Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0052/2009

Testi mressqa :

B7-0052/2009

Dibattiti :

PV 16/09/2009 - 5
CRE 16/09/2009 - 5

Votazzjonijiet :

PV 17/09/2009 - 4.3
CRE 17/09/2009 - 4.3

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 132kDOC 81k
14.9.2009
PE428.656v01-00
 
B7-0052/2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kunsill

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ftehima internazzjonali prevista biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaggi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terrorizmu u l-finanzjament tat-terroriżmu


Marie-Christine Vergiat f’isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehima internazzjonali prevista biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu   
B7‑0052/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 286 tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 95 u 300 tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 13 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikulari l-Artikoli 7, 8, 47, 48 u 49 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 8, 10, 11 u 12 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-ħarsien tal-individwi rigward l-ipproċessar ta' data personali u l-moviment ħieles ta’ data ta' dan it-tip(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta' tali data(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop ta’ ħasil ta' flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu(3) u r-Regolament (KE) 1781/2006 dwar informazzjoni dwar min qed iħallas li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi(4),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim tal-2003 dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika, u speċjalment l-Artikolu 4 tiegħu (Identifikazzjoni tal-informazzjoni bankarja),(5),

–   wara li kkunsidra l-Programm ta' Traċċar ta' Finanzi tat-Terroristi (Terrorist Finance Tracking Program - TFTP) tal-Istati Uniti bbażat fuq l-Ordni Presidenzjali Eżekuttiva Nru 13224(6) tal-Istati Uniti, li fil-każ ta’ emerġenza nazzjonali jawtorizza partikolarment lid-Dipartiment tat-Teżor Amerikan biex jikseb permezz ta' "ċitazzjonijiet amministrattivi", settijiet ta' data ta' messaġġi finanzjarji li jgħaddu fuq netwerks ta' messaġġi finanzjarja bħal dawk ġestiti mis-Soċjetà għat-Telekomunikazzjoni Finanzjarja Interbankarja Dinjija (SWIFT),

–   wara li kkunsidra l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti dwar l-aċċess għad-data tas-SWIFT (kif definit mir-"Rappreżentanzi" tal-Istati Uniti(7)) u wara li kkunsidra l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-"persuna eminenti" dwar il-konformità mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti mar-Rappreżentanzi msemmija hawn fuq,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fejn stieden lis-SWIFT biex tikkonforma strettament mal-qafas legali tal-UE b'mod partikolari meta t-tranżazzjonijiet finanzjarji Ewropej isiru fit-territorju tal-UE(8),

–   wara li kkunsidra d-direttivi tan-negozjati għall-Presidenza tal-Kunsill u l-ftehima internazzjonali prevista bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar it-trasferiment tad-data tal-programm SWIFT, li ġie kklassifikat bħala “Ristretti għall-UE”,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollatur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-3 ta’ Lulju 2009 li ġiet ikklassifikata bħala “Ristretta għall-UE”,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 110(2) u 90(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi f'Ottubru tal-2007, SWIFT ħabbret struttura ġdida ta' messaġġi li għandha tkun operattiva sa tmiem l-2009,

B.  billi din il-bidla fl-istruttura ta' messaġġi se jkollha l-konsegwenza li l-maġġoranza tad-data finanzjarja li SWIFT kienet s'issa awtorizzata titrasferixxi għall-programm TFTP tad-Dipartiment tat-Teżor American, mhux se tibqa' disponibbli għat-TFTP,

C. billi fis-27 ta' Lulju 2009, il-Kunsill adotta b'mod unanimu u bl-għajnuna tal-Kummissjoni d-direttivi tan-negozjati għall-Presidenza, biex jinnegozja ftehima internazzjonali fuq bażi tal-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea mal-Istati Uniti ħalli jkompli jittrasferixxi d-data tal-programm SWIFT għall-programm TFTP tal-Istati Uniti,

D. billi l-ftehima internazzjonali għandha tipprovdi applikazzjoni provviżorja u immedjata mill-waqt tal-iffirmar sad-dħul fis-seħħ tal-ftehima,

E.  billi d-direttivi tan-negozjati kif ukoll l-opinjoni legali dwar l-għażla tal-bażi legali mis-Servizzi Legali tal-Kunsill għadhom ma sarux pubbliċi, minħabba li huma kklassifikati bħala “Ristretti għall-UE”,

F.  billi l-aċċess għal data mmaniġġjata minn SWIFT jew minn xi istituzzjoni finanzjarja oħra li tikkonċerna informazzjoni dwar l-attivitajiet ekonomiċi ta' individwi u l-pajjiżi kkonċernati, jista’ jagħti lok għal użu ħażin fir-rigward tad-dritt għall-privatezza taċ-ċittadini u l-forom fuq skala kbira ta' spjunaġġ ekonomiku u industrijali,

G. billi SWIFT ikkonkludiet memorandum ta' ftehim mad-Dipartiment tat-Teżor Amerikan, sabiex jillimita aktar l-ambitu tad-data trasferita u l-ambitu ta' tfittxijiet għal data speċifika għall-każijiet kontra t-terroriżmu, u għamlitha soġġetta għal sorveljanza u verifika indipendenti, inkluż il-monitoraġġ f'ħin reali,

1.  Jinsab ferm imħasseb dwar il-ksur ta' protezzjoni tad-data ta' ċittadini Ewropej b'azzjoni illegali,

2.  Ifakkar fit-twemmin konvint tiegħu fil-ħtieġa li jinstab il-bilanċ ġust bejn miżuri tas-sigurtà u l-ħarsien tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett akbar għall-privatezza u protezzjoni tad-data; jerġa' jafferma li l-ħtieġa u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin li għandhom dejjem jiġu kkunsidrati meta jsiru l-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE jew ta’ ftehimiet internazzjonali;

3.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u li kull trasferiment ta' data personali Ewropea lejn pajjiżi terzi għandu jirrispetta garanziji proċedurali u d-drittijiet tad-difiża u jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data fil-livell nazzjonali u Ewropew(9);

4.  Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li fil-qafas tranżatlantiku tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar assistenza legali, li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010, l-Artikolu 4 jipprovdi għal aċċess fuq talba għal data finanzjarja mmirata, bl-awtorizzazzjoni ta' awtoritajiet statali u nazzjonali u jista’ jikkostitwixxi bażi legali aktar soda għat-trasferiment ta' data ta’ SWIFT mill-ftehima interim proposta u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jispjegaw il-ħtieġa għal ftehima interim;

5.  Jilqa' d-deċiżjoni ta’ SWIFT ta’ Ġunju 2007 sabiex issir rilokazzjoni tad-data kollha ta’ trasferimenti finanzjarji intra-UE għal żewġ ċentri operattivi Ewropej; jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill għall-fatt li din id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil mal-Awtorità Belġjana għall-Protezzjoni tad-Data, mat-talba fl-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma tal-UE u f'konformità mal-opinjoni tal-Parlament Ewropew;

6.  Jitlob li l-Kunsill jispjega għalfejn huwa adotta d-direttivi tan-negozjati kważi sentejn wara li s-SWIFT ħabbret il-bidla fl-istruttura ta’ messaġġi, b’hekk ġiegħel lill-Kummissjoni tinnegozja taħt kondizzjonijiet kompletament evitabbli u urġenti u mhux favorevoli u b'mod effettiv ġie evitat kwalunkwe dibattitu sinifikanti jew skrutinju demokratiku mill-parlamenti nazzjonali;

7.  Jinsab imħasseb li fir-rigward tal-bażi legali magħżula għal dan il-ftehim maħsub, is-servizzi legali tal-istituzzjonijiet għandhom opinjonijiet diverġenti, u jinnota li s-Servizz Legali tal-Kunsill huwa tal-fehma li hija kompetenza tal-Komunità; jenfasizza li dwar din il-kwistjoni, huma mitluba opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u opinjoni tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali sabiex isir eżami ulterjuri tas-salvagwardji essenzjali u tal-kundizzjonijiet legali li jridu jiġu sodisfatti minn tali ftehim;

8.  Jikkundanna l-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma infurmawx lill-Parlament mill-bidu tal-proċedura ta’ negozjazzjoni u jistieden lit-tnejn sabiex jerġgħu jivvalutaw il-ħtieġa ta' tali ftehim, peress li diġà jeżistu mezzi sodisfaċenti għall-ġlieda kontra l-azzjoni kriminali u l-Unjoni Ewropea m'għandhiex għalfejn tagħti formalment lill-Istati Uniti jew lil kwalunkwe pajjiż terz ieħor id-dritt li jkollhom aċċess għad-data taċ-ċittadini tagħha;

9.  Jenfasizza l-importanza taċ-ċertezza u tal-immunità legali għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet privati li jkunu suġġetti għal trasferimenti ta’ data skont arranġamenti bħal dawn proposti mill-ftehima ta' bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti;

10. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Presidenza biex jiżguraw li l-Parlament u l-parlamenti nazzjonali kollha jingħataw aċċess sħiħ għad-dokumenti tan-negozjati u d-direttivi eżistenti;

11. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati membri u tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, u lill-Gvern tal-Istati Uniti u liż-żewġ Kmamar tal-Kungress.

(1)

ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)

ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)

ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(4)

ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.

(5)

ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34.

(6)

L-Ordni Eżekuttiva Nru 13224 inħarġet mill-President Bush fit-23 ta’ Settembru 2001, skont l-International Emergency Economic Powers Act (IEEPA), 50 U.S.C. §§ 1701-1706. Il-President iddelega l-awtoritajiet tiegħu skont l-Ordni Eżekuttiva lis-Segretarju tat-Teżor. It-Teżor ħareġ iċ-ċitazzjonijiet lil SWIFT skont l-Ordni Eżekuttiv 13224 u r-regolamenti implimentattivi tagħha.

(7)

L-ipproċessar mid-Dipartiment tat-Teżor American ta' Data Personali li toriġina mill-UE għall-finijiet Kontra t-Terroriżmu - SWIFT, ĠU C 166, 20.7.2007, p. 18.

(8)

P6_TA(2007)0039; B6 0395/2006.

(9)

Ref. għall-ECHR, il-Konvenzjoni 108 u l-FD dwar il-protezzjoni tad-data fit-tielet pilastru.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2010Avviż legali