn wieħed u ieħor tlaħħaq bejn 12 u 14-il miljun ruħ, li huma dimensjoni importanti tar-relazzjoni reċiproka tagħna,

E.  billi, bħal ma tagħmilha ċara l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà, is-Sħubija Transatlantika u n-NATO huma importanti ħafna għas-sigurtà kollettiva,

F.  billi, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, jinħtieġ li tkun enfasizzata l-importanza li l-liġi internazzjonali u t-trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jiġu rrispettati bis-sħiħ,

G.  billi f'dawn l-aħħar snin bosta ftehimiet imqanqla mill-ħtiġijiet ta' l-Istati Uniti u adottati mingħajr l-involviment tal-Parlament, b'mod partikulari l-ftehima dwar ir-rekords ta' l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), il-memorandum SWIFT u l-eżistenza tas-Sistema ta' Mira Awtomatizzata (ATS) ta' l-Istati Uniti wasslu għal sitwazzjoni ta' inċertezza legali rigward il-garanziji transatlantiċi meħtieġa għall-protezzjoni tad-data fl-iskambju u t-trasferiment tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu,

H.  billi l-iżvilupp paċifiku tas-soċjetajiet demokratiċi fil-Lvant Nofsani li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxu l-pluraliżmu politiku għandhom ikunu l-għan strateġiku ċentrali tal-politika barranija kemm ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll ta' l-Istati Uniti, u billi din l-assistenza għandha tkun koordinata u ffukata aħjar fuq is-soluzzjoni tal-kunflitti, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli,

I.  billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jistgħu u għandu jkollhom sehem fil-livell internazzjonali biex jindirizzaw il-bidla fil-klima,

J.  billi d-domanda dinjija għall-ikel qiegħda tikber aktar mill-provvista, l-aktar minħabba li t-titjib fid-dħul fl-ekonomiji emerġenti bħall-Indja u ċ-Ċina, flimkien mal-popolazzjonijiet li qegħdin jikbru, qegħdin iżidu d-domanda, l-aktar għall-prodotti tal-laħam u tal-ħalib, u għalhekk għall-għalf ukoll,

1.  Jinsisti li, sabiex ikunu ggarantiti l-prosperità u s-sigurtà, is-Samit li jmiss bħala prijorità għandu jiffoka fuq l-oqsma li ġejjin: il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, is-sigurtà tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet terroristiċi, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, id-djalogu interkulturali, is-sigurtà ta' l-enerġija, il-bidla fil-klima, il-kontroll ta' l-armamenti u d-diżarm, il-kontroll fit-tixrid ta' l-armamenti għall-qerda tal-massa u l-kontribut biex jitnaqqas il-faqar, kif ukoll il-kisba ta' l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

2.  Jirrakkomanda li għandhom jittieħdu passi biex jissaħħu r-relazzjonijiet transatlantiċi ma' l-Istati Uniti permezz ta' Ftehima ta' Sħubija Transatlantika ġdida li tieħu post l-Aġenda Transatlantika Ġdida li hemm bħalissa; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' reviżjoni regolari għal Ftehima ta' Sħubija Transatlantika bħal din, li bih esperti mill-UE u mill-Istati Uniti jistinkaw kontinwament biex itejbu s-Sħubija Transatlantika sabiex ikun sfruttat il-potenzjal kollu tagħha; jenfasizza li xejn ħlief l-involviment aktar wiesa' fil-livelli kollha tal-Kungress, tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali ma jista' tassew itejjeb il-proċess kollu, u li l-iskambju interparlamentari eżistenti għandu bil-mod il-mod jinbidel f'Assemblea Transatlantika de facto;

3.  Hu tal-fehma li s-Samit jeħtieġlu jħares bis-serjetà lejn il-kriżi li għaddejja bħalissa tas-suq finanzjarju dinji, l-aktar minħabba l-fatt li s-suq ta' l-UE u l-Istati Uniti flimkien ilaħħaq għal madwar 40% tal-kummerċ dinji;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda sostanzjali fil-prezz ta' l-ikel bażiku bħar-ross u l-qamħ u dwar l-impatt li din għandha fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

Il-bidla fil-klima

5.  Jilqa' r-rikonoxximent reċenti, għalkemm tard, tal-President Bush tal-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni li torbot legalment fil-livell federali sabiex tindirizza l-gassijiet b'effett ta' serra (GHGs) fl-Istati Uniti, għalkemm jibqa' mħasseb sewwa li l-livell previst tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet (iż-żieda tagħhom għandha titwaqqaf sa l-2025 u mhux biss titnaqqas) huwa ħafna anqas mil-livell meħtieġ għal impatt sinifikanti fuq il-bidla fil-klima;

6.  Jinnota b'interess kbir ir-referenza speċifika tal-President Bush għas-sistemi ta' limiti u skambji (cap and trade); huwa inkoraġġut mid-dehra ta' sistemi reġjonali tal-kummerċ fil-karbonju fl-Istati Uniti; ifakkar madankollu li kemm l-ambjent kif ukoll l-industrija jaqblilhom b'mod ġenerali li dawn il-mekkaniżmi emerġenti tas-swieq tal-karbonju fid-dinja jkunu kompatibbli u interoperabbli u jilqa' f'dan ir-rigward id-dispożizzjoni speċifika fl-abbozzi ta' proposti l-aktar reċenti ta' l-iskema ta' l-iskambji ta' l-emissjonijiet (ETS) ta' l-UE biex jippermettu rabtiet ma' sistemi mandatorji oħra ta' limiti massimi u skambji, fosthom sistemi subnazzjonali;

7.  Itenni l-importanza ta' sforz internazzjonali magħqud biex jonqsu l-GHGs sabiex issir ġlieda bl-aħjar mod kontra l-bidla fil-klima; ifakkar li l-pakkett ta' l-azzjoni klimatika propost aktar kmieni din is-sena mill-Kummissjoni jipprevedi li l-miri ta' tnaqqis ta' l-UE jogħlew b'mod awtomatiku fil-każ li l-miri internazzjonali jkunu ogħla; jinnota wkoll li strateġija multilaterali twassal għall-istess livell ta' kundizzjonijiet għal kulħadd u għal ċertezza regolatorja akbar għall-industrija globali;

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-koperazzjoni għall-infurzar tal-liġi u t-tneħħija tal-viża

8.  Jiġbed l-attenzjoni li d-data personali saret ingredjent essenzjali għal bosta attivitajiet tan-negozju, b'mod partikulari fit-telekomunikazzjonijiet elettroniċi; jinnota li l-valur ekonomiku tad-data personali u ta' l-operazzjonijiet b'valur miżjud ibbażati fuq id-data personali qiegħed jikber b'ħeffa kbira; jiġbed l-attenzjoni li minħabba n-natura globali tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi, id-data personali tista' tkun aċċessata u użata fid-dinja kollha, u dan sikwit joħloq inċertezzi legali u tfixkil għan-negozju minn naħa waħda, u jdgħajjef il-protezzjoni legali taċ-ċittadini individwali min-naħa l-oħra; jitlob għalhekk għall-iżvilupp urġenti ta' l-istandards globali tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku, sabiex ikunu ggarantiti kemm il-livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali kif ukoll iċ-ċertezza legali għall-kumpaniji.

9.  Jirrikonoxxi li t-terroriżmu jikkostitwixxi waħda mit-theddidiet ewlenin għas-sigurtà ta' l-Unjoni, imma jinsisti li l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha ssir bla ma jinkiser l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-ħarsien tagħhom, b'koperazzjoni mill-qrib mas-sieħba internazzjonali, u skond l-istrateġija stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti;

10.  Jenfasizza li l-iskambju tad-data u l-informazzjoni jista' jkun għodda imprezzabbli fil-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u r-reati marbuta miegħu, imma jenfasizza li garanziji qawwija ta' protezzjoni tad-data jħaffu l-iskambju tad-data filwaqt li tkun żgurata l-protezzjoni tal-privatezza, u li skambju tad-data bħal dan għandu f'kull każ ikun ibbażat fuq ftehima internazzjonali li torbot, bl-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kungress;

11.  Jemmen li jkun neċessarju li flimkien ma' l-Istati Uniti jkun definit qafas komuni biex ikunu salvagwardati l-garanziji meħtieġa fis-sħubija speċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jkun jista' jittratta wkoll l-aspetti kollha dwar il-moviment liberu tal-persuni bejn l-UE u l-Istati Uniti;

12.  Jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Unjoni għandha taġixxi b'mod kredibbli, b'saħħtu u bl-għaqda sabiex ikun żgurat li s-sistema għat-tneħħija tal-viża tkun estiża għall-Istati Membri kollha, u li għandu jkun żgurat li l-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti ma jiksrux il-liġi ta' l-UE, biex l-iskambju tad-data dwar il-PNR ma jmurx lil hinn mill-ftehima dwar il-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti;

13.  Jinnota li l-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli, magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill, u minn rappreżentanti tal-gvern ta' l-Istati Uniti mill-Ministeru tal-Ġustizzja u mid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna, jikkostitwixxi l-qafas politiku għad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' sigurtà; jinsisti li l-Parlament Ewropew u l-Kungress Amerikan għandhom ikunu assoċjati ma' dan il-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli, u li l-aġendi u l-minuti tiegħu, kif ukoll id-dokumenti eżaminati u d-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu ppubblikati, sabiex ikunu żgurati u jissaħħu l-leġittimità u t-trasparenza demokratika;

14.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu indirizzati l-aspetti marbuta mill-qrib tal-kompetizzjoni u l-privatezza ta' l-internet ibbażati fuq kumpaniji li jimmiraw fuq l-aspetti ta' l-imġiba, u enfasizzat mill-merġer reċenti bejn il-Google u d-DoubleClick, u jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattiva, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, biex tiżviluppa l-prinċipji transatlantiċi dwar il-protezzjoni tad-data, flimkien mal-Kummissjoni Federali ta' l-Istati Uniti għall-Kummerċ;

15.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Gvern ta' l-Istati Uniti biex joħorġu dikjarazzjoni konġunta ċara u b'saħħitha biex tieqaf il-prattika ta' l-arresti arbitrarji u l-konsenji straordinarji, u jitlob li l-Gvern ta' l-Istati Uniti jintalab jagħti kjarifika dwar l-eżistenza ta' ħabsijiet sigrieti barra t-territorju ta' l-Istati Uniti;

16.  Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet mgħoddija mill-Parlament li jitolbu li jingħalaq iċ-ċentru ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu lill-Gvern ta' l-Istati Uniti sabiex isib mekkaniżmu li jħaffef il-proċess ta' l-akkuża jew tal-ħelsien u r-rilokazzjoni tad-detenuti skond il-liġi internazzjonali;

17.  Jesprimi tħassib li l-eżistenza fiha nnifisha taċ-ċentru ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo u l-prattika ta' l-arresti u l-konsenji straordinarji jkomplu jibagħtu messaġġi negattivi dwar kif qiegħda ssir il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

18.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex jinvestigaw il-possibilità li jidħlu għal djalogu strutturat dwar il-politika reġjonali bejn l-UE u l-Istati Uniti, u li jkun jipprovdi mod tajjeb ta' kif ikunu esplorati toroq ġodda fil-politika reġjonali, fl-iskambju ta' prattiċi tajba, eż. fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, u biex jinstabu modi kif jintlaqgħu sfidi komuni, bħall-bidla fil-klima, iż-żieda fil-prezzijiet ta' l-enerġija, eċċ;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2008Avviż legali