Proċedura : 2008/2637(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0536/2008

Testi mressqa :

B6-0536/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2008 - 8.20
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0496

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 117kDOC 71k
14 t'Ottubru 2008
PE413.339
 
B6‑0536/2008
skont l-Artikolu 91 tar-Regoli ta' Proċedura
minn Nirj Deva, Maria Martens, Alain Hutchinson, Thijs Berman, Thierry Cornillet, Johan Van Hecke, Frithjof Schmidt, Feleknas Uca, Luisa Morgantini u Ryszard Czarnecki
mill-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar l-akkuża u t-tressiq ta’ Joseph Kony quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-akkuża u t-tressiq ta’ Joseph Kony quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja  
B6‑0536/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, u d-dħul fis-seħħ tal-Istatut fl-1 ta’ Lulju 2002,

–  wara li kkunsidra r-ratifikazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma mill-Uganda fl-14 ta’ Ġunju 2002,

–  wara li kkunsidra r-referenza li għamel il-President tal-Uganda Yoweri Museveni fl-2003 lill-ICC dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-Lord’s Resistance Army (LRA), li kienet l-ewwel diferiment minn stat firmatarju lill-ICC mit-twaqqif tagħha,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Prosekutur tal-ICC tad-29 ta’ Lulju 2004 biex tinfetaħ investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Uganda,

–  wara li kkunsidra l-mandat ta’ arrest għal Joseph Kony maħruġ mill-ICC tat-8 ta’ Lulju 2005, kif emendata fis-27 ta’ Settembru 2005(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u l-Paċifiku (ACP) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000(2), kif emendata mill-Ftehima ta’ emenda tal-Ftehima ta’ Sħubija, iffirmata fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005(3) (‘il-Ftehima ta’ Cotonou’), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha dwar id-djalogu politiku u l-Artikolu 11 (6) dwar il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-paċi u l-ġustizzja internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 li twaqqaf netwerk Ewropew ta’ punti ta’ kuntatt rigward persuni responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra(4) u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-9 ta’ April 2002,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JHA tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra(5) u r-riżuluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2002,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/CFSP tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(6) u l-Pjan ta’ Azzjoni bħala segwitu tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima bejn l-ICC u l-UE dwar il-Koperazzjoni u l-Assistenza ffirmata fl-10 ta' April 2006, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2006,

–  wara li kkunsidra r-rapport supplimentari tat-23 ta’ Ġunju 2008 mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-tfal f’kunflitt armat fl-Uganda,

–  wara li kkunsidra l-linjigwida dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE dwar it-tfal f'kunflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dawk tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar is-Sudan u l-ICC, tat-3 ta’ Lulju 2003 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tramuntana tal-Uganda u tas-6 ta’ Lulju 2000 dwar il-ħtif ta’ tfal mil-Lord's Resistance Army (LRA),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2008 mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, deċiżjoni li timponi sanzjonijiet ġodda fuq Joseph Kony, u żżidu fuq il-lista s-sewda tiegħu ta’ terroristi,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta’ opinjonijiet dwar l-ICC waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 91 u 90(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f’Settembru 2005, l-ICC ħarġet mandat ta’ arrest kontra Joseph Kony, iċ-Chairman u l-Kap Kmandant tal-LRA, taħt 33 kap t’akkuża ta’ reati allegati kontra l-umanità u l-reati tal-gwerra; billi l-mandati ta’ arrest kienu maħruġa wkoll kontra kmandanti għoljin oħra tal-LRA, inklużi Vincent Otti, Okot Odhiambo u Domic Ongwen,

B.  billi t-33 kap t’akkuża kriminali kontra Joseph Kony jinkludu 12 –il kap t’akkuża ta’ reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità, inklużi qtil, stupru, skjavitù, skjavitù sesswali u atti inumani li jikkawżaw feriti gravi fuq il-ġisem tal-bniedem u sofferenzi, u 21 kap t’akkuża ta’ reati tal-gwerra, inklużi l-qtil, it-trattament krudil ta’ persuni ċivili, l-attakk intenzjonat b’mod dirett fuq il-popolazzjoni ċivili, is-sakkeġġ, inklużi l-istupru u l-lieva furzata tat-tfal,

C.  billi l-LRA ila tiġġieled fir-reġjun mill-1986, b’mod evidenti kontra l-Gvern tal-Uganda,

D.  billi r-ribelljoni armata vjolenti ila għaddejja fit-Tramuntana tal-Uganda mill-1986, attwalment bl-isem ta’ LRA,

E.  billi l-Awwissu 2006, il-Gvern tal-uganda u l-LRA iffirmaw Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied,

F.  billi fl-aqwa tal-vjolenza fit-Tramuntana tal-Uganda fl-2005, madwar 1.6 miljun persuna kienu spustati u kienu qed jgħixu f’kampijiet interni għall-persuni spustati, u għexieren ta’ eluf ta’ tfal kellhom jorqdu kull lejl f’ċentri urbani għall-protezzjoni; billi għalkemm mill-2006 nofs il-persuni spustati (IDPs) setgħu jirritornaw lura lejn djarhom jew viċin djarhom, is-sitwazzjoni għada kritika għal ħafna mill-IDPs li għadhom jirrifjutaw li jmorru lura fin-nuqqas ta' Ftehima ta' Paċi Finali,

G.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi diżastrużi ta’ dan il-kunflitt, konsegwenzi li wasslu għall-ħtif ta’ iktar minn 20 000 tifel u tifla u li kkawżat sofferenzi umani kbar, b’mod partikolari fost iċ-ċittadini, kif ukoll għal ksur kbir tad-drittijiet tal-bniedem, għall-ispustament massiv tal-popolazzjonijiet u għall-ikkrollar tal-istrutturi soċjali u ekonomiċi; billi l-ħtif tat-tfal u l-użu tagħhom bħala skjavi tas-sess jew bħala ġellieda huwa reat tal-gwerra u reat kontra l-umanità,

H.  billi fl-2008 biss, l-LRA allegatament wettqet 200 mit-300 ħtif fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali (CAR), fin-Nofsinhar tas-Sudan u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC), u għalhekk ikkawżat l-istess vjolenza fuq ġenerazzjoni ġdida ta’ vittmi,

I.  billi f’Lulju 2008 l-LRA attakkat lill-Armata Sudaniża għal-Liberazzjoni f’Nabanga u qatlet 22 mis-suldati tagħha,

J.  billi Joseph Jony ripetutament naqas milli jidher f’Juba u sa issa qed jirrifjuta li jiffirma l-Ftehima ta’ Paċi Finali ‘sakemm il-mandati ta' arresti tal-ICC u xi kwistjonijiet oħra fil-Ftehima jissolvew mill-Grupp Konġunt ta’ Komunikazzjoni’; billi l-Ftehima ta’ Paċi Finali kienet innegozjata mill-Mibgħut Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għal-LRA, l-ex President tal-Możambique, Joaquim Chissano,

K.  billi, Joseph Kony uża l-waqfien mill-ġlied matul il-proċess ta’ paċi biex jiġbor mill-ġdid u jorganizza mill-ġdid il-forzi tal-LRA fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

L.  billi minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tal-istati firmatarji biex jaqbdu lill-Kony u lill-kmandanti l-oħra tal-LRA, l-LRA bħalissa qed tespandi l-forzi tagħha permezz tal-ħtif,

M.  billi, f’Settembru 2008, skont il-UNICEF, l-LRA allegatament ħatfet 90 tifel u tifla tal-iskola Kongoliżi mill-irħula ta’ Kiliwa u Duru fid-DRC, u attakkat diversi lokalitajiet oħra, tant li ħolqot spustar massiv fiz-zona,

N.  billi l-ICC tilgħab irwol kruċjali fil-prevenzjoni u l-kontroll ta' azzjonijiet gravi ta' kriminalità li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha u huma mezz essenzjali kif jiġi promoss ir-rispett għal-liġi umanitarja internazzjonali u għad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk tikkontribwixxi għal-libertà, is-sigurtà, il-ġustizzja u l-Istat tad-Dritt, kif ukoll bħala kontribuzzjoni għall-preservazzjoni tal-paċi u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali,

O.  billi l-ġurisdizzjoni tal-ICC tkopri l-iktar reati gravi li jikkonċernaw lill-komunità internazzjonali u b’mod partikolari l-ġenoċidju, ir-reati kontra l-umanità u r-reati tal-gwerra mwettqa wara l-1 ta’ Lulju 2002,

P.  billi l-Istati impenjaw ruħhom li jieħdu passi kontra reati bħal dawn fil-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom u jappoġġjaw l-intervenzjoni tal-ICC meta l-Istati Nazzjonali jonqsu milli josservaw l-obbligi tagħhom,

Q.  billi l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra r-Repubblika Ċeka rratifikaw l-Istatut ta’ Ruma,

R.  billi l-UE iffirmat ftehima ta’ koperazzjoni mal-ICC fl-10 ta’ April 2006, skont liema, fost l-oħrajn, sabiex ikun iffaċilitat l-obbligu ta’ koperazzjoni u assistenza, il-Partijiet ftehmu dwar it-twaqqif ta’ kuntatti regolari xierqa bejn il-Qorti u l-Punt Fokali tal-UE għall-Qorti,

S.  billi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-ikbar numru possibbli ta’ Stati jieħdu parti fil-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jżommu f’moħħhom dan l-objettiv waqt in-negozjati (kemm bilaterali u kemm multilaterali) u waqt id-djalogu politiku ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali,

T.  billi l-ICC għandha tkun integrata fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma għandhom jiġu diskussi fid-djalogi politiċi u dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem (speċjalment waqt samits u laqgħat oħra ta’ livell għoli), ma’ pajjiżi terzi, inkluż fil-kuntest ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp, bħal fil-kuntest tal-Ftehima ta’ Cotonou,

1.  Jistieden lill-Gvern tal-Uganda u lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari lid-DRC, biex jikkoperaw b’mod sħiħ mal-ICC fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom; jitlob, b’mod partikolari li jkun hemm koperazzjoni fl-arrest u ċ-ċediment ta’ Joseph Kony u ta’ persuni oħra mressqa mill-Qorti, mingħajr dewmien;

2.  Jiddeplora bis-sħiħ it-twaqqif tal-isforzi biex jiġi promoss l-arrest ta’ Joseph Kony u ta’ persuni oħra mressqa mill-Qorti; ifakkar lill-Gvern tal-Uganda li bħala firmatarju tal-Istatut ta’ Ruma tal-ICC, huwa għandu l-obbligu li jikkopera b’mod sħiħ mal-ICC;

3.  Jiġbed l-attenzjoni li l-Istatut ta’ Ruma jistipula li, ladarba persuni jċedu għall-ICC, il-Gvern tal-Uganda jista’ mbagħad japplika biex il-każijiet jinstemgħu fi Qrati fl-Uganda, sakemm l-ICC tikkonkludi li l-Qrati tal-Uganda jistgħu u lesti jinvestigaw u jressqu ġenwinament lis-suspettati tal-LRA imsemmija fil-mandat ta’ arrest;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Uganda biex ma jikkonkludi l-ebda ftehima mal-LRA li tmur kontra l-liġi internazzjonali;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, tal-Unjoni Afrikana (AU) u b’mod partikolari lill-pajjiżi ġirien tal-Uganda biex jindirizzaw l-implimentazzjoni tal-mandati ta’ arrest b’mod konsistenti;

6.  Jitlob ir-rilaxx mingħajr kundizzjoni u immedjat tal-persuni kollha maħtufa mil-LRA, b’mod partikolari l-ħelsien tat-tfal, li jirriskjaw li jispiċċaw skjavi tas-sess jew li jiġu sfurzati jiġġieldu għal-LRA;

7.  Jistieden lill-komunità internazzjonali biex twettaq l-investigazzjonijiet tagħha f’allegati abbużi reċenti li saru mil-LRA, fil-CAR, fid-DRC u fin-Nofsinhar tas-Sudan u f’investigazzjonijiet tan-NU mhux pubblikati rappurtati dwar abbużi fil-CAR u biex tiżvela s-sejbiet tagħhom;

8.  Jistieden lill-gvernijiet tar-reġjun, lill-MONUC u lill-gvernijiet osservaturi internazzjonali oħra għat-taħdidiet ta’ paċi biex isegwu l-movimenti u jippubblikaw il-movimenti tal-LRA permezz ta’ monitoraġġ intensiv tal-fruntieri reġjonali u biex jikkontrollaw u jipprojbixxu l-fluss ta’ armi u provvisti oħra lil-LRA; jitlob li jkun hemm żvilupp ta’ pjani effettivi biex jitwettqu l-mandati ta’ arrest tal-ICC filwaqt li jkun minimizzat ir-riskju għal ħajja taċ-ċittadini u mingħajr l-użu ta’ forza eċċessiva, inkluż permezz tal-użu tal-MONUC;

9.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, speċjalment lill-dawk li kienu involuti fl-Uganda u fil-proċess ta’ paċi ta’ Juba, biex jikkoordinaw mal-gvernijiet reġjonali u mas-segretarjat tan-NU u mal-forzi għaż-żamma ta’ paċi bil-għan li jkunu implimentati l-mandati ta’ arrest għall-mexxejja tal-LRA;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ġustizzja hija għan komuni li għandu jinqasam bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana;

11.  Ifakkar li, skont l-Istatut ta’ Ruma, l-Istati impenjaw ruħhom li jġibu fi tmiem l-impunità għall-iktar reati gravi li jikkonċernaw lill-komunità internazzjonali u biex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’ reati bħal dawn; jemmen bis-sħiħ li l-ICC u t-tribunali ad hoc jikkontribwixxu għall-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u paċi;

12.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ sforzi ċari sabiex tkun evitata d-diverżjoni ta’ għajnuna internazzjonali favur l-LRA, għajnuna li tippermetti lill-Joseph Kony jikseb l-armi mill-ġdid; iħeġġeġ it-tnaqqis ta’ netwerks ta’ forniment lill-LRA; jistieden lill-gvern tas-Sudan biex jieqaf jagħti għajnuna finanzjarja u appoġġ militari lil-LRA;

13.  Jistieden lill-UE u lid-donaturi internazzjonali biex jappoġġjaw id-diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ ġellieda preċedenti tal-LRA, ir-ritorn tal-IDPs u r-ripatrijazzjoni għall-vittmi;

14.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kuntatti mill-qrib u regolari bejn uffiċjali għolja tal-ICC u l-UE; jinnota l-appoġġ qawwi tal-UE għall-parteċipazzjoni fi u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma; jenfasizza li t-tmexxija tal-UE hija essenzjali għat-tisħiħ tal-mandat tal-ICC;

15.  Jemmen bis-sħiħ li, fuq tul ta’ żmien twil, l-ICC tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ atroċitajiet ġodda; jiġbed l-attenzjoni li n-nuqqas li jiġi arrestat Joseph Kony jirriżulta fit-tkomplija ta’ atroċitajiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-paċi u r-rikonċiljazzjoni ma jistgħux jinkisbu mingħajr ġustizzja għall-vittmi;

16.  Jirrakkomanda li l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fit-Tramentana tal-Uganda u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mil-LRA;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, biex tkun infurmata, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għar-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Unjoni Afrikana, lill-Gvern tal-Uganda, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u lill-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lill-Prosekutur ICC.

(1) No ICC-02/04-01/05.
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(3) ĠU L 209, 11.08.2005, p. 27.
(4) ĠU L 167, 26.06.2002, p. 1.
(5) ĠU L 118, 14.05.2003, p. 12.
(6) ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.

Aġġornata l-aħħar: 17 t'Ottubru 2008Avviż legali