Proċedura : 2008/2542(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0299/2008

Testi mressqa :

B6-0299/2008

Dibattiti :

PV 18/06/2008 - 13
CRE 18/06/2008 - 13

Votazzjonijiet :

PV 19/06/2008 - 5.5

Testi adottati :

P6_TA(2008)0309

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 104kDOC 55k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0235/2008
11 ta' Ġunju 2008
PE407.524v01-00
 
B6‑0299/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Janusz Onyszkiewicz
f'isem il-Grupp ALDE
dwar it-tħejjijiet għal-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja f’Khanty-Mansiysk f’Ġunju 2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjijiet għal-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja f’Khanty-Mansiysk f’Ġunju 2008 
B6‑0299/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni UE-Russja, li daħlet fis-seħħ fl-1997 u li għada fis-seħħ,

–  wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet UE-Russja, b’mod partikulari r-riżoluzzjoni tas-26 ta’ Mejju 2005(1), ir-riżoluzzjonijiet dwar is-samits preċedenti bejn l-UE u r-Russja, ir-riżoluzzjoni tal-25 t'Ottubru 2006(2) dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja wara l-qtil ta' Anna Politkovskaya, ir-riżoluzzjoni tas-26 t'April 2007(3) dwar ir-repressjoni ta’ dimostrazzjonijiet ta’ l-oppożizzjoni u r-riżoluzzjoni tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ta' l-UE mar-Russja(4),

–  wara li kkunsidra r-riżultat ta’ l-10 Samit UE-Russja li sar f’Mafra fis-26 ta’ Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea qed tkompli timpenja ruħha biex tkabbar u tiżviluppa iktar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja;

B.  billi r-relazzjonijiet UE-Russja qed jiffaċċjaw numru ta’ sfidi serji li m’humiex ġejjin min-naħa ta’ l-UE, partikolarment fir-rigward tat-tħassib ġenerali dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, dwar kontroll ikbar tal-midja, dwar in-nuqqas ta’ ħila tal-pulizija Russa u ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji biex isibu lil dawk responsabbli mill-qtil ta’ ġurnalisti, dwar miżuri repressivi meħuda kontra l-oppożizzjoni, dwar l-applikazzjoni selettiva tal-liġi mill-awtoritajiet u dwar l-imparzjalità ta' l-elezzjonijiet li għadhom kif saru,

C.  billi l-Unjoni Ewropea trid titkellem b’vuċi waħda fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja u trid tibbaża r-relazzjonijiet tagħha mar-Russja fuq is-solidarjetà u l-konformità mal-valuri ta’ l-UE, minkejja l-insistenza tar-Russja biex tiffoka fuq relazzjonijiet bilaterali ma’ xi wħud mill-Istati Membri ta’ l-UE,

D.  billi l-evoluzzjoni tas-sistema politika fir-Russja waqt il-presidenza ta' Vladimir Putin tqajjem dubji dwar il-prospetti li tinbena 'sħubija strateġika bbażata fuq il-valuri komuni', u billi għandha tiġi żviluppata koperazzjoni aktar realistika bbażata fuq pożizzjoni soda u komuni ta' l-Istati Membri kollha,

E.  billi l-bidliet fit-tmexxija Russa wara l-elezzjonijiet għad-Duma tas-sena l-oħra u l-elezzjonijiet presidenzjali aktar kmieni din is-sena jistgħu jagħtu spinta ġdida lir-relazzjonijiet UE-Russja, lit-titjib fir-relazzjonijiet ma' uħud mil-ġirien l-aktar qrib tagħha u lill-iżvilupp tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt fir-Russja,

F.  billi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Russja huma xhieda ta' l-interdipendenza reċiproka li qed tikber bejn l-UE u r-Russja, li tirrikjedi sforz u impenn konġunt sabiex ikun żgurat li jkun hemm tkabbir sostenibbli,

1.  Jinnota li s-Samit f'Khanty-Mansiysk se jkun l-ewwel wieħed għall-President Medvedev u se jseħħ fi żmien kruċjali meta jkunu se jitnedew in-negozjati dwar Ftehima ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni; jinnota bi tħassib id-diskors riċenti tal-President Medvedev f'Berlin li wera l-insistenza tar-Russja li tkompli fuq relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi Ewropej, li jwasslu biex il-politika Russa dwar il-bqija ta' l-Ewropa tkun inkompatibbli ma' l-integrazzjoni Ewropea;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twettiq ta' żewġ samits fis-sena bejn l-UE u r-Russja bħala opportunità għal taħdidiet f'livell għoli bejn it-tmexxija Russa u l-Presidenza fil-kariga u l-uffiċjali ta' l-UE dwar għadd ta' kwistjonijiet li huma magħrufa miż-żewġ naħat bħala importanti, inklużi problemi tan-non-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qirda tal-massa u dwar l-Iran;

3.  Jinnota li ħafna aspetti tal-politiki Russi jikkuntrastaw ħafna ma' l-objettiv iddikjarat ta' 'sħubija strateġika';

4.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-idea li jiġu żviluppati relazzjonijiet futuri mar-Russja b’mod iktar prammatiku, b’attenzjoni kontinwa fuq l-oqsma koperti mill-Erba’ Żoni Komuni u fuq il-bżonn ta’ Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni ġdida, u billi wieħed jiffoka fuq koperazzjoni prattika, proġetti konġunti u l-implimentazzjoni ta’ l-impenji u l-ftehimiet li saru s’issa;

5.  Jinnota t-tħassib serju fil-Kunsill fir-rigward tat-tnedija tan-negozjati dwar ftehim ġdid mar-Russja; huwa ta' l-opinjoni li minkejja l-isfidi attwali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, jinħtieġ impenn kontinwu u jittama li s-Samit ikun determinanti biex joffri approċċ strutturat biex wieħed jimxi 'l quddiem;

6.  Jenfasizza, b'mod partikulari, il-ħtieġa għal ftehima ġdida li tmur lil hinn mis-sempliċi koperazzjoni ekonomika u li tkun tinkludi wkoll l-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-koperazzjoni ġudizzjarja u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-aktar għad-drittijiet fundamentali, għalkemm il-qagħda bħalissa fir-Russja tqajjem tħassib serju dwar l-impenn u l-kapaċità tagħha li tirrispetta dawn il-prinċipji u l-valuri; se jkompli jagħmel monitoraġġ ta’ l-iżviluppi fir-Russja tul il-proċess tan-negozjati;

7.  Jilqa' l-fatt li s-Samit UE-Russja se jseħħ fiċ-ċentru amministrattiv tad-Distrett Awtonomu ta' Khanty-Mansiysk; jistieden lill-Presidenza fil-Kariga sabiex tieħu l-opportunità mogħtija mis-Samit, li se jkun segwit mill-5 Kungress Dinji tal-Popli Finno-Ugriċi, sabiex tiddiskuti sforzi biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-minoranzi Finno-Ugriċi fir-Russja fir-rigward tar-rappreżentanza politika kif ukoll il-ħarsien u l-iżvilupp ta' l-identitajiet kulturali u lingwistiċi tagħhom;

8.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deċiżjoni tar-Russja li tistabbilixxi rabtiet imsaħħa mar-reġjuni Ġeorġjani ta' l-Abħażja u ta' l-Ossetja tan-Nofsinhar u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja; jistieden lir-Russja sabiex toqgħod lura minn azzjoni ulterjuri li jistgħu jaggravaw it-tensjoni u sabiex tieħu miżuri biex ittejjeb ir-relazzjonijiet mal-Ġeorġja; jittama li l-laqgħa riċenti f'St Petersburg bejn il-President Medvedev u l-President Saakashvili twassal għal titjib fir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Ġeorġja;

9.  Jistieden lill-Presidenza fil-kariga sabiex, fis-samit UE-Russja, tqajjem il-kwistjoni dwar it-twaqqiegħ ta' ajruplan bla bdot Ġeorġjan minn ajruplan Russu kif ukoll iż-żieda riċenti tat-truppi Russi fl-Abħażja, u sabiex toffri involviment akbar ta' l-UE fil-proċess ta' soluzzjoni tal-kunflitt, inkluża l-possibilità ta' missjoni ta' l-UE għaż-żamma tal-paċi fuq il-post u s-sostituzzjoni tat-truppi Russi u tas-CIS;

10.  Jappella biex jiżdied id-Djalogu UE-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u li dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma ta’ l-Istat u mis-soċjetà ċivili u minn organizzazzjonijiet ghad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jirrimarka li l-koperazzjoni fl-enerġija trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta ta’ l-Enerġija, li trid tkun inkorporata fil-ftehima ta’ qafas il-ġdida bejn l-UE u r-Russja sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ta’ investiment reċiproku trasparenti u ġusti, aċċess ugwali u suq ibbażat fuq ir-regoli; jenfasizza li wkoll f'dan il-qasam jinħtieġ li jkun hemm approċċ wieħed ta' l-UE;

12.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li s-sħubija tar-Russja fid-WTO se ġġiegħel lir-Russja li taċċetta s-suq globali bbażat fuq regoli; jistieden lir-Russja sabiex tirrispetta l-ftehimiet milħuqa ma' l-UE qabel l-adeżjoni tagħha mad-WTO, pereżempju fir-rigward tat-taxxa fuq l-esportazzjonijiet ta' l-injam u fir-rigward ta' l-esportazzjonijiet ta' l-enerġija, investiment barrani u kwistjonijiet oħra kummerċjali;

13.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex isolvu l-problemi involuti fil-qsim tal-fruntiera bejn l-UE u r-Russja u sabiex jinvolvu ruħhom fi proġetti konkreti u jużaw b’mod sħiħ l-Istrument ta’ Viċinanza u Sħubija l-ġdid u l-fondi INTERREG għall-koperazzjoni transkonfinali;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.

(1) P6_TA(2005)0207.
(2) P6_TA(2006)0448.
(3) P6_TA(2007)0169.
(4) P6_TA(2007)0262.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Ġunju 2008Avviż legali