imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Vittorio Agnoletto
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar id-Disa’ Samit bejn l-UE u l-Indja (Marsilja, 29 ta’ Settembru 2008)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-Disa’ Samit bejn l-UE u l-Indja (Marsilja, 29 ta’ Settembru 2008)
B6‑0441/2008
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra d-Disa' Samit bejn l-UE u l-Indja li se jsir fid-29 ta’ Settembru 2008 f’Marsilja,
–
wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija Strateġika ta' bejn l-UE u l-Indja tal-2004 (COM(2004)430),
–
wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u l-Indja fis-Sitt Sammit bejn l-UE u l-India, li sar fis-7 ta’ Settembru 2005, f’Delhi,
–
wara li kkunsidra l-proposta ta’ negozjati ta’ Ftehima ġdida ta’ Sħubija u Koperazzjoni mal-Indja;
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.
billi l-aġenda tas-“Samit ta' Marsilja” li jmiss bejn l-UE u l-Indja x'aktarx se tkun iddominata mir-reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt tal-2005, mil-bidla fil-klima, mil-paċi u s-sigurtà, mill-edukazzjoni, mis-saħħa u s-siġurtà tal-ikel,
B.
billi dan is-samit għandu jintroduċi fażi ġdida fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja u jiffaċilita d-diskussjoni dwar kwistjonijiet reġjonali ta’ interess komuni għall-UE u l-Indja,
1.
Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li se jsir id-Disa' Samit bejn l-Indja u l-UE bħala espressjoni ta' sħubija strateġika sostenibbli; jirrakkomanda li fil-futur, qabel dawn s-samits annwali, isiru laqgħat parlamentari ta’ qabel is-samit, sabiex jiġi enfasizzat l-iskrutinju demokratiku tal-proċess u jitjieb il-ftehim ta’ opinjonijiet u ta’ sistemi demokratiċi fuq iż-żewġ naħat;
2.
Jappoġġa bis-sħiħ rabtiet eqreb bejn l-UE u l-Indja u jemmen li rispett reċiproku u sħubija jiġu espressi l-aħjar meta jkun hemm djalogu miftuħ dwar il-kwistjonijiet kollha; għalhekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indjani biex jidħlu f'negozjati għal Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni mal-UE, bħala sinjal sabiex ir-relazzjoni ta' bejniethom tkompli titjieb u tissaħħaħ; jemmen li l-konklużjoni ta' ftehima bħal din tista' ttejjeb il-kwalità tas-sħubija u jistieden liż-żewġ naħat biex jidħlu f'negozjati bħala sħab ugwali;
3.
Jenfasizza l-importanza tal-isforzi magħmula mill-Gvern Indjan fil-qasam tal-bidla fil-klima, u jħeġġeġ sabiex is-samit jadotta programm ta’ ħidma f’dan il-kuntest; iħeġġeġ il-passi prattiċi kollha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, bħat-trasferiment tat-teknoloġija fil-qasam tal-enerġiji li jiġġeddu;
4.
Jinsab imħasseb bil-qagħda politika attwali xejn stabbli fil-Pakistan u l-qagħda li kulma tmur qiegħda tkun aktar ta' riskju fl-Afganistan u fix-Sri Lanka u jesprimi t-tama li l-Indja, bħala l-pajjiż predominanti fir-reġjun, taġixxi bħala promotur tal-istabilità u l-paċi;
5.
Jinsab imħasseb ħafna dwar l-effetti diżastrużi kkawżat mill-għargħar fil-grigal tal-Indja, li laqat b’mod partikolari lill-Istat ta’ Biħar; jiddeplora n-numru enormi ta’ vittmi u l-iżjed minn miljun persuna bla dar; jilqa’ l-għajnuna ta’ emerġenza li ngħatat mill-UE iżda jqis li l-ammont ta’ miljun Euro m’huwiex biżżejjed, u li minħabba l-qawwa tal-għargħar u l-ħsara kkawżata jeħtieġ li dan jiżdied b’mod konsiderevoli; jappella lill-amministrazzjoni Indjana u lill-komunità internazzjonali għall-iżjed għajnuna fl-enerġija;
6.
Jiddispjaċih għall-fatt li l-Indja għadha ma rratifikatx il-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti jew il-protokoll fakultattiv tagħha; jirrakkomanda li l-Indja tirratifika minnufih iż-żewġ strumenti; iħeġġeġ lill-Gvern Indjan biex immedjatament ineħħi l-piena tal-mewt u jimponi moratorium fuq l-eżekuzzjonijiet; jinkoraġġixxi lill-Gvern Indjan biex jiffirma u jirratifika l-Protokoll Mhux Obbligatorju tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa; iħeġġeġ lill-Indja biex issir membru tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;
7.
Iħeġġeġ lill-Gvern Indjan sabiex ikompli jaħdem mal-entitajiet rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bil-għan li jelimina b'mod effettiv id-diskriminazzjoni maħluqa mis-sistema tal-kasti; dawn għandhom jinkludu lill-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU assenjati biex jiżviluppaw il-Prinċipji u l-Linji Gwida għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol u d-Dixxendenza;
8.
Jirrikonoxxi li l-Indja hija mudell għal kif għandu jkun ittrattat il-pluraliżmu kulturali u reliġjuż; madankollu juri t-tħassib kbir tiegħu għall-firxa ta’ vjolenza f'Orissa; iħeġġeġ lill-Gvern Indjan u lill-Gvern tal-Istat ta’ Orissa biex iwaqqfu l-vjolenza fl-istat, u jfakkar fl-obbligu li jirriżulta mil-liġi internazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, li ġiet irratifikata mill-Indja (il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali) sabiex jiġi aċċertat li ma tintużax vjolenza simili biex terġa’ titrażżan l-emanċipazzjoni tad-Dalit;
9.
Jistieden lill-Gvern Indjan sabiex jgħasses b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ tensjonijiet interetniċi, interreliġjużi u interkulturali fost il-komunitajiet, li jistgħu jipperikolaw il-patrimonju sekulari tal-pajjiż tat-tolleranza u l-koeżistenza;
10.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u l-Parlament tal-Indja.