Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0086/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0086/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-samit ta' Pittsburgh tal-G20 tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009

30.9.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Jean-Paul Gauzès
f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0082/2009

Proċedura : 2009/2608(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0086/2009
Testi mressqa :
B7-0086/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0086/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-samit ta' Pittsburgh tal-G20 tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja maħruġa fl-aħħar tas-Samit ta' Pittsburgh tal-Grupp tal-Għoxrin (G20) tal-25 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar is-Samit tal-G20 ta' Londra tat-2 ta' April 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-proċess tal-irkupru ekonomiku għadu mhux lest, bil-qgħad f'livell inaċċettabilment għoli f'ħafna pajjiżi u bil-possibilità li jista' jiżdied aktar fix-xhur li ġejjin,

B.  billi l-isfida ewlenija li trid tingħeleb biex jiġi assigurat li jerġa' jkun hemm tkabbir ekonomiku hija li tintlaħaq bidla minn sorsi pubbliċi għal sorsi privati tad-domanda; billi huwa essenzjali li jkun hemm progress deċiżiv fir-riformi strutturali biex jintlaħaq tkabbir ekonomiku b'saħħtu, li jkun ibbilanċjat u sostenibbli,

C. billi d-diffikultajiet ekonomiċi preżenti għandhom jintużaw bħala opportunità biex jiġu promossi l-għanijiet ta' Liżbona u ta' Göteborg u biex jiġi mtenni l-impenn fil-ġlieda kontra l-qgħad u l-bidla fil-klima u biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija,

D. billi n-nuqqasijiet ewlenin fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni, flimkien ma' teħid ta' riskji bl-addoċċ u b'mod irresponsabbli minn xi istituzzjonijiet finanzjarji u l-provvista żejda ta' likwidità minħabba politika monetarja laxka f'xi partijiet tad-dinja kkontribwew b'mod sinifikanti għall-kriżi attwali,

E.  billi l-koordinazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex jerġa' jkun hemm tkabbir ekonomiku,

F.  billi hija meħtieġa koperazzjoni multilaterali b'saħħitha biex jiġu evitati tendenzi protezzjonisti,

Rimarki ġenerali. It-trawwim mill-ġdid tat-tkabbir u l-impjiegi

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehimiet milħuqa fis-Samit tal-G20, inkluż l-impenn biex jiġi evitat kwalunkwe rtirar prematur tal-istimolu; jinnota bi tħassib, madankollu, iż-żidiet mgħaġġla li kien hemm fid-dejn pubbliku u fid-defiċits baġitarji; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti finanzi statali sodi malajr kemm jista' jkun u li tiġi żgurata s-sostenibilità fiskali fit-tul biex jiġi evitat li jiġi impost piż tqil iżżejjed fuq ġenerazzjonijiet futuri; iħeġġeġ sabiex issir ħidma issa fir-rigward ta' strateġiji ta ħruġ effettivi, biex jiġu implimentati malajr hekk kif l-irkupru jippermetti li jsir hekk;

2.  Jenfasizza li l-prijorità immedjata trid tkun li jintlaħaq tkabbir qawwi fl-ekonomija reali, li jiġi żgurat li s-swieq kapitali u s-self jaħdmu tajjeb, li jiġu sostnuti u promossi l-impjiegi u li l-persuni jiġu mħarsa mill-impatt negattiv tal-kriżi, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil min hu l-aktar fqir u vulnerabbli;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-iżbilanċi globali, li huma l-kawża tal-kriżi finanzjarja, kienu indirizzati fis-Samit tal-G20; jirrimarka li, jekk għandhom jiġu evitati kriżijiet finanzjarji oħra fil-ġejjieni, għandhom jiġu indirizzati l-kawżi li huma fil-bażi (jiġifieri l-finanzjament tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Uniti mill-bilanċi kummerċjali eċċessivi taċ-Ċina) u li dan għandu implikazzjonijiet li jmorru lil hinn ħafna mill-qasam tar-regolamentazzjoni bankarja u finanzjarja u mit-tmexxija istituzzjonali; iqis li reazzjoni multilaterali effettiva għall-kriżi għandha tinvolvi li jiġu indirizzati l-kawżi tal-iżbilanċi fir-rati tal-iskambju u l-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi f'oqsfa multilaterali;

It-tisħiħ tas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-appell sabiex il-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 jaslu għal ftehim dwar qafas internazzjonali ta' riforma fl-oqsma kritiċi li ġejjin tas-settur finanzjarju:

– l-iżvilupp ta' kapital ta' kwalità għolja u l-mitigazzjoni tal-proċikliċità,

– ir-riforma tal-prattiċi ta' kumpens biex tiġi appoġġjata l-istabilità finanzjarja,

– it-titjib tas-swieq tad-derivattivi li huma 'over-the-counter',

– l-indirizzar tal-problemi ta' regolamentazzjoni transkonfinali u l-istituzzjonijiet finanzjarji li huma sistemikament importanti;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni Ewropea hija aktar ambizzjuża fir-rigward tal-ambitu u r-rekwiżiti tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni, kif turi l-ħidma leġiżlattiva tagħha, sew jekk ġiet adottata reċentament (CRD, CRA) u sew jekk għadha qed tiġi diskussa, (pereżempju d-Direttiva AIFM, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskji Sistemiċi);

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tittrasponi malajr f'leġiżlazzjoni tal-UE li torbot l-impenji li ttieħdu fis-Samit tal-G20 fir-rigward tal-bonuses;

7.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-G20 biex jadottaw il-Qafas Kapitali Basel II malajr kemm jista' jkun;

8.  Huwa tal-fehma li l-prinċipji għall-koperazzjoni transkonfinali fir-rigward tal-ġestjoni tal-kriżi jeħtieġ li jiġu implimentati b'urġenza; jitlob lill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja biex jikkonsulta mal-Parlament qabel ma japprova l-proposti li għandhom jiġu adottati sal-aħħar ta' Ottubru 2010 għal istituzzjonijiet finanzjarji li huma sistemikament importanti;

9.  jirrikonoxxi li l-kisbiet fil-ġlieda kontra ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx ('tax havens') kienu sostanzjali, iżda għadhom mhux biżżejjed; jinkoraġġixxi lill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju tal-Informazzjoni biex itejjeb it-trasparenza fiskali u l-iskambju tal-informazzjoni biex il-pajjiżi jkunu jistgħu jinfurzaw b'mod sħiħ il-liġi tat-taxxa tagħhom biex jipproteġu l-bażi fiskali tagħhom; jappoġġja lill-G20 fl-użu tagħha ta' kontromiżuri kontra l-pajjiżi li joffru kenn mit-taxxa minn Marzu 2010 f'każijiet ta' nuqqas ta' koperazzjoni;

It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet finanzjarji globali tagħna

10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-G20 li jirriforma l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u jitlob li dawn ir-riformi jibdew malajr kemm jista' jkun; jistenna riforma estensiva tat-tmexxija ekonomika u finanzjarja globali; jappoġġja l-modernizzazzjoni tal-IMF u tal-Bank Dinji bħala element ċentrali tal-isforz biex jittejbu l-kredibilità, il-leġittimità u l-effikaċja ta' dawn l-istituzzjonijiet; jistenna li tittejjeb ir-rappreżentazzjoni tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw fl-istituzzjonijiet finanzjarji; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn fir-rigward taċ-ċaqliq fis-sehem tal-kwoti lejn il-pajjiżi bi swieq emerġenti dinamiċi u li għadhom qed jiżviluppaw;

11. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn fir-rigward ta' ekonomija globali miftuħa; iqis li l-qawmien mill-ġdid tal-kummerċ dinji huwa essenzjali biex jerġa' jkun hemm tkabbir globali; itenni, f'dan ir-rigward, il-pożizzjoni tiegħu kontra kwalunkwe forma arbitrarja ta' protezzjoniżmu u jkompli jagħmel pressjoni biex ikun hemm progress biex jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq billi jiġu eliminati ostakoli arbitrarji ta' natura tarriffarja u mhux tariffarja u li r-regoli għall-kummerċ ħieles u ġust jiġu rrispettati; jibqa' determinat li jaħdem għal konklużjoni globali, ambizzjuża u bbilanċjata għar-Rawnd tal-Iżvilupp ta' Doha, konsistenti mal-mandat tiegħu;

12. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent min-naħa tal-G20 tal-importanza ta' ekonomija globali iktar sostenibbli; jenfasizza li ftehima li torbot dwar il-bidla fil-klima fil-konferenza li ġejja ta’ Kopenħagen hija ta’ importanza kruċjali; jenfasizza, madankollu, li l-mexxejja tal-G20 għandhom jirrikonoxxu n-natura wiesgħa tal-isfidi għas-sostenibilità globali;

13. Jenfasizza l-fatt li l-impenji kollha li ttieħdu jridu jiġu rrispettati b'mod sħiħ, implimentati malajr u żviluppati, fil-livell nazzjonali u internazzjonali, biex jerġa' jkun hemm il-fiduċja u jiġi mmassimizzat l-irkupru ekonomiku;

14. Iqis li r-rappreżentazzjoni tal-UE fil-laqgħat tal-G20 għandha tkun is-suġġett ta' diskussjoni dettaljata bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u l-Istati Membri;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewrope, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati tal-G20 u lill-Fond Monetarju Internazzjonali.