PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL
PDF 89kDOC 41k
3 ta' Settembru 2008
PE410.819
 
B6‑0417/2008
skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Annemie Neyts-Uyttebroeck, Sarah Ludford u Jelko Kacin
f'isem il-Grupp ALDE
dwar il-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugożlavja

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugożlavja  
B6‑0417/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1503 u 1504 tal-Kunsill tas-sigurtà tan-NU u l-pjanijiet biex sa tmiem l-2010 jingħalaq it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-maħruba għadhom ma nqabdux,

–   wara li kkunsidra l-appoġġ konsiderevoli u konsistenti għat-Tribunal min-naħa tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha u l-fatt li koperazzjoni totali mat-Tribunal saret punt ta' referenza ċentrali fil-politika tal-UE lejn dawk il-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  filwaqt li jenfasizza li t-Tribunal diġà ta kontribut konsiderevoli għall-proċess ta' rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent,

B.  filwaqt li, madanakollu, jikkunsidra li l-ħidma tat-Tribunal għadha ma spiċċatx u li l-każijiet li għad fadal għandhom jiġu eżaminati mingħajr pressjoni ta' ħin,

1.  Jippreżenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

   (a)li jeżamina b'urġenza l-possibiltajiet biex jittawwal il-mandat tat-Tribunal sabiex kull proċess li għadu għaddej ikun jista' jiġi eżaminat mingħajr għaġla bla bżonn u li l-kumplament ta' dawk akkużati bħala kriminali tal-gwerra jistgħu jitressqu quddiem it-tribunal u jibda l-proċess tal-każijiet kontrihom;
   (b)li jfassal strateġija dwar kif għandhom jiġu trattati l-kumplament tal-maħruba jekk in-NU tonqos milli ttawwal il-mandat tat-Tribunal;
   (c)li jiċċara l-mod kif l-UE se tiġġudika l-ħidma tas-settur tal-ġustizzja fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent wara t-tmiem possibbli tal-perjodu tal-mandat tat-Tribunal u x'miżuri tista' tieħu l-UE biex iżżid is-sostenn għall-investigazzjonijiet u l-proċess tad-delitti domestiċi waqt il-gwerra;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, lin-Nazzjonijiet Uniti u lit-Tribunal.

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Settembru 2008Avviż legali