Proċedura : 2009/2550(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0138/2009

Testi mressqa :

B6-0138/2009

Dibattiti :

PV 12/03/2009 - 6
CRE 12/03/2009 - 6

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2009 - 7.18
CRE 12/03/2009 - 7.18

Testi adottati :

P6_TA(2009)0142

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 96kDOC 44k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0135/2009
10 ta' Marzu 2009
PE420.399
 
B6‑0138/2009
imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0012/2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Marco Cappato, Marco Pannella, Janusz Onyszkiewicz, Jules Maaten, Marios Matsakis u Olle Schmidt
f isem il-Grupp ALDE
dwar ir-rewwixta Tibetana u n-negozjati bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Mibgħuta tal-Qdusija Tiegħu, id-Dalai Lama

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rewwixta Tibetana u n-negozjati bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Mibgħuta tal-Qdusija Tiegħu, id-Dalai Lama 
B6‑0138/2009

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b'mod partikolari dawk tat-10 ta' April u tal-10 ta' Lulju 2009,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret mid-Dalai Lama lill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Marzu 2009 jimmarka l-50 Anniversarju tal-ħarba tad-Dalai Lama mit-Tibet u l-bidu tal-eżilju tiegħu fl-Indja,

B.  billi tmien rawnds ta' djalogu bejn il-mibgħuta tad-Dalai Lama u r-rappreżentanti tal-Gvern Ċiniż ma pproduċew l-ebda riżultat, u mhuma previsti l-ebda taħdidiet oħra;

C.  billi l-Memorandum dwar Awtonomija Ġenwina għall-Poplu Tibetan, li sar fuq talba tal-Gvern Ċiniż u ġie ppreżentat minn mibgħuta tad-Dalai Lama waqt it-tmien rawnd ta' taħdidiet f'Novembru 2008 f'Beijing, jirrispetta l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Kostituzzjoni Ċiniża u l-integrità territorjali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iżda ġie miċħud mill-Gvern Ċiniż bħala tentattiv ta' 'semi-indipendenza' u 'indipendenza moħbija';

D.  billi s-sitwazzjoni fit-Tibet hi 'l bogħod min-normal u l-midja internazzjonali u l-aġenziji internazzjonali ta' monitoraġġ għadhom qed jiġu miċħuda l-aċċess għar-reġjun, u hemm ukoll restrizzjonijiet stretti fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni,

1.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jipprovdu aċċess mingħajr xkiel għat-Tibet lill-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u osservaturi indipendenti oħra biex ikunu jistgħu jinvestigaw is-sitwazzjoni hemmhekk;

2.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jeħles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma unikament talli pparteċipaw fi protesta paċifika u biex jagħti rendikont ta' dawk kollha li nqatlu jew li għebu u dawk kollha miżmuma, inklużi ismijiethom, il-post fejn jinsabu u l-akkużi miġjuba kontrihom;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jipprovdu aċċess mingħajr restrizzjonijiet għat-Tibet lill-midja barranija, inklużi għaz-zoni tat-Tibet barra r-Reġjun Awtonomu tat-Tibet, u li jabolixxu l-permessi speċjali meħtieġa għal aċċes għar-Reġjun Awtonomu tat-Tibet;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex iwaqqaf 'Kumitat tal-Verità' biex jaċċerta x'ġara eżatt matul in-negozjati bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-mibgħuta tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jikkunsidra l-Memorandum għal Awtonomija Ġenwina għall-Poplu Tibetan ta' Novembru 2008 bħala bażi għal diskussjoni sostantiva li għandha twassal għal bidla pożittiva u sinifikanti fit-Tibet, li tkun tikkonforma mal-prinċipji stipulati fil-Kostituzzjoni u fil-liġijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

6.  Jikkundanna b'qawwa r-ripressjoni riċenti tad-dimostranti Tibetani mill-forzi tas-sigurtà Ċiniżi;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta’ vjolenza li seħħew fit-toroq ta' Lhasa u fit-Tibet u jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi;

8.  Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-eżilju tad-Dalai Lama fl-Indja, biex tadotta Dikjarazzjoni li tħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jibda negozjati sinifikanti u orjentati lejn ir-riżultati, mingħajr prekundizzjonijiet, mad-Dalai Lama u mal-mibgħuta tiegħu u biex jinkludi referenza għall-Memorandum għal Awtonomija Ġenwina għall-Poplu Tibetan;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Marzu 2009Avviż legali