sabiex jiġi konkluż id-dibattitu dwar ir-rapport tal-Kunsill Ewropew u d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
minn Francis Wurtz, Umberto Guidoni, Roberto Musacchio, Esko Seppänen, Eva-Britt Svensson u Sahra Wagenknecht
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008
B6‑0561/2008
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi l-kriżi finanzjarja attwali, li bdiet wara li faqqgħet il-bużżieqa tas-suq tad-djar, l-ipoteki subprime u l-prodotti derivati fl-Istati Uniti, infirxet mad-dinja kollha minħabba n-natura dejjem aktar integrata iżda wkoll mhux irregolata tas-swieq finanzjarji, u billi b'konsegwenza ta' dan wieħed jista' jistenna iktar taqlib finanzjarju minħabba l-falliment tal-credit default swaps u l-pressjoni fuq il-kumpaniji tal-karti ta' kreditu,
B.
billi l-konvinzjoni sostnuta b'mod komuni fost il-mexxejja politiċi u kummerċjali u l-parti l-kbira tal-ekonomisti li 's-swieq ħielsa joperaw aħjar' u li l-interazzjoni ħielsa tal-forzi tas-suq tiggarantixxi allokazzjoni effiċjenti u effettiva tar-riżorsi mhijiex minnha kif ikkonfermaw b'mod konvinċenti l-avvenimenti reċenti; billi fl-Istati Uniti tal-Amerika biss, xi USD 760 biljun ġew imħassra mill-banek, mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni, minn fondi ta' lqugħ u minn detenturi oħrajn ta' dejn; billi x-xenarju ta' każ bażiku tal-IMF dwar il-kriżi finanzjarja jikkalkula li l-banek Amerikani u Ewropej se 'jaħarqu' xi USD10 triljuni ta' assi,
C.
billi t-tqassim estremament inugwali tad-dħul, tal-globalizzazzjoni, tal-liberalizzazzjoni u n-nuqqas ta' regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji wassal għal innovazzjonijiet finanzjarji (prodotti derivati, fondi ta' lqugħ, kapital privat, titolizzazzjoni, vetturi ta' investiment strutturat eċċ.), li mbagħad ikkontribwixxew għal livell ta' dejn eċċessiv u eċċessivament proċikliku, għal imġiba li ma tħarisx fit-tul, għall-impożizzjoni ta' domandi mhux sostenibbli għal rati ta’ redditu għoljin fuq l-intrapriżi tal-produzzjoni u s-servizzi ('orjentazzjoni tal-valur azzjonarju') u wkoll għal kontaġju rapidu u mifrux tar-riskji;
D.
billi dawn l-iżviluppi kienu forzi motriċi importanti għall-ħolqien ta' bżieżaq (il-bużżieqa l-ġdida tal-ekonomija fl-2001, u iktar tard il-bżieżaq tas-suq tad-djar u tal-prodotti bażiċi) u għall-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi; billi malli faqqgħu dawn il-bżieżaq tal-aħħar, il-kontaġju tar-riskji sar ovvju, irriżultat sitwazzjoni ta' nuqqas ta' kreditu u kkrollat il-likwidità tas-suq; billi kemm il-politiki neoliberali tal-liberalizzazzjoni tas-suq finanzjarju kif ukoll l-orjentazzjoni li ma tħarsix fit-tul fejn il-valur azzjonarju jiżdied akkost ta' kollox urew li kienu kompletament falluti,
E.
billi, għalhekk, it-tort tal-kriżi attwali mhuwiex biss tal-maniġers u l-azzjonisti 'rgħiba' fl-industrija finanzjarja, iżda wkoll tal-gvernijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika u tal-Istati Membri tal-UE, u tal-Istituzzjonijiet Ewropej, li huma kollha responsabbli għall-promozzjoni tal-liberalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji; billi l-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis fl-'ekonomija reali', flimkien ma' fatturi strutturali oħra (il-bidla fil-klima u d-degradazzjoni tal-ambjent, il-kriżi tal-ikel u l-enerġija, il-kummerċ eċċ.), juru li din hija kriżi sistemika tal-kapitaliżmu kontemporanju,
F.
billi l-Pjan ta' Azzjoni għas-Suq Finanzjarju tal-UE u l-koperazzjoni superviżorja volontarja tas-suq finanzjarju fl-UE (l-istruttura ta' superviżjoni Lamfalussy) kienu bbażati prinċipalment fuq approċċ ta' 'awtoregolamentazzjoni' fir-rigward tas-settur finanzjarju, bil-parteċipazzjoni tal-banek privati bħala parti mill-istruttura, li wriet li ma kinetx kapaċi ma tħallix li jinħolqu l-bżieżaq tal-assi u tas-suq tad-djar, tiġġieled il-kriżi finanzjarja u tissalvagwardja l-istabilità finanzjarja,
G.
billi l-Kummissjoni b'mod konsistenti rrifjutat li tikkunsidra t-talbiet tal-Parlament Ewropew għal miżuri leġiżlattivi biex titjieb ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji; billi sa mill-2002 il-Parlament Ewropew kien ġibed l-attenzjoni li l-sikemi ta’ kumpens eżekuttivi fl-istituzzjonijiet finanzjarji ikkontribwixxew biex ikun hemm attenzjoni partikulari fuq ir-riskji u l-profitti fuq terminu ta' żmien qasir; billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Novembru 2002 (ir-rapport Van den Burg), innota li l-fondi ta' lqugħ kienu qed jiffjorixxu u talab li jsir ħsieb ġdid dwar l-impatt tagħhom fuq l-istabilità sistemika fid-dawl tal-każ tal-LTCM u t-taqlib tal-2002 fis-swieq finanzjarji,
H.
billi l-kriżi finanzjarja attwali hija marbuta ma bidu ta' tnaqqis kbir fl-ekonomija globali, li diġà qed jaffettwa uħud mill-Istati Membri l-kbar tal-UE (ir-Renju Unit, Franza, l-Italja u Spanja); billi l-produzzjoni fiż-żona euro diġà niżlet għal rata annwalizzata ta' 0.8% fit-tieni kwart tal-2008; billi l-IMF diġà qed iwissi dwar ir-riskju li d-diżinflazzjoni attwali tittrasforma ruħha fi pressjonijiet deflazzjonarji u dwar il-prospett ta' żmien ta' qgħad fil-kummerċ jew ta' fażi itwal ta' staġnar ekonomiku,
1.
Jikkritika bil-qawwa lill-Unjoni Ewropea, in-nuqqas ta' attività tal-Kummissjoni, l-immaniġjar bikri ħażin tal-Kunsill fir-rigward tal-kriżi finanzjarja, il-politika tal-BĊE u l-eġoiżmu ta' dawk l-Istati Membri l-aktar affettwati, minħabba li ħadd minnhom ma ħa ebda inizjattiva biex jikkontrolla l-bżieżaq tas-suq tad-djar, tal-prodotti bażiċi u tal-assi li kienu diġà bdew jidhru f'nofs l-2007;
2.
Jinnota li b'riżultat tal-kriżi se tinħoloq reċessjoni ekonomika qawwija madwar id-dinja, b'rata ta' qgħad ferm ogħla u b'aktar faqar;
3.
Jenfasizza li l-waqgħa tas-sistema finanzjarja u r-reazzjoni bla ħeffa b'rabta ma' dan fl-Ewropa kixfu b'mod aħrax il-limiti istituzzjonali u politiċi tal-proġett ta' integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea u n-nuqqas ta' solidarjetà li setgħet tippermetti li ssir reazzjoni komuni ġenwina;
4.
Jikkritika bil-qawwa l-fatt li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, bil-paroli kollu tas-soltu dwar azzjoni Ewropea konġunta u solidarjetà fuq naħa u n-nuqqas ta' kapaċità li jaqblu dwar operazzjoni ta' salvataġġ Ewropea konġunta fil-bidu ta' Ottubru 2008 fuq in-naħa l-oħra, minflok bdew politika ta' 'protezzjoniżmu' bi skemi nazzjonali konkorrenti biex jiggarantixxu d-depożiti u jsostnu l-banek sabiex jiġi evitat il-ħruġ tat-tfaddil lejn Stati Membri oħra tal-UE;
5.
B'mod partikulari jikkritika l-ħidma attwali ta' ċerti Stati Membri biex isaħħu l-pożizzjoni ta' kompetittività taċ-ċampjins nazzjonali rispettivi 'tagħhom' fis-settur tal-banek għad-detriment ta' oħrajn billi 'jixtru b'irħis' xi partijiet tal-banek falluti (eż. il-Fortis u d-Dexia) wara li dawn ikunu ġew sfaxxati u maqsuma f'bosta kompartimenti għall-bejgħ; iqis li dawn l-istrateġiji, min-naħa tal-banek iktar b'saħħithom, appoġġjati mill-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, li jsaħħu s-sehem tas-suq tagħhom billi ma jagħtux kreditu lil banek oħrajn, bil-ħsieb li jduru għall-banek iktar dgħajfa u joħduhom iktar faċilment, joħolqu ostakli serji għar-ritorn ta' likwidità suffiċjenti fis-self fost il-banek; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiskoraġġixxu u jwaqqfu dawn l-istrateġiji;
6.
Jinnota li l-Kunsill essenzjalment ikkonferma l-pakkett ta' miżuri propost fil-pjan ta' azzjoni tal-pajjiżi taż-żona euro tat-12 ta' Ottubru 2008 f'Pariġi; iqis li l-Kunsill għalhekk qabel biss dwar ir-regoli bażiċi għal pjanijiet nazzjonali għar-rikapitalizzazzjoni tas-sistemi bankarji u biex tiġi pprovduta assigurazzjoni sabiex is-self fost il-banek jerġà jieħu r-ruħ, mingħajr ma kkjarifika kif se jiġu solvuti l-kwistjonijiet numerevoli transkonfinali li nqalgħu; madankollu, iqis li l-iskema ta' rikapitalizzazzjoni tar-Renju Unit b'nazzjonalizzazzjoni parzjali tal-banek tista' tkun il-bidu ta' approċċ iktar sistematiku;
7.
Jinnota li, bħala kwistjoni ta' prijorità, id-depożiti ta' kontijiet ta' tifdil żgħar u medji għandhom ikunu garantiti b'mod assolut madwar l-Unjoni Ewropea kollha; għalhekk, jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva tal-UE dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożitu, minkejja li din waslet tard; jaqbel mal-Kummissjoni li d-depożiti għadhom jiġu garantiti sa 100% tal-livell ta' kopertura u li l-perjodu ta' ħlas għandu jitnaqqas għal tlitt ijiem wara li jfalli bank; madankollu, jinsiti li jiġi applikat livell ta' kopertura ta' mill-inqas EUR 100,000 b'mod uniformi madwar l-Unjoi Ewropea;
8.
Jappoġġja miżuri għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek permezz ta' xiri tal-ishma privileġġjati tal-bank minflok li l-Istat jixtri assi ħżiena minnhom sabiex b'hekk ikun hemm 'soċjalizzazzjoni tat-telf tal-ispekulaturi'; jappoġġja wkoll miżuri biex jiġu pprovduti garanziji tal-gvern għall-kopertura tad-dejn tal-banek, biex il-ħolqien ta' likwidità u kreditu jiġu direzzjonati minn ġol-BĊE u l-banek ċentrali bil-għan li s-self fost il-banek jitħaddem tajjeb u biex ikun hemm sorveljanza iktar stretta fuq is-settur finanzjarju kollu;
9.
Jappoġġja l-inizjattiva tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) favur koperazzjoni Ewropea bħal dik maħsuba mill-Kunsill; jinnota li din l-inizjattiva għandha tindirizza b'mod koerenti l-operazzjonijiet ta' salvataġġ konġunti għall-gruppi bankarji multinazzjonali transkonfinali u l-abbandun tal-politiki 'protezzjonisti' attwali;
10.
Iqis li l-'prinċipji' maħsuba mill-Kunsill għas-salvataġġ tas-settur finanzjarju huma vagi u inkoerenti wisq u jħallu marġni wiesa' għal interpretazzjonijiet differenti; jinsisti li l-iskema ta' salvataġġ tal-UE għandha tkun ibbażata fuq kundizzjonijiet stretti li s-settur bankarju jkollu jikkonforma magħhom meta jirċievi assistenza pubblika; f'dan il-kuntest jenfasizza li s-settur finanzjarju għandu jerġa' jibda jiffunzjona fl-interess tal-pubbliku u għandu jaċċetta redditi iktar baxxi u sistemi ta' ħlas ta' bonus maħsuba biex jiġu evitati r-riskji u b'miri fit-tul minflok bi profitti fuq terminu ta' żmien qasir;
11.
Jinnota li l-approċċ ta' rikapitalizzazzjoni għandu jkun direzzjonat lejn nazzjonalizzazzjoni sostenibbli tal-assi b'saħħithom tal-banek, bil-għan li s-settur bankarju jiġi soċjalizzat b'mod sħiħ u sabiex tiġi kostitwita sistema finanzjarja pubblika li tiddirezzjona l-kreditu lejn investimenti soċjalment u ambjentalment utli li joħolqu impjiegi ta' kwalità tajba; iqis li t-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-politiki ta' kreditu tas-settur bankarju għandhom isiru taħt kontroll pubbliku demokratiku u bil-parteċipazzjoni demokratika tal-impjegati u l-konsumaturi;
12.
Jappoġġja t-talba tal-Kunsill għal implimentazzjoni rigoruża mill-istituzzjonijiet finanzjarji tar-rakkomandazzjonijiet dwar it-trasparenza tal-impenji u r-riskji tagħhom; madankollu, jenfasizza li r-rekwiżiti ta' trasparenza biss mhumiex suffiċjenti u li hemm bżonn ta' regolamentazzjoni iktar stretta tas-swieq finanzjarji;
13.
Jappoġġja t-talba tal-Kunsill għat-tisħiħ tar-regoli dwar l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u għas-superviżjoni tagħhom f'livell Ewropew; jipproponi t-twaqqif ta' Aġenzija Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu sabiex jingħelbu konflitti li jtellfu l-proċess tal-klassifikazzjoni tal-kreditu;
14.
Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni, skambju ta' informazzjoni u twissija informali; jappoġġja wkoll il-pjan tal-Kunsill f'dan il-kuntest sabiex il-Kummissjoniji twaqqaf grupp ta' livell għoli; madankollu, jenfasizza li hemm bżonn ta' regolamentazzjoni iktar stretta tas-swieq finanzjarji sabiex jiġu evitati r-riskji sistemiċi kkawżati mill-prodotti finanzjarji ġodda u riskjużi, li jew għandhom jiġu pprojbiti jew il-kummerċ tagħhom għandu jiġi limitat u ssorveljat b'mod rigoruż; barra minn hekk, jenfasizza li għandhom jiġu introdotti limiti stretti fuq id-dejn għall-istituzzjonijiet finanzjarji regolati kollha u għandhom jiġu introdotti regoli iktar stretti dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-banek bħala kwistjoni ta' urġenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jespandu l-irwol tal-UE f’dawk li huma l-qafas prudenti u regolatorju u l-koordinament biex jirrifletti l-għejun kollha ta’ riskju sistemiku, b’mod partikulari billi f’dan il-qafas ikunu inklużi wkoll entitajiet akkwistati b’kapital misluf li jkunu jġorru riskji sistemiċi hi x’inhi s-sura legali jew is-sede tagħhom;
15.
Jinnota li l-fondi tal-pensjonijiet, u speċjalment il-fondi tal-pensjoni tax-xogħol, m'għandhomx jitħallew jinvestu fi prodotti finanzjarji bħall-fondi ta' lqugħ u l-kapital privat li jinvolvu riskji sistemiċi, minħabba li jekk dawn il-fondi jfallu, jispiċċaw biex jaffettwaw b'mod negattiv l-intitolamenti tal-pensjoni; iqis li d-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar mix-xogħol għandha tiġi riveduta fid-dawl ta' dan;
16.
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri biex jagħlqu r-rifuġji fiskali u jindirizzaw il-problemi li nħolqu miċ-ċentri finanzjarji offshore, biex jintroduċu taxxi fuq tranżazzjonijiet tal-munita (it-Taxxa Tobin) u fuq tranżazzjonijiet fil-Borża (inklużi t-tranżazzjonijiet barra mill-Borża), bil-għan li jiefqu l-privatizzazzjonijiet tal-pensjoni u biex jissaħħu l-pensjoni pubblika u s-sistemi bankarji;
17.
Jisħaq li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tgħaqqad l-operazzjoni tagħha tas-salvataġġ magħmula biex tistabbilizza s-sistema tal-banking u tal-kreditu mal-miżuri biex jerġgħu jagħtu l-ħajja u jistabbilizzaw l-'ekonomija vera' li tqiegħda fuq it-triq lejn żvilupp sostenibbli b'mod ambjentali u soċjali; jilqa' d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jimmobilizza EUR 30 biljun għall-appoġġ tal-SMEs Ewropej u l-isforz tiegħu biex iżid il-kapaċità tiegħu li jindaħal fi proġetti tal-infrastruttura bħala l-ewwel pass pożittiv, imma jinnota li l-ammont ta' EUR 30 biljun mhuwiex biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimxu iżjed 'il quddiem f'din id-direzzjoni billi jfasslu 'Programm ta' Investiment Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Impjieg u l-Inklużjoni Soċjali' li jkun tal-inqas ta' 1 % tal-GDP tal-UE, u li għandu jkun komplementat minn programmi simili ta' investiment pubbliku mill-Istati Membri sabiex tkun stabilizzata l-ekonomija, tkun miġġielda l-bidla fil-klima u tkun promossa s-sitwazzjoni ta' xogħol għal kulħadd b'impjiegi ta' kwalità għolja u bi drittijiet soċjali;
18.
Jinnota li l-EIB u l-EBRD jridu jiġu provduti bir-riżorsi neċessarji biex iżidu b'mod drastiku il-linji ta' kreditu tagħhom b'rati ta' interessi baxxi ħafna għall-SMEs, il-produzzjoni u s-servizzi ekoloġiċi, is-servizzi soċjali u tas-saħħa eċċ. bil-kundizzjoni li dawn joħolqu impjieg ta' kwalità għolja bi drittijiet soċjali, kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti u paga diċenti;
19.
Jisħaq li issa l-Ewropa għandha bżonn żvilupp reali tal-pagi li jikkumpensa għal żidiet fil-produttività u l-inflazzjoni u li tfittex li tagħmel distribuzzjoni mill-ġdid bil-għan li jiżdied is-sehem tal-pagi fid-Dħul Gross Nazzjonali; ifakkar lill-ECB, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li d-Dipressjoni l-Kbira tat-tletinijiet verament bdiet taħkem meta dawk li jħaddmu bdew jaqtgħu l-pagi u l-kriżi qabżet mis-suq finanzjarju għal dak tal-prodotti u tas-servizzi;
20.
Jipproponi li l-Istati Membri jintroduċu wkoll miżuri biex jistabilizzaw u jtejbu s-setgħa tal-akkwist, speċjalment ta' nies bi dħul baxx (prezzijiet ogħla tal-ikel, l-enerġija u t-trasport), pereżempju billi jintroduċu tariffi soċjali fissi għall-gass, l-elettriku, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport pubbliku eċċ.;
21.
Jilqa' l-aħħar tnaqqis fir-rata ta' interessi mill-ECB u jitlob lill-ECB biex tiftaħ b'mod ulterjuri l-politika monetarja tagħha sabiex tpatti għat-tnaqqis fl-attività ekonomika li ġejja; jikkritika l-fatt li t-tnaqqis fir-rata ta' interessi sar tard wisq biex dan ikollu effetti pożittivi ikbar; jisħaq li t-theddida tal-inflazzjoni diġà qed tonqos fil-pajjiżi industrijalizzati b'mod simultanju u li l-pressjonijiet deflazzjonarji jridu jiġu evitati;
22.
Jenfasizza li jidher li qed jintlaħaq kunsens li l-Patt tal-Istabbilità u t-Tkabbir Ekonomiku m'għandux jiġi applikat għal sitwazzjoni ta' kriżi finanzjarja, li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba; madankollu jqis li hemm bżonn li l-Patt tal-Istabbilità u t-Tkabbir Ekonomiku jiġi rrevokat; jikkritika l-fatt li l-Kunsill qed jinjora s-sitwazzjoni l-ġdida billi jitlob li l-politiki tal-baġit ikomplu jkunu konformi mal-Patt tal-Istabbilità u t-Tkabbir Ekonomiku rivedut;
23.
Jenfasizza l-fatt li l-Istrateġija ta' Liżbona tal-Unjoni Ewropea attwali se tilħaq l-għan tagħha fl-2010 u Strateġija tal-UE futura trid titfassal daqt; jenfasizza li l-enfasi attwali dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq u 'l-kompetittività' trid tkun abbandunata u sostitwita minn strateġija Ewropea ġdida għas-Solidarjetà u l-Iżvilupp Sostenibbli li tkun ibbażata fuq erba' pilastri ta' importanza indaqs (l-ekonomija, l-ambjent, l-impjiegi u l-ħarsien u l-inklużjoni soċjali);
Trattat ta’ Liżbona
24.
Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kunsill reġa' rrifjuta li jirrispetta l-vot demokratiku tal-poplu tal-Irlanda u insista li jkompli r-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona; jitlob lill-Kunsill biex jitgħallem mill-lezzjonijiet tar-riżultat tar-referenda dwar it-Trattat Kostituzzjonali fi Franza u fl-Olanda u tar-rifjut tat-Trattat ta' Liżbona fl-Irlanda, li jirriflettu b'mod ċar l-oppożizzjoni għall-politika neoliberali u l-militarizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea; iqis li n-nuqqas min-naħa tal-Istituzzjonijiet Ewropej milli jissodisfaw l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej se jwassal biex il-kriżi tal-leġittimità tal-UE tiggrava b'mod drammatiku; jinsisti li l-Kunsill iwaqqaf il-proċess ta' ratifika u jibda reviżjoni profonda tat-Trattati sabiex jiftaħ it-triq lejn Ewropa demokratika, soċjali u paċifika;
L-Enerġija u l-Bidla fil-Klima
25.
Jisħaq li l-kriżi finanzjarja m'għandhiex tintuża bħala skuża biex wieħed imur lura mill-impenji tal-bidla fil-klima u jenfasizza li huwa kruċjali li jinżamm il-livell ta' ambizzjoni tal-pakkett enerġija-klima; jerġa' jisħaq fuq l-impenji tiegħu li tintlaħaq ftehima dwar il-pakkett enerġija-klima sa l-aħħar ta' din is-sena u jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jaħdmu mill-qrib mal-PE f'dan ir-rigward;
26.
Jerġa' jisħaq fuq l-importanza li tintlaħaq ftehima internazzjonali komprensiva ġdida dwar il-bidla fil-klima bħala parti mill-Qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima sa mhux aktar tard minn Diċembru 2009 f'Kopenħagen u jqis li l-ilħuq ta' ftehima b'miri ambizzjużi dwar il-pakkett enerġija-klima jippermetti wkoll lill-UE biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha bħala l-mexxejja fin-negozjati globali dwar il-bidla fil-klima; għalhekk jiddispjaċih li ċertu Stati Membri qed jinsistu biex il-pakkett tal-UE dwar il-bidla fil-klima jiġi emendat b'tali mod li dan ifixkel il-kapaċità tal-UE li tilħaq il-miri tagħha stess kif ġie miftiehem f'Marzu 2007;
27.
Jilqa' l-erba' proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li jifformaw il-pakkett tal-klima u tal-enerġija, li fih ir-reviżjoni tal-iskema għall-iskambju tal-permessi għall-emissjonijiet tikkostitwixxi aspett ewlieni biex tintlaħaq il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-gass b'effett serra; jitlob lill-Kunsill u l-Istati Membri biex jiggarantixxu l-integrità ambjentali tal-iskema billi ma tiġix permessa kwalunkwe żieda fil-krediti taħt il-mekkaniżmi ta' żvilupp tagħha stess u ta' implimentazzjoni konġunta, biex jirrispettaw il-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas' billi ma tingħata l-ebda allokazzjoni b'xejn lis-settur tal-enerġija u biex jiġu allokati d-dħul bl-irkant għall-mitigazzjoni tal-klima u l-miżuri ta' addattament;
28.
Jinnota li l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġiji rinovabbli huma l-aħjar bażi għal strateġija Ewropea dwar is-sigurtà tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex ikunu ċerti li l-objettiv tal-UE li sal-2020 jitnaqqas l-iskart tal-enerġija b'20% jsir mandatorju, b'hekk ikun hemm iffrankar tal-ispejjeż u benefiċċji ambjentali u ekonomiċi fl-Ewropa kollha;
29.
Huwa tal-opinjoni li l-Iżolament u l-Ħażna tal-Karbonju huwa biss wieħed mill-miżuri li qed jiġu żviluppati għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, bl-oħrajn li huma l-użu ta' enerġiji rinovabbli u ż-żieda fl-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija; Għalhekk l-Istati Membri m'għandhomx jittraskuraw il-mekkaniżmi tal-iffinanzjar għall-appoġġ ta' teknoloġiji tal-enerġija rinovabbli; huwa tal-opinjoni, f'dan il-kuntest, li l-iżvilupp tas-CCS m'għandu taħt l-ebda ċirkustanza jwassal għal tnaqqis f'dawn l-isforzi la f'termini ta' riċerka u lanqas finanzjarji;
Politiki dwar l-Enerġija
30.
Jinnota li l-għodda ewlenija għall-ħelsien u l-armonizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija hija l-iffissar tal-prezz tal-elettriku u l-gass bl-ingrossa; jinnota li l-postijiet ewlenin tal-kummerċ fis-swieq tal-elettriku se jkunu l-iskambji tal-enerġija u li fi skambji bħal dawn il-prezz tal-elettriku huwa indipendenti mill-ispejjeż ġenerali jew medji tal-produzzjoni u dipendenti fuq il-provvista u d-domanda, b'ħafna elementi spekulattivi; jitlob lill-Kummissjoni biex tibda regoli ġodda dwar l-abbuż tas-suq;
31.
Jinnota li l-għan tal-armonizzazzjoni huwa li l-elettriku u l-gass jingħataw prezz b'mod simili fil-pajjiżi kollha tal-UE; jinnota li ma twassalx għal prezzijiet iktar baxxi fl-Istati Membri kollha, imma għal żieda fil-prezz f'dawk il-pajjiżi fejn l-enerġija hija attwalment irħas mill-medja tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri li jirranġaw dan it-tip ta' riżultat tal-armonizzazzjoni;
32.
Jinnota li din is-sistema fl-iffissar tal-prezz, li hija l-element ewlieni fis-suq armonizzat tal-elettriku, tiffavorixxi bla bżonn l-impjanti tal-idroenerġija u tal-enerġija nukleari, bl-ispejjeż varjabbli baxxi tagħhom, għax dawn jirċievu l-istess prezz għall-elettriku tagħhom bħal dawk li jiġġeneraw l-elettriku b'żejt u faħam ogħla; jitlob li dawn il-profitti mhux mistennija jiġu taxxati fl-Istati Membri;
33.
Jisħaq li l-proċess li għaddej attwalment biex jiġu liberalizzati s-swieq u privatizzati l-utilitajiet pubbliċi bħal ma huwa s-settur tal-enerġija għadu ma ġabx kisbiet viżibbli f'termini ta' prezzijiet, kwalità ta' servizz jew tnaqqis fl-infiq pubbliku; jinnota li, bil-kontra, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u tal-utenti ta' servizzi pubbliċi rrapurtaw żidiet fil-prezzijiet, tnaqqis fil-livell tal-kwalità tas-servizzi u żidiet fil-prezzijiet ta' forniment; jinnota, barra minn hekk, li l-liberalizzazzjoni kkontribwiet għall-qerda ta' xogħlijiet u l-ħolqien ta' monopolji privati li qiegħdu fir-riskju d-drittijiet tal-ħaddiema, tal-utenti ta' servizzi pubbliċi u tal-konsumaturi; jitlob li dawn l-effetti jitqiesu fl-aspetti kollha tal-pakketti tal-enerġija;
34.
Jisħaq li hemm bżonn li l-politika li jiġi liberalizzat is-settur tal-enerġija jiġi rrifjutat, u jenfasizza fuq l-importanza tas-servizzi pubbliċi għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE; jenfasizza li s-setturi strutturali pubbliċi, bħal ma hija l-enerġija, m'għandhomx ikunu miftuħa għall-kompetizzjoni imma għandhom pjuttost ikunu propjetà tal-awtoritajiet pubbliċi u mmanġġjati minnhom bħala l-uniku mod biex jiġi żgurat li s-servizz provdut ikun ta' kwalità, disponibbli u għall-but ta' kulħadd u biex b'hekk jiġu garantiti d-drittijiet tal-utenti;
Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil
35.
Iqis li l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil adottat mill-Kunsill Ewropew ma jintroduċix elementi ġodda fir-rigward tal-ftuħ ta' kanali għall-immigrazzjoni legali, u jħalli biss il-possibilità ta' 'immigrazzjoni selettiva', li twassal għal telf tal-aħjar imħuħ u tħeġġeġ approċċ ripressiv u kriminalizzazzjoni tal-migranti;
36.
Jikkundanna l-approċċ ipokritu mniżżel fil-Patt fejn, fuq naħa jafferma li 'immigrazzjoni zero' tkun ta' ħsara għall-ekonomiji u s-sistemi soċjali tagħna filwaqt li fuq in-naħa l-oħra isir minn kollox biex il-migranti ma jitħallewx jidħlu b'mezzi legali, u li għalhekk titħeġġeġ l-illegalità;
37.
Jisħaq li l-waqfien ta' regolarizzazzjoni tal-ħaddiema f'sitwazzjoni irregolari, li impenjaw ruħhom għaliha l-firmatarji tal-patt, jista' biss iżid il-klandestinità li għaliha huma kkundannati l-migranti, filwaqt li r-regolarizzazzjoni tista' għall-inqas tirrappreżenta strument temporanju li jippermetti li jsir xogħol illegali u li jitnaqqas l-abbandun soċjali;
38.
Jikkundanna l-pjanijiet biex isir tisħiħ tal-aġenzija Frontex, iżjed u iżjed qabel reviżjoni tal-mandat tagħha biex jiġi inkluż is-salvataġġ fil-baħar;
Segwitu għall-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Settembru 2008
39.
Jinnota b'sodisfazzjoni li, wara l-organizzazzjoni mill-UE ta' missjoni ta' osservazzjoni taċ-ċivili fil-Ġeorġja, it-truppi Russi irtiraw miż-żoni maġenb l-Ossetja t'Isfel u l-Abkażja; jilqa' l-bidu tan-negozjati f'Ġinevra li l-ewwelnett huma ffukati fuq kwistjonijiet umanitarji; jesprimi t-tama li d-diskussjonijiet dwar l-arranġamenti tas-sigurtà u l-istabbilità fl-Abkażja u fl-Ossetja t'Isfel ma jdumux ma jibdew; hu tal-fehma li l-OSCE u n-NU, li tagħhom ir-Russja u l-Ġeorġja huma membri, għandhom jieħdu rwol ta' tmexxija fil-proċess politiku; jenfasizza li soluzzjoni stabbli tista' tinstab biss jekk jipparteċipaw il-partijiet kollha kkonċernati;
40.
Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jneħħi ftit mis-sanzjonijiet kontra l-Belarus u li jieħu l-ewwel passi lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet; itenni li hu tal-opinjoni li d-djalogu u l-kooperazzjoni huma l-aħjar mod biex jiġu żviluppati relazzjonijet tajba mal-ġirien u l-komprensjoni reċiproka, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem u dawk demokratiċi;
41.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.