Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0312/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0312/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

16.6.2008

imressqa wara il-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0162/2008 u B6‑0163/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Seán Ó Neachtain
f'isem il-Grupp UEN
dwar il-kriżi tas-settur tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil

Proċedura : 2008/2596(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0312/2008
Testi mressqa :
B6-0312/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0312/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tas-settur tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil

Il-Parlament Ewropew,

A.  billi l-kriżi attwali li qed iħabbat wiċċu magħha s-settur tas-sajd Komunitarju hija kawża taż-żieda kostanti fil-prezz tal-fjuwil, li fl-aħħar ħames snin ġarrab żieda ta’ aktar minn 300% u aktar minn 40% minn Jannar ta’ l-2008;

B.  billi l-prezzijiet tal-prodotti tas-sajd huma simili għal dawk ta’ għoxrin sena ilu u billi, għal ċertu speċijiet, kien hemm tnaqqis konsiderevoli – sa 25% mill-bidu tas-sena – minħabba dħul massiv ta’ importazzjonijiet minn sajd illegali;

C.  billi fis-settur tas-sajd, mhux bħal setturi oħra ta' l-ekonomija, il-prezz tal-fjuwil ma jistax jaffettwa l-prezz ta’ l-ewwel bejgħ ta’ prodotti, peress li fis-sitwazzjoni attwali s-sajjieda ma jistgħux jiffissaw prezzijiet;

D.  billi minkejja l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni fis-seħħ u minkejja l-aġġustamenti suċċessivi mill-ġdid tan-negozji, minħabba t-tkabbir bla waqfien tal-ħsara ta' din il-kriżi, ħafna kumpaniji m’għadhomx finanzjarjament vijabbli u intrapriżi oħra tas-sajd spiċċaw f’sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli, u li dan qed jagħti lok għal diversi dimostrazzjonijiet ta’ protesta f’numru kbir ta’ Stati Membri;

E.  billi fit-28 ta’ Mejju 2008 tliet organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw is-settur tas-sajd (Europêche, AEOP u Cogeca) għamlu laqgħa mal-Kummissarju għas-Sajd u ppreżentaw l-ilmenti tas-settur;

F.  billi s-soluzzjoni tal-problema tista’ tinstab biss jekk jittieħdu miżuri serji fi żmien qasir, medju u fit-tul;

G.  billi din is-sena d-dħul tas-sajjieda fl-UE niżel, minkejja l-fatt li s-sajjieda ġarrbu l-ispejjeż li żdiedu;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta b’mod urġenti regolament li jippermetti lill-Istati Membri jkunu aktar flessibbli dwar l-infiq tal-kumpaniji u dwar il-ħaddiema permezz, fost miżuri oħra statali, ta’ tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-siġurtà soċjali mill-maniġers u mill-ħaddiema fuq il-bastimenti tas-sajd kif ukoll minn dawk l-operaturi fuq l-art li huma involuti direttament f’attivitajiet ta’ estrazzjoni tas-sajd;

2.  Fir-rigward tar-regoli tal-Komunità dwar l-għajnuna statali:

  • (a)jistieden lill-Istati Membri sabiex imexxu b'mod urġenti l-ħlas ta' għajnuniet de minimis, sa massimu ta’ EUR 30,000 kull kumpanija, kif determinati mir-regolament Komunitarju relevanti, għal dawk il-kumpanija kollha li jitolbuhom jew li diġà għamlu talba għalihom;
  • (b)jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi dan ir-regolament u żżid l-għajnuna sa EUR 100,000 għal kull bastiment minflok għal kull kumpanija sabiex il-livell ta’ għajnuna jitqarreb lejn il-livell ta' setturi ekonomiċi oħra;
  • (c)jiġbed l-attenzjoni ta’ l-Istati Membri għad-direttivi Komunitarji ġodda dwar s-sussidji statali fis-settur tas-sajd u ta’ l-akwakoltura, li jippermettu eżenzjoni mit-taxxa u tnaqqis ta’ l-ispejjeż tax-xogħol għall-bastimenti Komunitarji li joperaw ’il barra mill-ilmijiet Komunitarji, u jitlob sabiex dawn il-miżuri jiġu applikati għal dawk il-bastimenti li jagħmlu talba għalihom;

3.  Ifakkar li, flimkien maż-żieda tal-prezz taż-żejt, wieħed mill-ilmenti l-aktar rikurrenti tal-flotta tas-sajd rigward it-tnaqqis tal-prezz tal-prodotti tagħha jikkonċerna l-importazzjoni enormi ta’ prodotti tas-sajd bi prezzijiet baxxi minn sajd illegali, u għalhekk jinsisti li:

  • (a)jiġu intensifikati u mtejba l-kontrolli fuq l-importazzjonijiet minn sajd illegali, minn sajd mhux iddikjarat u minn sajd mhux regolarizzat (sajd IUU), li għalhekk huwa fundamentali li jidħlu fis-seħħ id-direttivi tal-ġejjieni kontra s-sajd IUU, li bħalissa qed jiġu diskussi fil-Kunsill u ġew approvati mill-PE;
  • (b)jiġu intensifikati u mtejba l-kontrolli iġeniċi fuq prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi sabiex ikunu żgurati li l-istess miżuri jiġu applikati kemm fuq il-prodotti importati kif ukoll fuq il-prodotti Komunitarji;
  • (c)tiġi emendata d-direttiva dwar l-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakoltura, sabiex is-sajjieda jkun jista' jkollhom irwol aktar importanti fl-iffissar tal-prezzijiet u fil-valur miżjud tal-prodotti tagħhom, u li ż-żieda fil-prezz taż-żejt, jew parti minnha, tista’ tkun riflessa fil-prezz tal-ħut fl-ewwel bejgħ;
  • (d)tittejjeb u tiżdied l-informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti tas-sajd, imma fuq kollox f'kull każ jiġi ggarantit u kkontrollat l-użu obligatorju tat-tikketta tat-tagħrif, u li min jinqabad fi frodi ta’ l-ittikkettar tal-prodotti għandu jiġi mħarrek;

4.  Jitlob sabiex il-pjanijiet ta' aġġustament għall-flotta tas-sajd jiddaħħlu fis-seħħ fl-Istati Membri kollha u sabiex jiġu pprovduti l-mezzi finanzjarji meħtieġa sabiex il-flotta tiġi rristrutturata volontarjament; għal dan l-għan:

  • (a)jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi kriterji ta' prijorità għal dawk l-oqsma tal-flotta li l-aktar intlaqtu mill-kriżi;
  • (b)iqis li huwa ferm importanti li l-programmi operattivi nazzjonali tal-Fond Ewropew għas-Sajd jiġu programmati mill-ġdid;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jinvestigaw ir-raġunijiet għalfejn din is-sena d-dħul tas-sajjieda niżel u sabiex jindirizzaw dawn ir-raġunijiet kif xieraq;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal proposti speċifiċi biex tittaffa s-sitwazzjoni fl-oqsma li jiddependu l-aktar mis-sajd;

7.  Jitlob li waqt il-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd li jmiss, li se jsir fit-28 ta’ Ġunju 2008, din il-kwistjoni tiġi diskussa bħala prijorità u li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa biex tissolva din il-kriżi;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-settur Ewropew tas-sajd.