Proċedura : 2009/2550(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0137/2009

Testi mressqa :

B6-0137/2009

Dibattiti :

PV 12/03/2009 - 6
CRE 12/03/2009 - 6

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2009 - 7.18
CRE 12/03/2009 - 7.18

Testi adottati :

P6_TA(2009)0142

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 102kDOC 49k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0135/2009
10 ta' Marzu 2009
PE420.398
 
B6‑0137/2009
imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0012/2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Mieczysław Edmund Janowski u Hanna Foltyn-Kubicka
dwar il-50 anniversarju tar-rewwixta Tibetana u d-djalogu bejn id-Dalai Lama u l-Gvern Ċiniż

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-50 anniversarju tar-rewwixta Tibetana u d-djalogu bejn id-Dalai Lama u l-Gvern Ċiniż 
B6‑0137/2009

Il-Parlament Ewropew,

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet;

– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li saret mid-Dalai Lama lill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Diċembru 2008,

– wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet Finali tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura, ta' Novembru 2008,

– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-10 ta' Marzu 2009 jimmarka l-50 Anniversarju tal-ħarba furzata tad-Dalai Lama mit-Tibet u l-bidu tal-eżilju tiegħu fl-Indja,

B.  billi t-tmien rawnds ta' djalogu bejn ir-rappreżentanti tad-Dalai Lama u dawk tal-Gvern Ċiniż ma wasslu għall-ebda ftehim,

C.  billi l-awtoritajiet Ċiniżi pprojbixxew il-festa annwali ta' talb ta' Monlam Chenmo, li għandha tifsira simbolika kbira għall-patrijiet Tibetani, u billi l-patrijiet Tibetani marru kontra din il-projbizzjoni, billi talbu b'mod paċifiku fit-toroq, iżda ġew imkeċċija mill-pulizija armata mgħammra b'apparat għal kontra l-ġlied;

D.  billi 109 patri tal-Monasteru ta' An Tuo, fil-Provinċja Ċiniża ta' Qinghai, ġew arrestati fil-25 ta' Frar 2009 matul mixja paċifika fl-okkażjoni tas-Sena l-Ġdida Tibetana,

E.  billi dawn iż-żewġ atti ripressivi juru li l-awtoritajiet Ċiniżi, taħt l-iskuża tal-preservazzjoni tal-unità territorjali tal-pajjiż, qed jipprovaw jillimitaw ulterjorment il-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin tal-patrijiet Tibetani,

F.  billi l-Memorandum dwar Awtonomija Ġenwina għall-Poplu tat-Tibet, li sar fuq talba tal-Gvern Ċiniż u li ġie ppreżentat minn rappreżentanti tad-Dalai Lama waqt it-tmien rawnd ta' taħdidiet f'Novembru 2008 f'Beijing, jirrispetta l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Kostituzzjoni Ċiniża u l-integrità territorjali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iżda ġie miċħud mill-Gvern Ċiniż bħala tentattiv ta' 'semi-indipendenza' u 'indipendenza moħbija';

1.  Itenni s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu lejn il-poplu tat-Tibet; jirrikonoxxi l-awtorità morali u politika tad-Dalai Lama u jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet leġittimi tal-poplu tat-Tibet li jorganizza l-attivitajiet u ċ-ċerimonji kulturali u reliġjużi tiegħu;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jikkunsidra l-Memorandum għal Awtonomija Ġenwina għall-Poplu tat-Tibet ta' Novembru 2008 bħala bażi għal diskussjoni sostantiva li għandha twassal għal bidla pożittiva u sinifikanti fit-Tibet, waqt li tikkonforma mal-prinċipji stipulati fil-kostituzzjoni u fil-liġijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

3.  Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill biex tadotta Dikjarazzjoni fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju tal-eżilju tad-Dalai Lama lejn l-Indja, fejn jitlob lill-Gvern Ċiniż sabiex jirrispetta bis-sħiħ il-libertà reliġjuża u l-identità kulturali tal-poplu tat-Tibet, u sabiex jerġa' jibda negozjati sinifikanti mingħajr prekondizzjonijiet mad-Dalai Lama u mar-rappreżentanti tiegħu u biex jinkludi referenza għall-Memorandum għal Awtonomija Ġenwina għall-Poplu tat-Tibet;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jipprovdu aċċess mingħajr xkiel għat-Tibet għall-esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, u għal osservaturi indipendenti oħra biex jinvestigaw is-sitwazzjoni fit-Tibet;

5.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jeħles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma unikament talli pparteċipaw fi protesta paċifika u biex jagħti rendikont ta' dawk kollha li nqatlu jew li għebu u dawk kollha miżmuma, inklużi l-ismijiet, il-post fejn jinsabu u l-akkużi miġjuba kontrihom; jitlob b'mod partikolari li jinħeles il-11-il Panchen Lama, Gendhun Choecky Nyima, li huwa l-iktar priġunier politiku żgħażugħ fid-dinja, peress li se jagħlaq 20 sena fil-25 ta' April;

6.  Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Ċiniż biex dan jiggarantixxi kura medika adegwata għat-Tibetani midruba kif ukoll assistenza legali għat-Tibetani arrestati, biex jittrattawhom skont il-liġi internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u biex ma jwettqux torturi;

7.  Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu aċċess mingħajr restrizzjonijiet għat-Tibet lill-midja barranija, inkluż għaz-zoni tat-Tibet barra r-Reġjun Awtonomu tat-Tibet, u li jieqfu jirrikjedu l-permessi speċjali meħtieġa għal aċċes għar-Reġjun Awtonomu tat-Tibet;

8.  Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iqisu r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura ta' Novembru 2008 fir-rigward tal-użu eċċessiv mifrux tal-forza u abbużi oħra fir-Reġjun Awtonomu tat-Tibet;

9.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex iqisu l-possibilità ta' rikonoxximent tal-Gvern Tibetan eżiljat bħala r-rappreżentant leġittimu tal-poplu tat-Tibet, jekk l-awtoritajiet Ċiniżi jipprojbixxu l-issoktar mill-ġdid jew jipprekludu kwalunkwe progress fin-negozjati għal awtonomija ġenwina tal-Poplu tat-Tibet;

10.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex jaħtar Rappreżentant Speċjali għall-kwistjonijiet tat-Tibet sabiex jiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet u jsegwi mill-qrib in-negozjati, ladarba jergħu jinbdew;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Marzu 2009Avviż legali