imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Adam Bielan, Ryszard Czarnecki u Konrad Szymański
f'isem il-Grupp UEN
dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina wara t-terrromot u qabel il-Logħob Olimpiku
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina wara t-terrromot u qabel il-Logħob Olimpiku
B6‑0341/2008
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment dawk tal-:
(a)
15 ta' Frar 2007 dwar id-djalogu bejn il-Gvern Ċiniż u r-Rappreżentant tad-Dalai Lama,
(b)
13 ta' Diċembru 2007 dwar is-Samit UE-Ċina u d-djalogu UE/Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem,
(c)
7 ta' Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina,
(d)
6 ta' Settembru 2007 dwar l-iffunzjonar tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi fid-8 ta' Awissu 2008 se jsiru ċ-ċerimonji tal-ftuħ għall-Olimpjadi ta' Beijing;
B.
billi l-Gvern Ċiniż wera progress sostanzjali żgħir meta indirizza kwistjonijiet ta' tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem li ilhom jeżistu,
C.
billi Beijing qed tkun aktar stretta fuq id-difensuri domestiċi tad-drittijiet tal-bniedem, attivisti popolari u l-midja biex taqta' n-nifs ta' kull espressjoni possibbli ta' dissidenza qabel il-Logħob;
D.
billi ċ-Ċina qed tkompli tkun il-pajjiż li iwettaq l-akbar numru ta' eżekuzzjonijiet;
E.
billi l-bini ta' faċilitajiet għal-Logħob Olimpiku ta' l-2008 f'Beijing wassal għal tluq furzat ta' eluf ta' ċittadini minn Beijing u madwaru, ħafna drabi mingħajr kumpens adegwat jew aċċess għal djar ġodda;
F.
billi ċ-Ċina ma tirrikonoxxix il-libertà tar-reliġjon 'il barra mis-sistema kkontrollata mill-istat;
G.
billi l-miżuri biex tiġi ndirizzata l-kriżi ta' l-HIV/AIDS taċ-Ċina qed tkun imfixkla għaliex uffiċjali u membri tal-forza tas-sigurtà lokali qed jostakolaw l-isforzi ta' l-attivisti u ta' l-organizzazzjonijiet popolari biex jikkontribwixxu għal sforzi ta' prevenzjoni u ta' tagħlim u biex jorganizzaw l-għoti ta' l-għajnuna;
H.
billi ċ-Ċina żżomm relazzjonijiet ma' reġimi inklużi s-Sudan, is-siti ta' l-agħar vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fid-Darfur, u l-Burma li l-ġunta militari tagħha tgħakkes persuni ċivili, u tipprovdilhom l-għajnuna;
I.
billi ċ-Ċina wkoll ma rratifikatx il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili, li hi ffirmat fl-1998;
J.
billi l-aħħar terromot qawwi, li rreġistra 6.8 fuq l-iskala Richter, ħalla eluf ta' persuni mejta u oħrajn feruti, eluf ta' persuni bla dar u kkawża ammont kbir ta' ħsara materjali,
K.
billi l-aħħar terromot kompla kabbar il-problemi li qed tiffaċċja sezzjoni kbira mill-popolazzjoni taċ-Ċina b'madwar 120 miljun Ċiniż jgħix taħt il-livell tal-faqar,
L.
billi x-xahar li għadda mara Ċiniża kienet attakkata u mhedda waqt li qed tbiegħ fit-triq l-unika gazzetta indipendenti Ċiniża fil-Polonja, Epoch Times, u billi l-aggressur allegatament hu persuna b'rabtiet kbar ma' l-ambaxxata Ċiniża fil-Polonja, u li għalhekk għandu rabta mal-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina; billi attakki simili fuq aderenti reliġjużi huma rrapurtati li seħħew reċentement fid-distrett Ċiniż ta' New York u ta' pajjiżi oħra demokratiċi,
1.
Jikkundanna n-nuqqas ta' rispett sħiħ miċ-Ċina ta' l-impenji pubbliċi tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-minoritajiet, id-drittijiet ta' minoritajiet etniċi u reliġjużi, id-demokrazija u l-istat tad-dritt imħabbra waqt id-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) li ppermetta liċ-Ċina torganizza l-Logħob;
2.
Iħeġġeġ liċ-Ċina biex ma tużax ħażin il-Logħob Olimpiku 2008 billi tarresta dissidenti, ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem sabiex tevita demostrazzjonijiet u rapporti li l-awtoritajiet iqisu bħala tal-mistħija għalihom;
3.
Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (NU, 1966) qabel il-bidu tal-Logħob Olimpiku;
4.
Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex ikomplu bl-isforzi tagħhom ta' salvataġġ inklużi dawk biex jevitaw il-periklu potenzjali ta' epidemiji;
5.
Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iqisu x-xewqat tal-poplu u sabiex japplikaw l-istandards tal-prevenzjoni tat-terremot fix-xogħol ta' rikostruzzjoni;
6.
Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jużaw id-dħul u r-riservi għall-benefiċċju ta' dawk is-sezzjonijiet tal-popolazzjoni l-aktar żvantaġġjati;
7.
Iqis li l-gvern Ċiniż ma refax ir-responsabilità tiegħu għan-nuqqas ta' reazzjoni immedjata għall-konsegwenzi ta' wara t-terremot;
8.
Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrispettaw b'mod sħiħ id-drittijiet ta' gruppi paċifiċi li jibqgħu attivi f'pajjiżi demokratiċi differenti fid-dinja;
9.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi applikanti, lill-President u l-Prim Ministru tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-President tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż.