Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0424/2008

Testi mressqa :

B6-0424/2008

Dibattiti :

PV 24/09/2008 - 4
CRE 24/09/2008 - 4

Votazzjonijiet :

PV 24/09/2008 - 10.4

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 145kDOC 97k
17 ta' Settembru 2008
PE410.848
 
B6‑0424/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 33 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Martin Schulz u Hannes Swoboda
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-prijoritajiet tal-PE għall-programm leġiżlattiv tal-Kummissjoni għall-2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-PE għall-programm leġiżlattiv tal-Kummissjoni għall-2009 
B6‑0424/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Annwali ta’ Politika għall-2009 (KUMM(2008) 72 finali),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2008 dwar l-Istrateġija Annwali ta’ Politika tal-Kummissjoni għall-2009 (P6 TA-PROV(2008)0174),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2009 se jinħatru Parlament Ewropew ġdid u Kummissjoni Ewropea ġdida u, suġġett għat-tlestija tal-proċessi nazzjonali ta' ratifika, għandu jidħol fis-seħħ ukoll it-Trattat ta' Liżbona,

B.  billi l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li hemm konsensus wiesa’ fost iċ-ċittadini li l-prijoritajiet għandhom ikunu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-ħarsien tal-ambjent, is-sigurtà, il-migrazzjoni, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu,

C.  billi tkabbir ieħor tal-UE huwa aċċettabbli biss jekk il-progress ekonomiku u soċjali jimxu id f’id u jekk titnaqqas l-espożizzjoni għall-aspetti negattivi tal-globalizzazzjoni permezz ta’ miżuri biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol,

Rimarki ġenerali

1.  Jenfasizza li fl-2009 l-Kummissjoni se tkun iġġudikata dwar il-kisbiet tagħha fuq il-bażi kemm tal-għanijiet stabbiliti fil-bidu tal-mandat tagħha kif ukoll, fuq kollox, tar-reazzjoni tagħha għal talbiet miċ-ċittadini għal Ewropa li:

   tiżgura li l-prosperità u s-solidarjetà jappoġġjaw lil xulxin
   issaħħaħ il-Mudell Soċjali Ewropew sabiex il-globalizzazzjoni tkun ittrattata b’mod effettiv u biex iċ-ċittadini jingħataw is-sigurtà meta l-affarijiet jinbidlu
   titgħallem mill-esperjenza tal-inkwiet fis-swieq finanzjarji billi tinsisti fuq regolazzjoni, trasparenza u responsabilità xierqa
   turi tmexxija globali rigward politika effettiva u sostenibbli dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima
   tiżviluppa politika komuni dwar il-migrazzjoni bbażata fuq id-drittijiet fundamentali u l-integrazzjoni;

2.  Huwa madankollu diżappuntat li l-Kummissjoni:

   għadha ma ttrattatx il-problemi marbuta maż-żieda fid-differenza tad-dħul u mal-kwistjoni taħraq tal-faqar enerġetiku
   permezz tal-Pakkett Soċjali tagħha, tat reazzjoni inkompleta u inadegwata għall-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej u għadha ma ħaditx il-passi meħtieġa biex ikun żgurat li d-drittijiet soċjali fundamentali ma jkunux anqas importanti mil-libertajiet ekonomiċi
   issibha bi tqila biex tippreżenta proposti għal regolazzjoni xierqa biex l-instabilità finanzjarja tkun ittrattata malajr
   għadha ma ressqitx proposta komprensiva għal politika barranija dwar l-enerġija biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista
   għadha ma ttrattatx il-ħtieġa għal strateġija aktar strutturata kontra l-esklużjoni tar-Roma;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b’koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament, tikkontribwixxi għall-proċess ta' ratifika għat-Trattat il-ġdid u biex tibda djalogu mal-Parlament ħafna qabel ma jintemm il-mandat tiegħu dwar l-inizjattivi leġiżlattivi ewlenin li huma meħtieġa fil-ġejjieni;

4.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-2009 se tkun sena partikolarment importanti biex l-Ewropa ssir magħrufa aktar u li l-prijoritajiet ta' dan it-tagħrif għandhom jiffukaw fuq l-oqsma ta' interess dirett għaċ-ċittadini tal-UE; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi b'mod ċar kif biħsiebha tqiegħed dawn il-prijoritajiet fil-prattika, b'mod partikulari fir-rigward tat-Trattat ta' Liżbona;

5.  Jitlob, fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2009, li jitfasslu politiki mmirati sew fil-qasam tal-komunikazzjoni u tal-politika dwar l-informazzjoni liċ-ċittadini, flimkien ma' biżżejjed appoġġ finanzjarju sabiex tkun stabbilita strateġija orizzontali u integrata ta' komunikazzjoni Ewropea;

Prijoritajiet għall-2009

It-Tkabbir u l-Impjiegi

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi inizjattivi leġiżlattivi ġodda jew aġġornati, b’mod partikulari dwar:

   -il-protezzjoni tal-ħaddiema b’kuntratti atipiċi, filwaqt li jkun iggarantit it-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha jkun xi jkun l-istejtus tal-impjieg tagħhom;
   -standards minimi li jipproteġu lill-ħaddiema individwali mit-tkeċċija inġusta;
   -reviżjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, bil-għan li jiżdiedu l-kriterji ta’ intervent biex il-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jerġgħu lura għas-suq tax-xogħol wara r-rilokazzjoni jew ir-ristrutturar tal-impriżi tagħhom;

7.  Jitlob li jittieħdu miżuri bħala reazzjoni għall-preokkupazzjoni mifruxa fost il-ħaddiema Ewropej rigward il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawżi riċenti Viking(1), Laval(2), Ruffert(3) u Luxembourg(4), biex terġa’ tiddikjara l-impenn inekwivokabbli tagħha li tappoġġja d-drittijiet soċjali u l-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-istess xogħol, u biex teżamina urġentement, mal-Parlament u mal-imsieħba soċjali, x’bidliet jistgħu jkunu meħtieġa għad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u għal leġiżlazzjoni oħra; jiġbed l-attenzjoni li d-drittijiet soċjali fundamentali mhumiex anqas importanti mil-libertajiet ekonomiċi u għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon proposti mfassla biex jerġa' jkun hemm bilanċ bejniethom fil-liġi prinċipali, talanqas sakemm ikunu implimentati għalkollox it-Trattat ta' Liżbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

8.  Jemmen li, peress li t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tnaqqis tal-inċidenti u l-mard marbuta max-xogħol għal miljuni ta’ ħaddiema madwar l-Ewropa huma kwistjoni ta’ importanza kbira, il-Kummissjoni għandha:

   -tbiddel ir-rakkomandazzjoni tagħha dwar l-iskeda Ewropea ta’ mard marbut max-xogħol(5) f’direttiva;
   -tippreżenta direttiva ta’ qafas dwar id-disinn ergonomiku tal-postijiet tax-xogħol;
   -tħejji urġentement direttiva dwar il-prevenzjoni tal-feriti minn labar;
   -tiżviluppa kodiċi tal-prattika fl-Ewropa kollha dwar il-prevenzjoni ta’ infezzjonijiet marbuta mal-kura tas-saħħa;

9.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tanalizza l-kawżi u l-implikazzjonijiet tal-inkwiet riċenti fis-suq finanzjarju u jqis li sussegwentement għandha tasal għal xi konklużjonijiet fis-sens ta’ regolazzjoni aktar xierqa tal-operaturi jew tal-prodotti li jkunu sorsi potenzjali ta’ instabilità finanzjarja; jinnota l-azzjoni li trid tittieħed fil-qasam finanzjarju bl-imnut u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ħarsien tal-konsumatur u tal-litteriżmu f’dan il-qasam; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-istruttura superviżorja tas-suq finanzjarju tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja bir-reqqa l-implimentazzjoni tal Pjan direzzjonali tal-ECOFIN, speċjalment fir-rigward tal-konsistenza matul il-ġuriżdizzjonijiet kollha tal-Istati Membri;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti biex tittejjeb il-governanza ekonomika, b’mod partikulari fir-rigward tal-funzjonament tal-UEM, tat-tisħiħ tal-Eurogrupp, inklużi r-rappreżentanza esterna taz-zona tal-euro, il-koordinazzjoni ekonomika u fiskali, il-kwalità tal-infiq pubbliku u l-proċedura u l-istatistika baġitarji; għandhom jitqiesu għalkollox l-esperjenzi mill-kriżi finanzjarja globali;

11.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma li se ssir dwar il-VAT, iżda jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ inizjattivi għal koordinazzjoni aħjar tas-sistemmi diretti ta’ tassazzjoni u għal miżuri prattiċi kontra l-frodi fiskali; jistenna b’ħerqa li ssir proposta leġiżlattiva dwar il-bażi tat-taxxa tal-kumpaniji; huwa preokkupat minħabba n-nuqqas ta' dimensjoni fiskali serja fil-politika tal-UE dwar il-bidla fil-klima;

12.  Jinnota l-proposti biex ikunu emendati diversi Direttivi dwar Approċċ Ġdid bil-għan li jiġi mmodernizzat is-suq wieħed għall-oġġetti; jistieden lill-Kummissjoni biex tibqa' tieħu azzjoni biex tittejjeb il-koperazzjoni mal-Istati Membri f'dan il-qasam; jiddispjaċih madankollu għan-nuqqas ta’ armomnizzazzjoni tal-proposti leġiżlattivi fil-kamp tas-suq intern;

13.  Iqis l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar bħala strateġija importanti ħafna biex ikunu appoġġjati l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju; jinnota, barra minn hekk, li huma meħtieġa qafas finanzjarju u atti leġiżlattivi biex l-SMEs ikunu appoġġjati bil-mod l-aktar xieraq;

Il-bidla fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa

14.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi politika effettiva dwar il-bidla fil-klima kif ukoll rwol ta' tmexxija globali matul it-tranżizzjoni fl-2009, meta jitqies l-impatt mistenni tal-leġiżlazzjoni dwar il-bidla fil-klima fuq ċerti oqsma u reġjuni; jistenna li l-Kummissjoni ddaħħal mekkaniżmi xierqa biex tanalizza bir-reqqa l-impatti ta’ din il-leġiżlazzjoni, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni f’waqtha fil-livell tal-UE kontra l-effetti negattivi li jista’ jkun hemm; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tittratta f’aktar dettall ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u s-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika l-pożizzjoni tagħha dwar l-impatt tal-bidla fil-klima fuq il-forestrija;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta għalkollox il-prinċipji u l-għanijiet tal-Istrateġija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli meta tfassal proposti leġiżlattivi; jisħaq fuq l-importanza li titħaffef u li tkun immoniterjata mill-qrib l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, b’mod partikulari fir-rigward tal-kwalità tal-arja u tal-ilma u l-bijodiversità;

16.  Jiddispjaċih ħafna għan-nuqqas ta’ riżorsi baġitarji li huma disponibbli bħalissa fil-baġit tal-UE sabiex tkun ittrattata b’mod sinifikanti l-kwistjoni tal-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u tal-adattament għaliha kemm fl-Ewropa kif ukoll f’kuntest globali; ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat li l-objettivi dwar l-ambjent u l-bidla fil-klima jkunu inklużi fil-politiki kollha tal-UE u jkunu riflessi fl-intestaturi baġitarji xierqa; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi t-twaqqif ta’ ‘fond Ewropew għall-bidla fil-klima’; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi u timmoniterja l-baġit Ewropew biex ikun żgurat li mhuwiex qed jiffinanzja proġetti li jħarrxu l-bidla fil-klima;

17.  Jikkritika n-nuqqas tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni mfassla biex ikun hemm tnaqqis ta’ 20% fil-konsum ta' enerġija tal-UE sal-2020, kif rikjest mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2007; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-miżuri elenkati fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijomassa fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2009 u jinnota d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri mwiegħda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi kriterji ta' sostenibilità soċjali li jkunu ambizzjużi, iżda fl-istess ħin realistiċi, għall-użu tal-bijomassa marbuta mal-enerġija;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal politika barranija u komprensiva Ewropea rigward l-enerġija bbażata fuq l-ippjanar pluriennali, u biex tappoġġja b’mod attiv il-kostruzzjoni ta’ sistemi ta’ pajpijiet li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-provvista, filwaqt li jitqies il-qasam ta’ applikazzjoni għall-għoti ta' garanziji mill-EIB; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, qabel ma tfassal leġiżlazzjoni f’dan il-qasam, biex tressaq proposti għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetika;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi Pjan ta’ Azzjoni tal-UE li jippromwovi l-enerġija mir-riħ offshore, bil-għan li jintuża l-potenzjal ta’ dan is-sors ta’ enerġija, kif ukoll sabiex tinkludi azzjonijiet immirati biex ikunu ttrattati l-isfidi speċifiċi li tiffaċċja l-industrija tar-riħ offshore;

20.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni fl-oqsma tat-trasport marittimu u bl-ajru, b’mod aktar speċifiku dawk dwar l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (Eurovignette III) u tal-iżvulupp tas-Sema Ewropew Wieħed; iqis bħala importanti ħafna li jiġu konklużi b'suċċess in-negozjati dwar it-Tielet Pakkett Marittimu kif ukoll il-progress dwar il-finanzjament tal-miżuri ta' sigurtà fl-avjazzjoni;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta dokument strateġiku dwar ‘il-politika dwar l-agrikoltura wara l-2013’ ladarba jiġu adottati l-proposti leġiżlattivi dwar is-Sitwazzjoni tal-PAK; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposta dwar ir-riforma tal-politika komuni dwar is-sajd u l-akkwakultura fl-2009;

L-implimentazzjoni ta’ politika komuni dwar il-migrazzjoni

22.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li l-pakkett dwar l-immigrazzjoni jkopri biss parti żgħira mill-popolazzjoni tal-immigranti (i.e. min qed jitħarreġ, il-ħaddiema tas-sengħa, eċċ.), biex talanqas tħaffef it-tressiq tal-proposta dwar id-dħul u r-residenza temporanja għall-ħaddiema staġunali;

23.  Ifakkar fl-impenn biex jinħoloq Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Kenn bil-għan speċifiku li jitfasslu u jinżammu profili u evalwazzjonijiet tal-pajjiżi sabiex tkun iggarantita l-applikazzjoni uniformi ta’ leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tal-kenn;

24.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ strateġija aktar strutturata għall-ġlieda kontra l-esklużjoni tar-Roma, inkluża l-adozzjoni ta’ objettivi u mekkaniżmi speċifiċi; jenfasizza li l-kwistjoni tar-Roma hija kwistjoni Ewropea li tikkonċerna lill-Istati Membri kollha tal-UE;

Iċ-ċittadin l-ewwel

25.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ proposti li jirrevedu t-tmien direttivi settorjali li kellhom ikunu analizzati fil-qafas tar-reviżjoni tar-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumatur u jenfasizza l-ħtieġa kontinwa għal aktar proposti leġiżlattivi konkreti, partikolarment fil-qasam tal-immarkar CE u tal-marki tas-sikurezza u dwar l-imbark miċħud; iqis l-Iskorbord tas-Suq tal-Konsumatur bħala għodda importanti sabiex is-suq intern ikun eqreb iċ-ċittadini permezz ta’ trasparenza akbar u aktar informazzjoni dwar il-mekkaniżmi tal-ilmenti, il-livelli tal-prezzijiet, is-sodisfazzjon tal-konsumatur, l-iskop għala għandhom jinbidlu l-fornituri u s-sikurezza tal-prodotti fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb din l-għodda u biex tiżgura li jkollha staff biżżejjed u li tkun iffinanzjata kif xieraq;

26.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kumpens kollettiv u jħeġġiġha biex tieħu l-pass li jmiss u tipproponi azzjoni leġiżlattiva dwar il-kumpens kollettiv u mekkaniżmu ta’ infurzar għall-konsumaturi;

27.  Jiddeplora l-fatt li, fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-istrateġija politika għadha vaga u ma fihiex proposti konkreti biex ikun ittrattat id-distakk li qed jikber u l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu fir-rigward tas-saħħa fl-UE;

28.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-iżvilupp ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien huwa l-objettiv ewlieni tal-proċess ta’ Liżbona u għalhekk jiddeplora ħafna l-fatt li l-Istrateġija ta’ Politika Annwali tal-Kummissjoni għall-2009 ma ssemmi xejn dwar it-tagħlim tul il-ħajja;

29.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-moviment ħieles hija fqira ħafna, minkejja li hija pilastru tal-politika Ewropea dwar iċ-ċittadinanza, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel l-almu tagħha biex tħaffef il-proċess imfassal biex iwassal għall-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva, b’mod partikulari tas-SIS II fiz-zona ta’ Schengen; jistieden lill-Kummissjoni biex tara li ma jkunx hemm dewmien u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Artikolu 251 tat-Trattat KE japplika għall-miżuri leġiżlattivi kollha f'dan il-qasam;

30.  Jiġbed l-attenzjoni, sa ma jiġi rratifikat it-Trattat ta’ Liżbona, għall-importanza li l-istituzzjonijiet tal-UE jħarsu u jippromwovu l-prinċipji u l-objettivi mniżżla fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inkluża evalwazzjoni xierqa tal-impatt tal-leġiżlazzjoni ĠAI dwar id-drittijiet fundamentali;

31.  Jiddeplora n-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ qafas dwar għadd ta’ garanziji u drittijiet proċedurali bażiċi għas-suspettati u l-akkużati fi proċeduri kriminali fl-UE, deċiżjoni li ilha mblukkata fil-Kunsill mill-2004, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz, anke bit-twaqqif ta' strument leġiżlattiv ġdid, biex tiżblokka dan il-proċess essenzjali biex ikunu żgurati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE;

32.  Jiddeplora l-fatt li għad m’hemmx biżżejjed protezzjoni uniformi tal-vittmi tar-reati fl-UE, partikolarment fir-rigward tal-vittmi tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata, u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta miżuri xierqa;

33.  Jinnota n-nuqqas ta’ proposti leġiżlattivi ġodda rigward il-koperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili, kif ukoll fl-oqsma tal-liġi tal-kumpanija u tal-proprjetà intellettwali, u jistieden lill-Kummissjoni:

   -biex tagħti spinta ġdida lill-ħidma fil-qasam tal-privattivi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, li jistabbilixxi bażi legali ġdida f'dan il-qasam
   -biex tikkjarifika l-għażla tal-istrumenti legali fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikulari rigward l-amministrazzjoni kollettiva tad-dritt tal-awtur u tat-taxxi fuq l-ikkupjar privat u tal-liċenzji multiterritorjali
   -biex tressaq proposti għal regolamenti dwar Statut għal assoċjazzjoni Ewropea u dwar Statut għal soċjetà reċiproka Ewropea li jeħdu post dawk li rrevokat fl-2006;

34.  Jiddeplora l-fatt li, fl-era tal-globalizzazzjoni u tal-ICTs li jinbidlu malajr, l-edukazzjoni bil-midja u, għalhekk, il-litteriżmu tal-midja ma ġibdux l-attenzjoni politika u għalhekk jibqgħu fit-tarf tal-aġenda politika tal-Kummissjoni;

L-Ewropa bħala msieħba dinjija

35.  Jisħaq fuq il-fatt li l-enfasi tal-Ftehimiet dwar Sħubija Ekonomika (EPAs) trid tibqa’ fuq id-dimensjoni mwiegħda tagħhom ta’ żvilupp, li jikkontribwixxi mhux biss għal aktar parteċipazzjoni u integrazzjoni fil-kummerċ internazzjonali, iżda wkoll għall-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u għall-ilħuq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs); jenfasizza li jinħtieġu fondi addizzjonali sabiex ikunu ffinanzjati miżuri oħra biex jittaffa l-impatt tal-EPAs fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif stipulat fil-Ftehima ta’ Cotonou; jisħaq fuq il-fatt li għandu jkun hemm perjodi flessibbli ta’ tranżizzjoni għal prodotti u servizzi sensittivi; jappoġġja l-bidu mill-ġdid tan-negozjati dwar EPAs sħaħ u interim meta meħtieġ; jitlob li kwistjonijiet kontroversjali rigward l-EPAs jiġu nnegozjati mill-ġdid qabel ma jiġu ffirmati xi ftehimiet u jenfasizza li kemm il-Parlament kif ukoll il-parlamenti ACP jridu jkunu involuti għalkollox fin-negozjati u fil-proċess ta’ monitoraġġ li jikkonċerna l-EPAs;

36.  Jiddeplora l-falliment tar-Round ta’ Doha dwar l-Iżvilupp u l-ispejjeż ekonomiċi u politiċi tiegħu u jikkritika l-fatt li l-pajjiżi ewlenin li qed jiżviluppaw insew l-objettivi ewlenin ta’ żvilupp tar-round; jemmen li round multilaterali ta’ suċċess għadu prijorità għall-UE, iżda jinsisti li kull kunsiderazzjoni fil-ġejjieni ta’ kif għandha tissawwar l-aġenda tad-WTO ta’ wara Doha trid tinkludi oqsma bħall-governanza globali, ir-riforma tad-WTO, u r-relazzjoni bejn ir-regoli tad-WTO u trattati u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-ILO; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għal ħidma diċenti fid-dinja kollha bl-inkorporazzjoni tal-kundizzjonalità stretta fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE u bil-promozzjoni tal-inklużjoni ta’ ħidma diċenti fin-negozjati tad-WTO; jitlob għal koerenza akbar bejn il-politiki tal-kummerċ u tal-iżvilupp;

37.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rakkomandazzjonijiet prattiċi dwar kif tiżgura b’mod aħjar il-koerenza bejn l-istrumenti finanzjarji, il-ftehimiet ta’ koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-programmi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri; jagħti importanza partikulari lill-koerenza bejn l-objettivi tal-politika dwar l-iżvilupp u politiki oħra li x’aktarx li jkollhom impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq l-ħila tagħhom li jilħqu l-MDGs, partikolarment il-kummerċ, l-agrikoltura, is-sajd u l-politika dwar l-enerġija; jistieden lill-Kummisjoni biex tiżgura li miżuri u miri dwar il-bidla fil-klima jirrinfurzaw l-isforzi biex dawn l-għanijiet jintlaħqu;

38.  Jilqa’ b’sodisfazzjon it-talba tal-Kummissjoni biex l-Istati Membri jfasslu kalendarji u baġits nazzjonali ċari u li jorbtu biex tiżdied l-għajnuna vera sabiex tintlaħaq il-mira kollettiva mwiegħda ta’ 0.56% tad-dħul gross nazzjonali fl-2010 u ta’ 0.7% fl-2015; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi mezzi ġodda għall-implimentazzjoni tal-MDGs bil-għan li l-impenji jkunu onorati sal-2015;

39.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjanijiet tal-Kummissjoni biex timplimenta t-tmien sħubijiet tematiċi operattivi fl-Istrateġija Konġunta Afrika/UE; jinnota, madankollu, li m’hemm l-ebda indikazzjoni dwar kif dan ħa jsir; jenfasizza li dan huwa partikolarment preokkupanti fid-dawl tal-fatt li m’hemm l-ebda indikazzjoni dwar minn fejn se jiġu l-flus żejda meħtieġa għal din l-implimentazzjoni;

40.  Jiġbed l-attenzjoni għan-‘nuqqas ta’ finanzjament’ kroniku tal-Intestatura 4, li jċaħħad lill-UE minn riżorsi għall-politika barranija tagħha u għall-ambizzjoni tagħha li jkollha rwol ewlieni fil-kamp internazzjonali fil-qasam tal-affarijiet barranin, tal-politika dwar is-sigurtà u tal-koperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-qasam ta’ applikazzjoni kollu fit-Trattat attwali sabiex tibqa’ għaddejja bl-iżviluppi stipulati fit-Trattat ta’ Liżbona, pereżempju fir-rigward tal-affarijiet barranin u tat-tisħiħ tal-koerenza bejn id-diversi aspetti tal-politika barranija (il-kummerċ, l-għajnuna għall-iżvilupp, eċċ.); jiġbed l-attenzjoni li d-dimensjoni esterna tal-politiki ĠAI saret komponent importanti tas-CFSP u tal-politika tal-viċinat u jistieden lill-Kummissjoni biex mal-Parlament tfassal qafas politiku koerenti għal azzjoni tal-UE fil-ġejjieni;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-Mediterran fis-Samit ta’ Pariġi f’Lulju 2008, biex ikollha rwol attiv fit-twaqqif ta’ struttura istituzzjonali ġdida u biex tiżgura li l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, bħala dimensjoni parlamentari leġittima, issir parti integrali minn dik l-istruttura; iqis li l-Kummissjoni għandha żżomm ukoll l-element Komunitarju tal-Proċess ta’ Barċellona, li huwa rifless ukoll fil-kontribut tal-UE għall-finanzjament ta' dan il-proċess;

42.  Jiddeplora l-fatt li impenji finanzjarji fil-ġejjieni għall-Kosovo mhumiex speċifikati f’aktar dettall; huwa tal-fehma li l-għajnuna għandha tintuża wkoll biex ikun żgurat it-trattament ugwali tal-minoranzi fil-Kosovo, fosthom b’mod partikulari tas-Serbi;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-koperazzjoni mal-pajjiżi ġirien fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, u jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tagħmel proposta speċifika lill-Parlament u lill-Kunsill dwar it-twaqqif ta' arranġament istituzzjonali multilaterali għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed inklużi t-Turkija u l-Ukraina; il-pajjiżi ġirien bħall-Kazakhstan għandhom ikunu involuti, fl-interess tal-istabilità fir-reġjun u sabiex ikunu ggarantiti l-provvisti tal-enerġija;

L-Implimentazjoni, l-Immaniġġjar u r-Regolazzjoni Aħjar

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex isir progress aktar mgħaġġel lejn l-implimentazzjoni ġenerali tal-prinċipju tal-ibbaġittjar rigward is-sessi;???? jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tapplika b’mod sistematiku l-integrazzjoni tas-sessi fil-proċess baġitarju, u jistenna l-eżitu tal-istudju dwar il-fattibilità tal-ibbaġittjar rigward is-sessi ????fil-proċess baġitarju tal-UE;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex l-Istati Membri jingħataw qafas simplifikat, xieraq u effiċjenti għall-użu sod u produttiv tal-finanzjament strutturali, inklużi linji gwida li jwasslu għall-implimentazzjoni tal-aqwa prattiki u għal definizzjoni ċara tal-koeżjoni territorjali;

46.  Jikkritika l-implimentazzjoni li qed issir bil-mod tal-programm Daphne III (Il-Ġlieda kontra l-Vjolenza) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef il-proċeduri rilevanti;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Istati Membri fit-titjib tal-kwalità tad-dikjarazzjonijiet nazzjonali dwar il-finanzjament tal-UE (kif stipulat mill-IIA u mir-Regolament Finanzjarju), inkluż il-verifikar li jista' jsir ta' dawn id-dikjarazzjonijiet mill-qrati nazzjonali tal-awdituri jew mill-ECA; barra minn hekk, jippretendi, bħala fattur ewlieni fil-kwittanza għas-sena finazjarja 2007, aktar progress f’koperazzjoni mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-Fondi Strutturali u fl-iskema ġdida ta’ rappurtar dwar l-irregolaritajiet u l-irkupri; jitlob rapport kmieni dwar dawn l-isforzi, sabiex ikollu għodda ta’ informazzjoni li tista’ tintuża;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) C-438/05.
(2) C-341/05.
(3) C-346/06.
(4) C-319/06.
(5) ĠU L 238, 25.9.2003, p. 28.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Settembru 2008Avviż legali