Proċedura : 2008/2523(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0550/2008

Testi mressqa :

B6-0550/2008

Dibattiti :

PV 21/10/2008 - 7
CRE 21/10/2008 - 7

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2008 - 4.2
CRE 22/10/2008 - 4.2

Testi adottati :

P6_TA(2008)0506

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 111kDOC 62k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0543/2008
20 t'Ottubru 2008
PE413.362
 
B6‑0550/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar ir-rapport mill-Kunsill Ewropew u d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Mieczysław Edmund Janowski, Ewa Tomaszewska, Adam Bielan, Brian Crowley u Ryszard Czarnecki
f'isem il-Grupp UEN
dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 
B6‑0550/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill Ewropew u d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika dinjija attwali qed toħloq ħafna diffikultajiet għall-SMEs biex jingħataw kreditu, u kif ukoll qed iżżid it-telf tal-impjiegi u l-faqar fost iċ-ċittadini,

B.  billi varjetà wiesa' ta' parteċipanti huma involuti f'din il-kriżi, u billi huma meħtieġa koordinazzjoni u reazzjonijiet mgħaġġla,

C.  billi n-nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini fir-rigward tas-sistema tal-banek u dik finanzjarja jista' faċilment jinbidel f'rabja u għadab anke fir-rigward tas-sistema politika Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha, li ma kienux kapaċi jbassru l-kobor tal-kriżi,

D.  billi l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima hija kwistjoni ewlenija u għan ewlieni għall-Unjoni Ewropea u għandha tiġi indirizzata permezz tal-użu ta' strateġija komprensiva u flessibbli fil-livell internazzjonali,

Dwar il-kriżi ekonomika

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reazzjonijiet fil-pront tal-Presidenza tal-UE għall-kriżi u l-adozzjoni tal-linjigwida tal-UE mill-ministri tal-finanzi bħala l-ewwel pass importanti u kkoordinat għas-serħan tal-moħħ fis-swieq finanzjarji; Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li rratifikaw il-miżuri proposti mill-Eurogroup u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-isforzi tal-Istati Membri fil-livell Ewropew sabiex ma jkunx hemm distorsjonijiet fil-kompetizzjoni;

2.  Iqis li s-Samit tal-G7 ma rnexxielux jipprovdi tweġibiet adegwatament kreattivi, billi elenka serje ta' affarijiet li għandhom isiru mingħajr ebda proposti fit-tul; huwa tal-fehma li, f'dan il-kuntest, il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE għandha tkun prijorità;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni kkoordinata meħuda mill-BĊE u banek ċentrali oħrajn barra z-zona euro f'termini ta' forniment ta' likwidità;

4.  Jenfasizza l-bżonn għal responsabilitajiet komprensivi u kkoordinati fil-livell globali, Ewropew u nazzjonali sabiex is-swieq finanzjarji jerġgħu jiġu fil-qagħda li kienu fiha qabel billi jerġgħu jinġiebu fi stat ta' likwidità fil-futur qrib, u jiġi żviluppat mekkaniżmu xieraq għall-prevenzjoni tal-kriżijiet fuq perjodu ta' żmien twil;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni riċenti tal-BĊE li jnaqqas ir-rata tal-interessi fiz-zona euro;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-grupp ta' livell għoli stabbilit mill-Kumissjoni biex jinvestiga l-istruttura li tkun xierqa biex jiġi żgurat li s-swieq finanzjarji jkunu adatti għar-realtajiet tas-suq uniku u li s-sorveljaturi jkunu jistgħu jaħdmu flimkien biex jilqgħu l-isfida tal-banek transkonfinali;

7.  Iqis li hu essenzjali li parti mill-pjan ta' salvataġġ imfassal mill-Istati Membri għandu jmur għall-familji u għall-SMEs, u mhux biss għall-bankiera, u jintuża biex jiħarsu d-depożiti ta' dawk l-individwi kollha li jfaddlu;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħa tagħha ta' inizjattiva biex tipproponi miżuri biex jissaħħu l-qafas regolatorju u superviżorju tal-UE u l-ġestjoni tal-kriżijiet fil-livell tal-UE;

Dwar it-Trattat ta' Liżbona

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-risposta tal-Gvern Irlandiż matul is-Samit biex jiġi lura f'Diċembru bil-ħsieb li jiddefinixxi l-elementi ta' soluzzjoni u triq komuni li għandha tiġi segwita fir-rigward tat-Trattat ta' Liżbona; jirrikonoxxi l-preżentazzjoni tal-Gvern Irlandiż tal-analiżi tar-riżultati tar-referendum; iqis li l-istabbiliment ta' sottokumitat speċifiku tal-Oireachtas fil-Parlament Irlandiż, li għandu jirrapporta f'Novembru dwar il-kwistjonijiet speċifiċi li jeħtieġ li jiġu indirizzati, huwa pass importanti 'l quddiem fil-proċess li permezz tiegħu għandha tinstab soluzzjoni;

Dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li ttieħdet rigward it-tlestija tal-pakkett enerġetiku domestiku sal-aħħar tal-mandat parlamentari;

11.  Jirrikonoxxi l-fatt li ntlaħaq ftehim dwar is-separazzjoni tan-netwerks (separazzjoni effettiva), iżda jenfasizza li huwa biss ftehim dwar kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni (kundizzjonijiet ugwali) u dwar il-klawżola tal-pajjiż terz li jistgħu jiggarantixxu l-funzjonament bla xkiel tas-suq Ewropew tal-enerġija;

12.  Jenfasizza wkoll li l-ftehim dwar il-pakkett tal-enerġija huwa neċessarju biex jiġu garantiti l-effikaċja enerġetika tal-Unjoni Ewropea u provvisti affidabbli ta' enerġija fuq perjodu ta' żmien qasir, mhux l-inqas minħabba t-tħassib tal-UE rigward id-djalogu UE-Russja;

13.  Jimpenja ruħu li jikkopera mill-qrib mal-Kunsill u l-Kummissjoni biex jintlaħaq ftehim effettiv u prattiku dwar il-pakkett tal-bidla fil-klima u tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex minkejja dan iqisu bis-serjetà r-riskji tar-"rilokazzjoni tal-karbonju", sabiex jiġu mħarsa s-setturi industrijali Ewropej u kif ukoll l-impjegati u l-konsumaturi tagħhom, speċjalment f'perjodu ta' kriżi fis-swieq finanzjarji, u jfakkar li huwa importanti ħafna għall-industrija tal-UE li l-miżuri meħtieġa ta' flessibilità jiġu introdotti għas-setturi l-aktar esposti għar-rilokazzjoni u għat-telf tal-kompetittività;

14.  Iqis li dan huwa essenzjali biex l-UE jkollha l-kredibilità meħtieġa sabiex ikollha rwol ta' tmexxija fil-livell internazzjonali fit-tħejjija għan-negozjati waqt il-Konferenza tal-Klima ta' Kopenħagen (COP15) dwar ftehima ta' wara l-2012;

15.  Iqis li biex jintlaħaq riżultat globali u effettiv fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima huwa essenzjali li jiġu involuti l-parteċipanti internazzjonali kollha, b'mod partikolari l-pajjiżi industrijalizzati;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis is-sitwazzjoni speċifika ta' kull Stat Membru, b'mod partikolari dawk b'ekonomiji u setturi bbażati fuq il-faħam, u jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tqis il-livelli ta' żvilupp ekonomiku tal-Istati Membri differenti;

Dwar is-sigurtà tal-enerġija

17.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu l-isforzi biex titkompla l-elaborazzjoni ta' politika komuni tal-enerġija li, inter alia, taqdi l-bżonn tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, minħabba l-fatt li xi pajjiżi fornituri tal-enerġija jużaw l-enerġija bħala arma politika mmirata lejn xi Stati Membri tal-UE;

18.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jeskludu l-kostruzzjoni tas-sistema ta' pajpijiet Nordstream mil-lista ta' proġetti strateġiċi tal-UE, minħabba r-riskju ta' dipendenza dejjem akbar fuq il-gass Russu meta l-proġett ikun ġie implimentat u minħabba l-ispiża u l-perikli ambjentali tiegħu u l-konklużjonijiet tar-rapport Libicki adottat mill-Parlament;

19.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħaffu l-isforzi biex titkompla l-kostruzzjoni tas-sistema ta' pajpijiet Nabucco, bħala l-aktar alternattiva serja għall-proġetti mwettqa b'koperazzjoni mar-Russja, li kollha kemm huma qegħdin potenzjalment iżidu d-dipendenza ekonomika u politika tal-Istati Membri tal-UE fuq ir-Russja;

Dwar l-immigrazzjoni u l-ażil

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil imressaq mill-Presidenza, bl-attenzjoni li jagħti lill-ġestjoni aħjar tal-immigrazzjoni; jistenna lill-UE li timplimenta l-patt bil-ħsieb li jkun hemm politika Ewropea komprensiva dwar l-immigrazzjoni u l-ażil;

Dwar ir-Russja, il-Ġeorġja u l-politika għal-Lvant

21.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea trid tkun il-parteċipant ewlieni fis-soluzzjoni tal-kunflitt Russja-Ġeorġja, fuq il-bażi ta' pożizzjoni soda u ddeterminata;

22.  Jenfasizza li l-kriżi Ġeorġjana għandha implikazzjonijiet kbar għar-reġjun kollu kemm hu, għall-Unjoni Ewropea nnifisha u għas-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa;

23.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw li jipposponu s-Samit UE-Russja sakemm ir-Russja tissodisfa l-impenji tagħha skont il-ftehima ta' waqfien mill-ġlied u l-forzi Russi jkunu rtiraw għall-pożizzjonijiet li kienu fihom qabel is-7 ta' Awwissu 2008;

24.  Itenni t-talba tiegħu għal-posponiment tal-laqgħat biex tiġi nnegozjata l-Ftehima ta' Sħubija mar-Russja sakemm iseħħ l-irtirar sħiħ tat-truppi Russi mit-territorju Ġeorġjan;

25.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex jirrevedu l-politika rigward ir-Russja, b'mod partikolari peress li l-Federazzjoni Russa ħabbret pjanijiet biex iżżomm 7 600 suldat fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar;

26.  Jenfasizza li l-missjoni ta' monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea bħalissa ma tistax tiżgura s-sigurtà fil-Ġeorġja u li z-zoni li jmissu mal-Abkażja u mal-Ossezja tan-Nofsinhar għadhom mhux taħt il-kontroll tagħha; jirrimarka li l-fastidju sistematiku taċ-ċivili Ġeorġjani għadu għaddej hemmhekk, inkluż il-ħruq ta' djar f'iktar minn sitt villaggi etniċi Ġeorġjani fl-Ossezja tan-Nofsinhar u fl-inħawi ta' madwar, inċidenti ta' sakkeġġi minn irġiel armati, u theddid fiżiku li jġiegħel lill-Ġeorġjani etniċi jitilqu mill-villaġġi tagħhom;

27.  Jenfasizza li l-unika politika li jista' jkollha suċċess hija waħda bbażata fuq strateġija ta' reċiproċità, u jikkunsidra, f'dan il-kuntest, li t-tneħħija tal-projbizzjoni fuq il-mexxejja ewlenin tal-Belarus milli jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-UE, inkluż il-President Alexander Lukashenko, kienet deċiżjoni premaura wisq, ibbażata unikament fuq suppożizzjonijiet;

28.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iniedu djalogu ġenwin mal-awtoritajiet Belarussi li jkun ibbażat fuq strateġija kondizzjonali u gradwali, b'benchmarks, skedi ta' żmien, klawżoli ta' reviżjoni u mezzi finanzjarji adegwati;

29.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi biex jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-bniedem billi:

   jiżguraw midja indipendenti u ħielsa;
   jneħħu d-diffikultajiet kollha li jwaqqfu lill-NGOs milli jirreġistraw ruħhom kif suppost;
   jtejbu t-trattament tal-minoranzi nazzjonali, biex jiġi inkluż ir-rikonoxximent tal-    Unjoni tal-Pollakki li ġiet eletta b'mod leġittimu u li hi mmexxija minn Angelika Borys;

30.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tal-Balkani u tal-Lvant u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi żgurata koperazzjoni aktar mill-qrib sabiex inkunu nistgħu noffru prospetti ċari ta' sħubija lis-sħab tagħna fil-Balkani u fl-Ewropa tal-Lvant;

31.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Ewropa għall-Viċinanzi, id-dimensjoni tagħha tal-Lvant u l-isforzi biex jinkisbu modernizzazzjoni ekonomika u demokratizzazzjoni; jenfasizza l-bżonn li tintlaħaq pożizzjoni komuni tal-UE għall-Moldova, il-Ġeorġja, il-Belarus, l-Ukrajna u r-reġjun tal-Kawkasi kollu kemm hu;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 21 t'Ottubru 2008Avviż legali