Proċedura : 2009/2504(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0056/2009

Testi mressqa :

B6-0056/2009

Dibattiti :

PV 14/01/2009 - 8
CRE 14/01/2009 - 8

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2009 - 6.3
CRE 15/01/2009 - 6.3

Testi adottati :

P6_TA(2009)0025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 101kDOC 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0051/2009
12 ta' Jannar 2009
PE416.181
 
B6‑0056/2009
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Joseph Daul, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Jana Hybášková, Ioannis Kasoulides u Gunnar Hökmark
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar il-qagħda fil-Lvant Nofsani/il-Medda ta' Gaża

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda fil-Lvant Nofsani/il-Medda ta' Gaża 
B6‑0059/2009

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani u b'mod partikulari dawk rigward il-qagħda umanitarja fil-Medda ta' Gaza,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242 (1967), 338 (1973) u 1860 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li għamel il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-21 ta’ Settembru 2007 dwar il-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bħala riżultat taż-żieda fil-vjolenza fir-reġjun, żdiedu b'mod drammatiku wkoll il-biża' u t-tbatija fost il-popolazzjoni ċivili f'Gaża u f'Iżrael,

B.  billi l-qagħda umanitarja diġà fraġli fil-Medda ta' Gaża marret lura b'mod drammatiku minn meta Iżrael beda l-offensiva militari tiegħu,

C.  billi l-Ħamas irrifjutaw li jġeddu l-ftehima ta' waqfien mill-ġlied u komplew jisparaw rokits lejn il-bliet tan-nofsinhar ta' Iżrael,

D.  billi l-Ħamas qerdu b'mod illegali u brutali l-Awtorità Palestinjana f'Gaża,

E.  billi l-progress potenzjali fil-kunflitt tal-Lvant Nofsani u l-waqfien mill-użu ta' kull mezz ta' vjolenza jagħtu kontribut sostanzjali għall-paċi dinjija,

F.  billi t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Palestinjani li joqogħdu fil-Medda ta’ Gaża u fix-Xatt tal-Punent, flimkien mal-qawmien mill-ġdid tal-proċess tal-paċi u mat-twaqqif ta’ istituzzjonijiet Palestinjani li jiffunzjonaw f'Gaża, huma aspetti ewlenin fl-isforzi biex tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani,

1.  Jitlob li jkun hemm waqfien mill-ġlied immedjat u permanenti li għandu jinkludi l-waqfien tal-attakki bir-rokits mill-Ħamas fuq Iżrael u t-tmiem tal-azzjoni militari attwali ta' Iżrael f'Gaża;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kriżi umanitarja fil-Medda ta’ Gaża u l-konsegwenzi gravi possibbli tagħha; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fiż-żona;

3.  Jistieden lill-Ħamas biex tassew jieqfu mill-isparar tar-rokits kontra Iżrael darba għal dejjem u jitlob biex jiddaħħlu miżuri ta' sigurtà xierqa f'Gaża;

4.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva għall-paċi min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha, li jridu jikkoperaw mill-qrib mal-Presidenza Ċeka tal-Kunsill u mal-Kummissjoni, kif ukoll il-koperazzjoni tat-Trojka ta' tliet Presidenzi tal-UE mmexxija mir-Repubblika Ċeka;

5.  Jitlob għal azzjoni rapida konġunta u ta' livell għoli min-naħa tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani (l-UE, l-Istati Uniti, in-NU u r-Russja) li għandu jikkopera mill-qrib mal-istati Għarab sabiex jieqaf il-kunflitt attwali u jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ewlenin u l-garanziji għal soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt tal-Lvant Nofsani fuq il-bażi li l-Istat ta' Iżrael jgħix fil-paċi u s-sigurtà maġenb Stat Palestinjan li jkun vijabbli;

6.  Jilqa' l-inizjattiva ġdida bejn l-UE u l-Eġittu bħala sinjal pożittiv ħafna ta' azzjoni u responsabilità min-naħa tal-Eġittu;

7.   Jistieden lill-Eġittu biex jaqbel li jiggarantixxi l-waqfien tal-kuntrabandu ta' rokits, armi tan-nar u munizzjon u l-bini ta' mini fuq il-fruntiera bejn Gaża u l-Eġittu u li l-ibħra ta' mal-kosta ta' Gaża u l-Eġittu jiġu kkontrollati, u lill-komunità internazzjonali, ikkoordinata mill-Kwartett flimkien mal-istati Għarab, biex tipprovdi assistenza internazzjonali, kemm f'nies kif ukoll f'tagħmir, b'mandat b'saħħtu u ċar, sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sigurtà u biex jiġi osservat il-waqfien mill-ġlied għall-popli ta' Iżrael u Gaża;

8.  Jinsisti li għandha tiġi evitata katastrofi umanitarja, li l-provvisti għall-popolazzjoni ċivili jiġu ggarantiti u li jitwaqqaf netwerk xieraq ta' distribuzzjoni; jilqa', bil-għan li jintlaħaq waqfien mill-ġlied permanenti, l-adozzjoni tas-sospensjoni mill-ġlied ippjanata għal tliet sigħat kuljum u l-ftuħ tal-kuritur umanitarju għal Gaża, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba;

9.  Iqis li jeħtieġ li Iżrael, l-Eġittu u l-komunità internazzjonali jikkoperaw aktar mill-qrib għal dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll tal-postijiet għall-qsim tal-fruntieri, sabiex jiġu ggarantiti l-provvisti u l-libertà tal-moviment u fl-istess waqt jieqaf il-kuntrabandu tal-armi u l-munizzjon f'Gaża;

10.  Iqis li f'dan il-kuntest li l-UE għandha tkompli bil-missjoni tagħha fuq il-fruntiera ta' Rafah u ssaħħaħha, u għandha tiggarantixxi li l-BAM Rafah tal-UE tkun effikaċi;

11.  Jittama li l-President il-ġdid tal-Istati Uniti Obama jittratta minnufih dan is-suġġett bħala prijorità sa mill-bidu tal-presidenza tiegħu, sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità immedjata ta' pajjiżu li jieħu azzjoni fil-kwistjoni tal-Lvant Nofsani b'koperazzjoni mal-amministrazzjoni li se tispiċċa u b'koordinazzjoni mal-Kwartett;

12.  Jistieden lis-Sirja u lill-Iran biex iwaqqfu l-provvista tal-armi lill-Ħamas u lill-Ħeżbollah u biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-inizjattivi internazzjonali tal-paċi b'mod attiv u kostruttiv;

13.  Iqis li jeħtieġ li Iżrael, il-Kwartett u l-istati Għarab jikkoperaw mill-qrib mal-President Abbas;

14.  Jirrikonoxxi lill-President Abbas u lill-Awtorità Palestinjana bħala r-rappreżentanti leġittimi tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta' Gaża;

15.  Jistieden lill-Ħamas u lil gruppi militanti Palestinjani oħra biex jirrinunzjaw għall-użu tal-vjolenza u biex jirrikonoxxu d-dritt tal-eżistenza tal-Istat ta' Iżrael, kif ukoll biex jirrispettaw l-awtorità tal-President Abbas fin-negozjati li jagħmel;

16.  Jistieden lil Iżrael biex jiggarantixxi l-fluss tal-għajnuna umanitarja, biex bil-mod il-mod iżarma l-postijiet ta' kontroll fix-Xatt tal-Punent, kif ukoll biex jibdel b'mod drastiku l-politika tiegħu tal-insedjamenti sabiex ikun possibbli li jsir żvilupp ekonomiku, bħala kundizzjoni ewlenija għal Stat Palestinjan li jkun vijabbli;

17.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex, flimkien mal-komunità internazzjonali, ikomplu jiggarantixxu l-għajnuna umanitarja essenzjali għall-popolazzjoni Palestinjana, l-aktar rigward il-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi li huma vulnerabbli b'mod partikulari; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isaħħu b'koordinazzjoni mill-qrib l-influwenza diretta tal-UE f'Gaża u fil-Lvant Nofsani u biex joħolqu l-kundizzjonijiet biex jinstab tarf tal-qagħda kritika, u jwaqqfu t-terroriżmu, l-estremiżmu, il-qgħad u l-faqar; iqis li l-għajnuna finanzjarja tal-UE għandha tintuża bħala għodda reali kemm biex jissaħħaħ l-irwol tagħha fir-reġjun kif ukoll biex il-popolazzjoni ċivili ta' Gaża tassew ikollha rajha f'idejha;

18.  Jenfasizza li l-qagħda attwali mill-ġdid turi l-importanza ta' rappreżentanza barranija kontinwa tal-UE, kif previst fit-Trattat ta' Liżbona;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din r-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u s-Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-President tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern ta’ Iżrael u lill-Knesset, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Eġittu.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Jannar 2009Avviż legali