imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 33 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Silvana Koch-Mehrin u Diana Wallis
f’isem il-Grupp ALDE
dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2009
Riżoluzzoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2009
B6‑0448/2008
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Politika Annwali għall-2009 (COM(2008)0072),
–
wara li kkunsidra l-implimentazzjoni attwali tal-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma għall-2008 (COM(2007)0640),
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Politika Annwali għall-2009,
–
wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet li ngħataw mill-kumitati tiegħu, li tressqu lill-Kummissjoni mill-Konferenza tal-Presidenti,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi d-Djalogu Strutturat mal-Kummissjoni huwa pass interistituzzjonali importanti kemm fl-implimentazzjoni tal-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma għall-2008 attwali kif ukoll fit-tfassil u fl-adozzjoni tal-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma għall-2009,
B.
billi, għalhekk huwa kruċjali li Djalogu Strutturat għandu jsir fil-waqt it-tajjeb sabiex l-isforzi jiffukaw fuq id-definizzjoni ta’ għanijiet strateġiċi ewlenin tal-UE għas-snin li ġejjin,
C.
billi l-prijoritajiet politiċi għandhom jikkorrispondu mar-riżorsi finanzjarji disponibbli,
TKABBIR U IMPJIEGI
1.
Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex tqiegħed bħala prijorità politika it-tisħiħ tal-kompetittività tal-Unjoni Ewropea;
2.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jiżguraw li l-SMEs ikunu jistgħu jserħu fuq swieq flessibbli tax-xogħol, għaliex dan hu rekwiżit importanti għan-negozji;
3.
Jitlob biex ikun hemm aktar komunikazzjoni dwar is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali;
4.
Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi miri dwar it-tnaqqis tal-faqar għall-fażi li jmiss tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Protezzjoni Soċjali;
5.
Jistieden lill-Kummissjoni, qabel toħroġ ir-rapport annwali li jmiss dwar l-EGAF, biex tiddefinixxi kriterji ta' referenza ċari u kriterji biex tevalwa r-riżultati miksuba fil-każi fejn l-għajnuna finanzjarja kienet ipprovduta mill-EGAF;
6.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta kumunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-Fond ta' Globalizzazzjoni Ewropew li hu wieħed mill-istrumenti ewlenin biex tkun implimentata l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-impjiegi;
7.
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-iskeda proposta għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità ta' voluntiera żgħażagħ fl-Ewropa sabiex jippermettu lill-Parlament li jkollu żmien biżżejjed biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-rakkomandazzjoni;
8.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta kumunikazzjoni li tevalwa l-implimentazzjoni, mill-Istati Membri, tad-direttiva dwar il-koordinament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri;
9.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta komunikazzjoni dwar l-adozzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ għall-ħiliet ġodda meħtieġa fis-suq tax-xogħol;
Saħħa
10.
Jiddispjaċih mill-fatt li minkejja talbiet repetuti u speċifiċi tiegħu, il-Kummissjoni għadha ma ressqitx emenda leġiżlattiva għad-Direttiva 2000/54/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema: l-esponiment għall-aġenti bioloġiċi (Direttivi 89/391/KEE u 90/679/KEE) biex tindirizza r-riskji li ġejjin mix-xogħol ma' labar u oġġetti mediċi li jaqtgħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq mingħajr aktar dewmien proposta li tkun konformi mar-rapport ta' inizjattiva tiegħu dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema Ewropej fil-kura tas-saħħa minn infezzjonijiet li jinxterdu permezz tad-demm minħabba feriti kkawżati mil-labar tal-injezzjonijiet (2006)2015(INI);
11.
Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-aħħar il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għad-direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjent f'servizzi ta' kura tas-saħħa transkonfinali li hu l-ewwel pass importanti 'l quddiem għal zona Ewropea ħielsa tal-pazjent; jenfasizza l-importanza ta' din id-Direttiva biex ikun provdut qafas ta' drittijiet u obbligi kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-fornituri tal-kura tas-saħħa; jirrimarka li l-pazjenti għandhom ikunu intitolati għal trattament fi Stat Membru ieħor tal-UE, mingħajr l-ebda tħassib dwar spejjeż, sikurezza u kwalità; iqis bħala kruċjali li d-direttiva tkun adottata qabel it-tmiem tal-mandat parlamentari attwali;
Politika dwar it-trasport
12.
Jappoġġja bis-sħiħ in-negozjati attwali fil-qafas tal-tielet pakkett għas-sikurezza marittima; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li jintlaħaq ftehim qabel it-tmiem ta' dan it-terminu parlamentari;
13.
Jenfasizza l-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni komuni fl-oqsma tal-obbligi tal-istati tal-bandiera u tar-responsabilitajiet ċivili ta' proprjetarji ta' bastimenti;
14.
Jenfasizza l-fatt li l-introduzzjoni tal-Eurovignette għandha tkun fil-prinċipju obbligatorja; jinsisti wkoll li l-profitti li jirriżultaw għandhom jintużaw biss biex jonqsu l-ispejjeż esterni u biex isir investiment f'infrastrutturi alternattivi;
15.
Jinsisti dwar il-ħtieġa li jkunu implimentati netwerks trans-Ewropej bħala strumenti vitali biex jitjiebu l-interoperabilità u l-interkonnessjonijiet tan-netwerks nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi rapporti regolari dwar proġetti strateġiċi, il-progress u l-finanzjament tagħhom;
Politika Reġjonali u ta' Koeżjoni
16.
Iqis li, fid-dawl tar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali, jeħtieġ li fil-futur ikunu garantiti r-riżorsi finanzjarji għall-politika ta' koeżjoni sabiex jiġu megħluba l-isfidi l-ġodda antiċipati li għandhom impatt territorjali sinifikanti; jinnota li flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali jeħtieġ għandhom ikunu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minn bidliet demografiċi, mill-konċentrazzjoni urbana, mis-segregazzjoni, miċ-ċaqliq migratorju, minn aġġustament meħtieġ għall-globalizzazzjoni, mill-bidla fil-klima, mill-ħtieġa li tkun garantita l-provvista tal-enerġija, kif ukoll l-proċess ta' żvilupp gradwali taz-zoni rurali;
17.
Hu tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' politika Komunitarja bi qbil mat-Trattat u mal-prinċipju ta' solidarjetà, u għalhekk jirrifjuta kull tentattiv ta' nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid ta' din il-politika;
18.
Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu approċċ integrat li jinvolvi azzjonijiet koerenti fil-politika ta' koeżjoni fid-dawl tal-pjan ta' azzjoni li jmiss dwar il-mobilità urbana;
19.
Jitlob lill-Kummissjoni biex, wara l-adozzjoni tar-rapport tiegħu ta' Mejju 2007 dwar il-housing u l-politika reġjonali, twettaq żewġ studji fil-qasam tal-housing: wieħed biex turi kif is-setgħat u r-responsabilitajiet qed jinqasmu bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u tfassal qafas ġuridiku fl-UE-27, u studju ieħor dwar l-ispiża ta', u d-domanda għal, housing u s-suq tal-proprjetà inġenerali fl-Istati Membri;
Ġustizzja Ċivili fis-Suq Intern
20.
Jitlob għal proposti leġiżlattivi speċifiċi dwar l-Att Awtentiku Ewropew, l-uffiċċju tal-ħarsien tal-adulti u l-e-ġustizzja;
21.
Itenni s-sejħa tiegħu għal proposti dwar l-Istatut għal Assoċjazzjoni Ewropea u għal Soċjetà Reċiproka Ewropea;
22.
Jistenna progress sostanzjali dwar il-Qafas ta' Referenza Komuni għal-Liġi tal-Kuntratti;
Innovazzjoni u Riċerka
23.
Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi rappurtar kontinwu tar-riżultati intermedji u finali tal-proġetti ffinanzjati permezz tal-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp attwali;
Politika dwar l-Enerġija
24.
Jitlob lill-Kummissjoni biex tivverifika s-sitwazzjoni attwali tal-Istati Membri dwar il-kostruzzjoni tal-Enerġija TEN; ifakkar lill-Kummissjoni li l-proġetti magħżula jikkontribwixxu biex jitkompla s-suq intern tal-enerġija u għas-sigurtà tal-provvista fl-UE;
Unjoni Ekonomika u Monetarja
25.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar it-twaqqif ta' Reġim ta' Investiment Privat Ewropew li jippermetti kummerċ transkonfinali għal prodotti ta' investiment bejn investituri professjonali;
26.
Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-Kummissjoni biex tiffinalizza l-proposta leġiżlattiva dwar il-Bażi Komuni u Konsolidata għat-Taxxa (CCCTB);
27.
Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tat-taqlib attwali fis-suq finanzjarju, biex tressaq proposta li ssaħħaħ il-qafas superviżorju attwali tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jkun iċċarat l-irwol tal-Kumitati ta' Superviżjoni, 'l hekk imsejjħa Kumitati Lamfalussy tat-Tielet Livell, u li dawn jingħataw kompiti li iwasslu għal aktar koperazzjoni u konverġenza superviżorja;
Il-politika tal-Konsumatur
28.
Jilqa' l-proposta għal reviżjoni tal-acquis tal-konsumatur, kif ippreżentat mill-Kummissjoni;
29.
Iqis li l-Kummissjoni teħtieġ tevalwa b'attenzjoni l-kwistjoni tal-appell tal-konsumaturi, inkluża l-kwistjoni tal-bażi legali, u tippreżenta, kif xieraq, soluzzjoni koerenti fil-livell Ewropew, li tinkludi l-possibilità li l-konsumaturi jieħdu azzjoni flimkien;
30.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja b'mod rigoruż l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' direttivi ewlenin, bħad-Direttiva tas-Servizzi, il-Kodiċi Doganali Modernizzat u d-Direttivi l-ġodda fi ħdan l-ambitu tal-acquis tal-konsumaturi (Direttiva dwar it-Timeshare, Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur);
Il-Baġit
31.
Wara l-proċess ta' konsultazzjoni pubblika, hemm il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-baġit ta' nofs it-terminu, kif stipulat fil-Ftehima Interistituzzjonali tal-2006; jistenna li jkun hemm strateġija innovattiva u li tħares 'il quddiem li se tgħin lill-Ewropa biex taffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni b'mod aktar effettiv, b'baġit li jopera bħala mezz u mhux bħala xkiel;
Kontroll Baġitarju
32.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta jitqiesu l-Istqarrijiet ta' Assigurazzjoni li huma kostantement negattivi, biex iżżid l-isforzi tagħha ħalli tikkonvinċi lill-Istati Membri biex jippubblikaw dikjarazzjonijiet nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-fondi tal-UE taħt ġestjoni konġunta, kif mistqarr fir-riżoluzzjonijiet tal-kwittanza tal-2003, 2004, 2005 u 2006 u fil-ftehima interistituzzjonali tal-2007-2013; jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar ir-riskju aċċettabbli ta' żball fil-bosta oqsma ta' infiq;
33.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-piżijiet amministrattivi imposti fuq il-protagonisti ekonomiċi pubbliċi u privati, tippreżenta rendikont dwar ir-riżultati miksuba, u tindika miżuri futuri li għandhom jittieħdu f'dan il-qasam;
BIDLA FIL-KLIMA U EWROPA SOSTENIBBLI
34.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħejji immedjatament abbozz ta' proposta biex jieqaf il-qtugħ illegali tal-injam, meta wieħed jiftakar li l-Unjoni Ewropea għandha rwol ċar f'dan il-qasam, minħabba li hija l-importatur u l-konsumatur ewlieni tal-injam u wieħed mid-donaturi ewlenija tal-għajnuna kif ukoll investitur dirett;
35.
Iqis li huwa fundamentali li n-nefqa fir-riċerka Ewropea dwar l-enerġija rinnovabbli għandha tiżdied sabiex titjieb l-abilità tal-Ewropa li tikseb l-għanijiet tagħha marbuta mal-bidla fil-klima kif ukoll biex issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija f'ġejjieni kkaratterizzat minn żieda fil-kompetizzjoni għall-fjuwils fossili;
36.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva 2003/65/KE li temenda d-Direttiva 86/609/KEE dwar il-ħarsien tal-annimali użati għal skopijiet sperimentali u xjentifiċi oħra;
37.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħloq pjan ta' azzjoni tal-Komunità sabiex il-Baħar Baltiku u l-Baħar l-Iswed ikunu mħarsa mill-effetti tat-tniġġiż;
38.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq kemm jista' jkun malajr il-proposta tagħha dwar il-mekkaniżmu ta' ffinanzjar għall-bini u l-operat sal-2015 ta' 12-il impjant dimostrattiv involuti fil-ħolqien kummerċjali tal-enerġija bi qbid u ħażna tal-karbonju; iqis li din hija l-akbar prijorità u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposti tagħha sa tmiem l-2008;
Il-Politika tas-Sajd
39.
Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta fl-2009 proposta għal riforma tal-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni (CMO) fir-rigward tal-prodotti tas-sajd;
40.
Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma resqitx komunikazzjoni dwar l-armonizzazjoni tal-penali f'każ ta' ksur serju tal-liġi tal-Komunità fl-industrija tas-sajd;
41.
Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex talloka fondi għall-integrazzjoni tal-politika marittima tal-UE u biex tressaq strumenti leġiżlattivi xierqa għall-implimentazzjoni tagħha;
Agrikultura
42.
Jenfasizza l-importanza li titkompla r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (CAP); rigward il-Verifika tas-Saħħa bħala inizjattiva politika importanti mill-Kummissjoni, li għandha tfittex li tipprovdi s-simplifikazzjoni u l-aġġustamenti meħtieġa għall-perjodu 2009-2013 u bħala pass 'il quddiem importanti lejn ir-riforma tal-Perspettiva Finanzjarja tal-UE, li se teżamina l-prijoritajiet għall-perjodu wara l-2013; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni xierqa għar-riżultati tar-Rawnd ta' Doha dwar l-Iżvilupp;
IĊ-ĊITTADIN L-EWWEL
L-identita kulturali u d-diversità
43.
Jenfasizza l-bżonn li l-proċedura attwali għall-adozzjoni tal-programm Erasmus Mundus (2009-2013) tasal għal konklużjoni xierqa u rapida;
44.
Iqis li huwa essenzjali li jkun żgurat segwitu xieraq għas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli dan id-djalogu;
45.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ komunikazjoni lejn il-bidu tal-2009 dwar id-djalogu bejn l-Universitajiet u l-Impriżi, bil-għan li titjieb il-kompetittività tal-universitajiet Ewropej, u Green Paper dwar l-industriji kulturali u kreattivi li tipproponi possibilitajiet differenti għall-iżvilupp tal-potenzjal ta' industriji kulturali għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku;
46.
Jiddeplora l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni COM(2008)0229 li temenda r-regolament dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001) tonqos milli jwieġeb għas-sejħiet magħmula mill-Parlament u miċ-ċittadini għat-titjib tat-trasparenza u l-aċċessibilità fl-UE, u jitlob għal progress rapidu dwar kwistjonijiet oħra marbuta mat-trasparenza, bħall-benefiċjarji tal-fondi tal-UE;
L-EWROPA BĦALA MSIEĦBA DINJIJA
Il-kummerċ
47.
Jenfasizza l-importanza tal-konklużjoni b'suċċess tar-Rawnd ta' Doha dwar l-Iżvilupp, li issa jinsab fi stadju kritiku ħafna wara li fallew it-taħdidiet f'Lulju 2008; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha mal-imsieħba kummerċjali tad-WTO biex tintlaħaq kemm jista' jkun malajr ftehima ambizzjuża li tippromwovi l-kummerċ u l-iżvilupp;
48.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timplimenta b'mod konsistenti strateġiji ta' aċċess tas-suq tal-UE, biex tipprovdi ħarsien aħjar għall-proprjeta intelletwali u biex teħodha kontra l-iffalsifikar; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonkludi l-ACTA (Ftehima Kummerċjali Kontra l-Iffalsifikar) kemm jista' jkun;
49.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti legali u politiċi kollha li tista' biex tappoġġja relazzjoni ġusta u bbilanċjata mal-imsieħba kummerċjali tagħna fir-rigward tal-aċċess għax-xiri pubbliku għall-kumpaniji Ewropej;
Il-Viċinat Ewropew
50.
Jitlob għal reviżjoni dettaljata tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP), b'mod partikulari fir-rigward tal-ġirien tal-Lvant tal-UE; jistenna lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti tagħha għal titjib fir-relazzjonijiet mal-ġirien tal-Lvant u jittama li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu relatata mal-istrumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna u żieda fir-riżorsi finanzjarji jagħtu kontenut reali lill-ENP u jagħmluha aktar rilevanti għall-pajjiżi kkonċernati;
51.
Jitlob għal aktar sforzi fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-viża u l-liberalizzazzjoni tagħha għall-ġirien tal-Lvant tal-UE, flimkien ma' sforzi biex jiżdied il-kummerċ ħieles;
52.
Jenfasizza l-importanza li jitkomplew in-negożjati dwar l-adeżjoni mal-Kroazja, anki bħala sinjal għar-reġjun wiesa' tal-Balkani tal-Punent li l-ġejjieni tiegħu jinsab fl-UE, dejjem jekk jintlaħqu l-kriterji meħtieġa;
53.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tmexxi kemm jista' jkun malajr bir-reviżjoni tagħha tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;
54.
Jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat qafas finanzjarju stabbli u koerenti għall-operazzjonijet tal-UE, speċjalment fil-Kosovo u l-Afganistan;
55.
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipparteċipa attivament biex issir kontribuzzjoni koordinata, sostanzjali u viżibbli għal riżultat pożittiv tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT fl-2010;
Id-drittijiet tal-bniedem
56.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi f'kull Karta ta' Strateġija tal-Pajjiż u f'dokumenti ta' strateġija oħra, strateġija speċifika dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni fir-rigward tad-demokrazija u biex din tintuża bħala qafas għal djalogu politiku;
57.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tarmonizza r-riżultati ta' djalogu u konsultazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi proġetti u programmi, b'mod partikulari għall-għajnuna fl-iżvilupp u l-koperazzjoni teknika, kummerċjali u finanzjarja;
58.
Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u biex tappoġġja inizjattivi għall-adozzjoni ta' trattat internazzjonali għall-projbizzjoni ta' munizzjon tat-tip cluster;
Lvant Nofsani
59.
Jenfasizza l-importanza strateġika ta' soluzzjoni għall-kunflitt tal-Lvant Nofsani għall-istabilità u l-ġid tar-reġjun kollu tal-Mediterran; itenni l-istedina tiegħu għal soluzzjoni bejn l-Iżrael u l-Palestinjani;
L-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju
60.
Jiddeplora bis-saħħa n-nuqqas ta' kordinazzjoni u ta' koerenza fl-isforzi tal-Istati Membri ewlenin biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, kif muri mill-fatt li qed jaqgħu lura fl-impenji tagħhom; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jiġu stabbiliti skedi programmatiċi nazzjonali li jorbtu sabiex tkun żgurata żieda fl-għajnuna reali bħala mezz li jinkisbu l-miri kollettivi mwiegħda;
Nagħmlu l-Politika Komuni tal-Immigrazzjoni Realtà
61.
Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta' Politika Komuni tal-Immigrazzjoni, u jenfasizza li l-"Patt Ewropew dwar il-Politika tal-Immigrazzjoni" għandu jkopri kwistjonijiet marbuta kemm ma' l-indirizzar tal-immigrazzjoni illegali u l-immaniġġjar tal-immigrazzjoni illegali, kif ukoll tniedi politika Ewropea dwaril-kenn politiku fuq il=-bażi ta' proposti li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni qabel tmiem l-2008;
62.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.