imressqa wara l-mistoqsija li tirrikjedi tweġiba orali B6‑0000/0000
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Pasqualina Napoletano
f'isem il-Grupp PSE
dwar is-Sitwazzjoni fit-Tibet
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sitwazzjoni fit-Tibet
B6‑0139/2009
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u dwar it-Tibet,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi peress li għadhom ma bdewx jinstabu soluzzjonijiet komuni, jista' jkun hemm xi ġlied fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju tar-rewwixta Tibetana tal-1959, li kienet wasslet għall-eżilju tad-Dalai Lama,
B.
billi jitqies il-falliment tan-negozjati bejn l-awtoritajiet Ċiniżi u dawk Tibetani,
C.
billi titqies ir-ripressjoni, kultant permezz tal-vjolenza, fir-rigward tal-poplu tat-Tibet, li jirrifjuta l-okkupazzjoni Ċiniża;
D.
billi d-Dalai Lama jagħmel appell sabiex ma tintużax il-vjolenza u mhuwiex qed jitlob l-indipendenza tat-Tibet, iżda qed jitlob li jerġgħu jinbdew in-negozjati mal-awtoritajiet Ċiniżi, sabiex tintlaħaq ftehima politika globali dwar awtonomija ikbar, fil-kuntest tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;
E.
billi huma l-mezzi paċifiċi u djalogu sinċier biss li jistgħu jwasslu għal ftehim dejjiem,
F.
billi ċerti elementi attivi taż-żogħżija Tibetana ma jagħtux prova tal-istess moderazzjoni, u li għalhekk għandha tissaħħaħ il-kredibilità tal-awtoritajiet morali moderati li jiċħdu l-użu tal-vjolenza;
G.
billi titqies ir-rikkezza minerali u idrawlika tat-Tibet u l-importanza tal-investimenti pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet Ċiniżi, partikolarment favur il-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi;
H.
billi, fil-kuntest tal-politika tas-sedentarizzazzjoni, eluf ta' nomadi Tibetani ġew imkeċċija mill-artijiet ta' missirijiethom, u jgħixu f'faqar endemiku,
J.
billi titqies in-natura multietnika tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina,
K.
billi jitqies id-djalogu stabbilit fl-2000 bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
L.
billi l-Unjoni Ewropea m'għandha l-ebda interess li tipprova timmarġinalizza liċ-Ċina,
1.
Jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza, kemm jekk ikunu ġejjin min-naħa tal-protestanti kif ukoll minn ripressjoni sproporzjonata min-naħa tal-forzi tal-ordni;
2.
Jitlob il-ħelsien tal-priġunieri politiċi li ma jkunu wettqu l-ebda att ta' vjolenza;
3.
Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu lill-midja barranija u lid-diplomatiċi, b'mod partikolari lir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, biex jidħlu fit-Tibet;
4.
Jitlob li jkun hemm djalogu u li tinstab soluzzjoni paċifika fir-rispett tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għall-komponenti kollha etniċi u reliġjużi;
5.
Jiddispjċih li t-taħditiet bejn l-awtoritajiet Ċiniżi u d-Dalai Lama ma wasslu għal xejn, u jitlob li jinfetah djalogu kostruttiv bil-għan li tintlaħaq ftehima politika globali;
6.
Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jippermettu lill-minoranzi kollha li jgħixu bis-sħiħ u mingħajr diskriminazzjoni t-tradizzjonijiet kulturali, spiritwali, reliġjużi u lingwistiċi tagħhom, fil-kuntest tar-rispett tad-Drittijiet tal-Bniedem;
7.
Jinsisti biex tiġi rispettata l-libertà ta' kull persuna fir-rigward tar-reliġjon;
8.
Jixtieq li kull komponent tal-popolazzjoni Tibetana tkun tista' tibbenefika mill-iżvilupp ekonomiku;
9.
Jitlob li l-kwistjoni tat-Tibet titqajjem fil-kuntest tad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem;
10.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President u lill-Prim Ministru tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-awtoritajiet Tibetani f'eżilju.