Proċedura : 2009/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0165/2009

Testi mressqa :

B6-0165/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 02/04/2009 - 9.20
CRE 02/04/2009 - 9.20

Testi adottati :

P6_TA(2009)0213

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 109kDOC 58k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0165/2009
25 ta' Marzu 2009
PE423.032
 
B6‑0165/2009
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Tunne Kelam, Gunnar Hökmark, Jana Hybášková, Bernd Posselt, Charles Tannock, Alejo Vidal-Quadras, Mario Mauro, Struan Stevenson, Bogusław Sonik u József Szájer
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu 
B6‑0165/2009

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala komunità bbażata fuq valuri komuni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti li ġiet adottata fl-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali li ġiet adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis-26 ta' Frar 2008,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2005, dwar is-sittin anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Jannar 2006 dwar il-ħtieġa ta' kundanna internazzjonali tar-reati tar-reġimi Komunisti totalitarji,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ tat-8 ta' April 2008 fi brussell, organizzata mill-Kummissjoni dwar reati li twettqu minn reġimi totalitarji,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet dwar ir-reati ta' reġimi Komunisti totalitarji, adottati minn għadd ta' parlamenti nazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Praga li ġiet adottata fit-3 ta' Ġunju 2008 dwar Il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet adottata fit-23 ta' Settembru 2008 dwar il-fatt li t-23 ta' Awwissu jiġi pproklamat bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Nażiżmu,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Praga li jmiss dwar l-Assi fl-Era tal-Olokawst u l-inizjattivi li ħa l-Kungress tal-Istati Uniti f'dan il-qasam,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-istorja tal-Ewopa fis-seklu 20 hi mimlija massakri ta' nies minn nies oħra fuq skala kbira li saru possibbli primarjament minħabba l-użurpazzjoni ta' poter assolut mir-reġimi totalitarji Komunisti u Nażisti,

B.  billi l-forom estremi ta' ħakma totalitarja, ipprattikati mid-dittatorjati Nażisti, Faxxisti u Komunisti Sovjetiċi wasslu għal reati premeditati u enormi fuq skala li qatt ma kien hemm bħalha fl-istorja kontra miljuni ta' bnedmin u d-drittijiet bażiċi u inaljenabbli tagħhom,

C.  billi l-integrazzjoni Ewropea kienet rispons dirett għall-gwerer u t-terrur ikkawżati mir-reġimi totalitarji tal-kontinent tagħna,

D.  billi l-valutazzjoni internazzjonali morali u politika ta' dawn ir-reati hija asimmetrika, meta wieħed iqis li għad m'hemmx valutazzjoni Ewropea tar-reati tal-Komuniżmu totalitarju li hija awtoritattiva u ġeneralment aċċettata,

E.  billi hemm il-ħtieġa evidenti li l-pubbliku jsir jaf u li ssir evalwazzjoni morali tal-prattiki tar-reġimi totalitarji Komunisti, li kienu ħadu l-forma ta' ripressjoni sistematika u bla ħniena militari, ekonomika u politika fuq in-niesx permezz ta' eżekuzzjonijiet arbitrarji, arresti fuq skala kbira, deportazzjonijiet, it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni, tal-proprjetà privata u tas-soċjetà ċivili u l-qerda tal-identità morali u kulturali u li ċaħħdet id-drittijiet bażiċi tal-bniedem u d-dinjità tal-maġġoranza vasta tan-nies tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant,

F.  billi l-evalwazzjoni morali u politika tar-reati totalitarji ma tfixkilx b'xi mod is-supremazija ta' approċċ individwali lejn dawn ir-reati, li jistgħu jiġu ġġudikati biss fuq il-bażi tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, li ma jagħrfux ir-responsabilità kriminali kollettiva,

G.  billi l-Ewropa qatt ma tista' tkun unita jekk ma tgħaqqadx l-istorja tagħha, ma tagħrafx il-Komuniżmu u n-Nażiżmu bħala wirt komuni u jekk ma tmexxix dibattitu onest u fil-fond dwar ir-reati totalitarji kollha tas-seklu li għadda,

H.  billi ħames snin wara t-tkabbir tal-2004, it-tagħrif fost l-Ewropej dwar ir-reġimi totalitarji li tterrorizzaw liċ-ċittadini sħabhom tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għal aktar minn 40 sena, u li sseparawhom mid-demokrazija Ewropea permezz tal-purtiera tal-ħadid u l-ħajt ta' Berlin għadu superfiċjali u inadegwat b'mod allarmanti,

I.  billi din is-sitwazzjoni wasslet ukoll għal inugwaljanza de facto fost il-vittmi tar-reġimi totalitarji differenti, b'miljuni ta' vittmi tat-totalitarjaniżmu Komunista jisfaw miċħuda mill-ġustizzja mill-għarfien internazzjonali tat-tbatija tagħhom u mis-solidarjetà pan-Ewropea,

J.  billi l-ambigwità kontinwa fl-approċċ tagħna lejn ir-reati tar-reġimi Komunisti totalitarji kontra miljuni ta' ċittadini tagħhom uriet li hija ostaklu għat-tisħiħ tas-solidarjetà Ewropea u l-ugwaljanza tagħha u qed tikkontribwixxi għad-diviżjoni mentali tal-UE "tal-Punent" u "tal-Lvant",

K.  billi fl-2009 l-Ewropa magħquda mill-ġdid se tiċċelebra l-20 anniversarju mill-waqgħa tad-dittatorjati Komunisti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u mit-twaqqigħ tal-ħajt ta' Berlin, li għandu jagħti l-opportunità biex itejjeb l-għarfien tal-passat u jirrikonoxxi l-irwol tal-inizjattivi taċ-ċittadini demokratiċi kif ukoll inċentiv biex jissaħħaħ is-sens ta' għaqda u koeżjoni,

L.  billi l-Kummissarju Jacques Barrot, waqt dibattitu fis-seduta plenarja tal-21 ta' April 2008, esprima l-konvinzjoni tiegħu li l-Ewropej kollha flimkien għandhom id-dmir li jistabbilixxu verità komuni, mingħajr ma jħallu barra u jċekknu r-reati perpetrati mir-reġimi totalitarji differenti,

   1.Jikkonkludi li kull vittma ta' kull reġim totalitarju għandha l-istess dinjità umana u jistħoqqilha l-ġustizzja, it-tifkira, ir-rikonoxximent pan-Ewropew u garanzija li l-ġrajjiet li diġà ssemmew ma jerġħux jirrepetu ruħhom;
   2.Jitlob li jkun hemm ftehim pan-Ewropew dwar il-fatt li kemm ir-reġimi totalitarji Nażisti kif ukoll Komunisti tas-seklu 20 għandhom jiġu evalwati u ġġudikati fuq il-meriti terribbli tagħhom;
   3.Jinnota li dawn ir-reġimi kollha qiesu l-vjolenza statali bħala metodu preferut u effikaċi biex jinżamm il-kontroll assolut fuq is-sudditi tagħhom aċċettabbli, u li dawn ir-reġimi sikwit użaw forom estremi ta' terrur, ħanqu kull libertà ċivika u umana, bdew gwerer aggressivi u, bħala parti inseparabbli mill-ideoloġiji tagħhom, qerdu, għaffġu u ġiebu għarkupptejhom nazzjonijiet sħaħ u gruppi etniċi għal raġunijiet razzjali, soċjali u politiċi, u għandhom jitqiesu bħala d-diżastri morali, politiċi u soċjali ewlenin li nawru s-seklu għoxrin;
   4.Jirrikonoxxi t-totalitarjaniżmu Komunista bħala parti integrali u li tkexkex tal-istorja komuni tal-Ewropa u jitlob li r-responsabilità pan-Ewropea tiġi aċċettata għar-reati tagħha;
   5.Huwa tal-fehma li ħafna reati li saru f'isem il-Komuniżmu totalitarju għandhom jiġu evalwati bħala reati kontra l-umanità, bl-istess mod kif ir-reati Nażisti ġew evalwati u mfakkra, u għandhom iservu bħala twissija għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni;
   6.Jikkundanna bil-qawwa u b'mod ċar dawn ir-reati kontra l-umanità u l-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq mir-reġimi totalitarji Komunisti; joffri kondoljanzi, il-komprensjoni u r-rikonoxximent għat-tbatijiet tagħhom lill-vittmi ta' dawn ir-reati u lill-membri tal-familji tagħhom;
   7.Huwa mħasseb li l-waqgħa tar-reġimi totalitarji Komunisti fl-Ewropa ma ġietx segwita fil-każijiet kollha minn investigazzjoni internazzjonali tar-reati li għamlu, u jħeġġeġ lill-istati ta' wara l-Komuniżmu biex jagħmlu evalwazzjoni morali u politika tal-passat reċenti tagħhom u biex jagħtu r-riżorsi meħtieġa biex issir riċerka akkademika u jiġu stabbiliti l-fatti;
   8.Iqis li n-nuqqas ta' evalwazzjoni awtoritattiva morali u politika ta' dawn ir-reati bħala sors potenzjali ta' frustrazzjoni, ta' ċiniżmu u ta' aljenazzjoni soċjali għal miljuni ta' ċittadini, li għandu jitqies bħala ostaklu kbir għall-formazzjoni ta' soċjetajiet ċivili u robusti fil-pajjiżi ta' wara l-Komuniżmu u fattur li jnaqqas il-pass tal-integrazzjoni Ewropea;
   9.Jitlob li jsir dibattitu pubbliku u akkademiku pan-Ewropew dwar in-natura, l-istorja u l-wirt tar-reġimi totalitarji fuq il-bażi ta' qafas legali internazzjonali li jiggarantixxi aċċess bla restrizzjonijiet għall-arkivji kollha u l-fajls li għandhom informazzjoni dwar ir-reati tal-Komuniżmu totalitarju;
   10.Jitlob li tiġi stabbilita Pjattaforma ta' Memorja u Kuxjenza Ewropea li tagħti appoġġ għan-netwerking u l-koperazzjoni fost l-istituti nazzjonali ta' riċerka li jispeċjalizzaw fis-suġġett tal-istorja totalitarja u għat-twaqqif ta' ċentru/memorjal ta' dokumentazzjoni pan-Ewropea għall-vittmi tar-reġimi totalitarji;
   11.Iqis li l-kotba dwar l-istorja Ewropea għandhom jiġu riveduti u aġġornati sabiex it-tfal kollha tal-iskola jitgħallmu dwar il-konsegwenzi diżastrużi ta' dittatorjati totalitarji;
   12.Jitlob li jkun hemm tisħiħ tal-istrumenti relevanti finanzjarji attwali bil-ħsieb li jingħata appoġġ għall-proposti msemmija hawn fuq;
   13.Jistieden lill-gvernijiet kollha tal-UE biex jistabbilixxu t-23 ta' Awwissu, il-jum li fih ġie ffirmat il-Patt Ribbentrop-Molotov fl-1939, bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira għall-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Nażiżmu;
   14.Jinsab konvint li l-għan aħħari mistenni mill-iżvelar u l-evalwazzjoni tar-reati mwettqa mir-reġimi totalitarji Komunisti huwa r-rikonċiljazzjoni, li tista' tintlaħaq bl-ammissjoni tar-responsabilità, b'talba għall-maħfra u bit-trawwim ta' tiġdid morali;
   15.Jixtieq jidħol sieħeb mal-Kunsill u mal-Kummissjoni biex jinstabu modi ta' kif wieħed jasal għal valutazzjoni onesta u miftuħa tal-wirt komuni tagħna tat-totalitarjaniżmu tas-seklu 20 sabiex tkompli tissaħħaħ l-integrazzjoni taċ-ċittadini kollha Ewropej u jiġi evitat li l-orruri tat-totalitarjaniżmu jerġgħu jfeġġ, issa u fil-ġejjieni;
   16.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Marzu 2009Avviż legali