Proċedura : 2009/2558(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0185/2009

Testi mressqa :

B6-0185/2009

Dibattiti :

PV 23/04/2009 - 13
CRE 23/04/2009 - 13

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2009 - 7.22

Testi adottati :

P6_TA(2009)0330

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 109kDOC 60k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0185/2009
16 t'April 2009
PE423.105
 
B6‑0185/2009
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Cristiana Muscardini, Guntars Krasts u Roberta Angelilli
f'isem il-Grupp UEN
dwar is-Samit tal-G20 tat-2 ta' April 2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fis-Samit tal-G20 tat-2 ta' April 2009 
B6‑0185/2009

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' April 2009 tal-Grupp ta' Għoxrin bit-titolu “Il-Pjan Dinji għall-Irkupru u r-Riforma”,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' April 2009 tal-Grupp ta' Għoxrin bit-titolu “Insaħħu s-Sistema Finanzjarja”,

–  wara li kkunsidra l-lista ta' pajjiżi tal-OECD li mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali għall-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa, ippubblikata fit-2 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-Eurogrupp, li saret fit-12 ta’ Ottubru 2008, bil-ħsieb li jkun adottat pjan ta’ salvataġġ koordinat biex tiġi miġġielda l-kriżi ekonomika,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-sorveljanza finanzjarja tal-UE, ippresedut mis-Sur Jacques de Larosière, u r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2009 fil-prospettiva tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta' Marzu 2009 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru tal-Ekonomija(1),

–  wara li kkunsidra r-riżultat tal-laqgħa tar-rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

A.  billi l-prestazzjoni ekonomika dinjija qed tiddeterjora malajr fl-2009, u huwa biss mistenni irkupru bil-mod il-mod fl-2010, fl-iktar proġezzjonijiet ottimisti, u li b'hekk qed nersqu eqreb lejn kriżi soċjali u politika profonda, b'qgħad li qed jiżdied,

B.  billi l-Grupp ta' Għoxrin identifika koordinazzjoni insuffiċjenti u inkonsistenza bejn il-politiki makroekonomiċi bħala fatturi li huma l-bażi tal-kriżi, flimkien ma riformi strutturali inadegwati li kienu insostenibbli f'livell dinji,

C.  billi waħda mill-isfidi prinċipali biex tiġi miġġielda d-deterjorazzjoni tal-ekonomija internazzjonali u Ewropea hija n-nuqqas ta' konfidenza fis-swieq finanzjarji u kapitali, li tirrikjedi riforma sostanzjali tal-qafas regolatjorju u ta' governanza tas-swieq finanzjarji;

D.  billi ntwera li s-sħubija fiz-zona tal-Euro ssaħħaħ l-istabilità ekonomika fl-Istati Membri rilevanti, l-ewwelnett permezz tal-isforzi tagħhom biex jikkonformaw mal-kriterji ta' Maastricht u mal-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir, kif ukoll billi tipproteġi mill-bidliet fil-valur tal-muniti;

E.  billi bosta Stati Membri ffaċċjaw problemi kbar rigward il-bilanċ tal-ħlasijiet, u xi wħud minnhom kellhom iduru lejn l-IMF għall-għajnuna;

F.  billi l-Pjan Dinji għall-Irkupru u r-Riforma jinkludi l-għanijiet li ġejjin: it-tiġdid tal-fiduċja, it-tkabbir u l-impjiegi; it-tiswija tas-sistema finanzjarja biex jerġa' jinbeda s-self; it-tisħiħ tar-regolamenti finanzjarji u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja; l-iffinanzjar u r-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex tingħeleb il-kriżi u jiġu evitati kriżijiet futuri; il-promozzjoni tal-kummerċ u tal-investiment dinji u ċ-ċaħda tal-protezzjoniżmu, biex tissaħħaħ il-prosperità; u l-bini ta' ekonomija inklużiva, favur l-ambjent u sostenibbli;

G.  billi t-tkabbir li għandu jkun sostnut ghandu jkun maqsum fil-biċċa l-kbira tiegħu u għaldaqstant għandu jiffoka fuq il-bżonnijiet u l-impjiegi ta' familji li jaħdmu;

H.  billi minħabba l-interdipendenza reċiproka tal-pajjiżi industrijalizzati, emerġenti u li qed jiżviluppaw hemm bżonn ta' risposta inklużiva, ibbażata fuq konsistenza kbira u kooperazzjoni sistematika bejn pajjiżi u fuq qafas ta' standards għoljin li hemm qbil internazzjonali fuqhom, u billi l-proposti għall-miżuri għandhom iqisu l-konsegwenzi għall-pajjiżi kollha;

I.  billi d-WTO avżat li l-2008 kienet l-ewwel sena fi kwart ta' seklu li rat tnaqqis fil-kummerċ dinji u billi l-ħaġa essenzjali biex noħorġu mill-kriżi hi li jiġi attivat mill-ġdid il-kummerċ dinji;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultat tas-samit tal-Grupp ta' Għoxrin li sar f'Londra, li rriżulta fi Pjan Dinji ta' Rkupru u Riforma bi programm ta' triljun dollaru biex jingħata bidu għas-sistema ta' kreditu, tkabbir u impjiegi u għandu l-għan li joħloq kundizzjonijiet għal ritorn lejn il-kunfidenza, ir-rinforz tar-regolamentazzjoni finanzjarja, ir-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment dinji u l-waqfa tal-protezzjoniżmu;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ komuni għal regolamentazzjoni aħjar fis-settur finanzjarju u titjib fis-superviżjoni finanzjarja; iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha biex jirratifikaw id-deċiżjonijiet ikkonċernati fil-livell tal-organizzazzjonijiet multilaterali varji u biex jaġixxu skont l-impenji li għamlu waqt il-laqgħa tal-G20;

3.  Jistieden il-Bord tal-Istabilità Finanzjarja li għadu kif twaqqaf kif ukoll l-IMF biex jippreżentaw ir-rapport tagħhom dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tas-settur finanzjarju lill-Parlament Ewropew;

4.  Huwa favur l-irduppjar tal-istrument tal-UE li jipprovdi assistenza finanzjarja fuq medda ta' żmien medju għall-bilanċi tal-ħlasijiet minn EUR 25 biljun sa EUR 50 biljun tal-Istati Membri li mhumiex parti miz-zona tal-Euro;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha mingħajr klawżola ta’ opt-out li għadhom barra z-zona tal-Euro sabiex jikkonċentraw fuq il-kisba tal-kriterji ta' Maastricht u biex jippjanaw sabiex l-Euro tiġi adottata mill-aktar fis possibbli biex jiġu mħarsa b'mod aktar effettiv minn kriżijiet possibbli fil-ġejjieni;

6.  Jilqa' t-tnaqqis suċċessiv fir-rati tal-interessi min-naħa tal-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jissaħħaħ it-tkabbir, u l-provvista malajr, min-naħa tiegħu, ta' faċilitajiet finanzjarji fuq medda qasira ta' żmien bil-għan li jerġa' jitqawwa s-self bejn il-banek;

7.  Jappoġġja l-G20 talli fil-biċċa l-kbira għażel soluzzjonijiet ibbażat fuq self u garanziji, li se jieħdu l-effikaċja massima tal-effetti ekonomiċi filwaqt li jgħinu li jitnaqqas l-impatt fuq terminu ta' żmien twil fuq il-fondi tal-gvern tal-programmi ta' iktar minn triljun Dollaru Amerikan;

8.   Jiċħad kull forma ta' protezzjoniżmu kemm fl-ekonomija reali kif ukoll fis-settur finanzjarju bħala reazzjoni għad-deterjorazzjoni ekonomika u l-kummerċ dinji li qed jaqa', u jibqa' impenjat lejn il-ksib ta' konklużjoni ambizzjuża u bilanċjata għar-Rawnd ta' Żvilupp ta' Doha, ibbażat fuq il-progress li diġà sar, li hemm bżonnu urġentament;

9.   Jilqa’ ż-żieda sostanzjali fir-riżorsi tal-IMF, li hija l-fornitur prinċipali ta' assistenza finanzjarja għall-pajjiżi bi problemi tal-bilanċ tal-ħlasijiet, inkluż l-Istati Membri tal-UE, u li taġixxi biex jiġi appoġġjat it-tkabbir fi swieq emerġenti u f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni għal evalwazzjoni tal-ammont addizzjonali tad-Drittijiet ta' Tislit Speċjali ("Special Drawing Rights") tal-IMF li jista' jkun neċessarju, u għal evalwazzjoni mill-BĊE tal-effetti tal-espansjoni fuq l-istabilità fil-prezz madwar id-dinja;

11.  Jipproponi li s-swieq finanzjarji, prodotti u parteċipanti kollha jkunu suġġetti għal regolamentazzjoni u superviżjoni, mingħajr eċċezzjoni u mingħajr referenza għall-pajjiż ta' oriġini, li tirrikjedi l-ħolqien u l-adozzjoni, mill-pajjiżi kollha, ta' lista ta' sanzjonijiet kontra rifuġji fiskali barra l-pajjiż ("offshore") u r-regolamentazzjoni urġenti ta' fondi ta' lqugħ ("hedge funds"), fondi spekolattivi ("speculative funds") u aġenziji ta' klassifikazzjoni ("rating agencies"); jilqa', f'dan ir-rigward, it-tneħħija tal-erba' pajjiżi kollha li baqgħu fuq il-lista negattiva tal-OECD ta' pajjiżi li joffru kenn mit-taxxi, għaliex dawn qablu li jimplimentaw regoli ta' tassazzjoni trasparenti ftit wara s-samit tal-G20;

12.  Jipproponi li l-azzjonijiet kollha li għandhom l-għan li jiġġieldu l-kriżi għandhom jiċċentraw fuq il-ħolqien tal-impjiegi u li għandha tingħata prijorità partikolari lill-proġetti ta' investiment u kooperazzjoni fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni teknoloġika u l-edukazzjoni;

13.   Jitlob lill-Kummissjoni tniedi, fil-kuntest ta' riflessjoni dwar il-futur tal-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli, il-proċessi neċessarji li għandhom l-għan li jitqies b'mod sħiħ il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għall-politiki kollha eżistenti; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-possibilitajiet li jinħoloq suq intern effiċjenti għal sorsi ta' enerġija li jiġġeddu;

14.  Jenfasizza l-bżonn għall-implimentazzjoni effettiva tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija u iktar investimenti fl-enerġija rinnovabbli u dik li tuża ammont żgħir ta' karbonju, li għandha tkun parti ċentrali tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Enerġija għall-2010-2014;

15.  Jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid mill-membri tal-G20 tal-impenn tagħhom biex jinkisbu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju u biex jinkisbu l-impenji rispettivi tal-ODA;

16.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-G20 u s-sejħa tan-NU għal konferenza li se ssir f'Ġunju fl-ogħla livell, għat-trasformazzjoni tas-sistema ekonomika u finanzjarja dinjija f'waħda iktar ġusta, xierqa u demokratika;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-istati membri tal-G20 u lill-IMF.

(1) Testi adottati, P6_TA-PROV(2009)0123.

Aġġornata l-aħħar: 20 t'April 2009Avviż legali