Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0099/2009

Testi mressqa :

B7-0099/2009

Dibattiti :

PV 21/10/2009 - 9
CRE 21/10/2009 - 9

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2009 - 8.9

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 212kDOC 154k
19.10.2009
PE428.707v01-00
 
B7-0099/2009

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Summit UE-Stati Uniti


Pascal Canfin, Reinhard Bütikofer, Yannick Jadot, Nicole Kiil-Nielsen, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Summit UE-Stati Uniti  
B7‑0099/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi, b'mod partikulari ż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fil-qafas ta' Ftehima ta' Sħubija Transatlantika, u dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi transatlantiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2007 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi, kif ukoll l-aktar waħda riċenti tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar is-Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Unti, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar l-istat tar-relazzjonijiet transatlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Transatlantika dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Unti tal-1990 u l-Aġenda Transatlantika l-Ġdida (NTA) tal-1995,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit li sar fi Praga fil-5 ta’ April 2009 bejn il-President Obama u l-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern tas-27 pajjiż tal-UE dwar it-twaqqif ta' aġenda komuni,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta u r-rapport ta' progress adottati fit-tielet Kunsill Ekonomiku Transatlatiku (TEC) tas-16 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra s-summit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti li se jsir fit-2-3 ta' Novembru 2009 f'Washington DC,

–   wara li kkunsidra s-67 Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD) li se jsir bejn l-4 u s-6 ta' Diċembru fi New York,

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-ftehima internazzjonali prevista biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ottubru 2009 dwar is-Summit tal-G20 f’Pittsburgh tal-24-25 ta’ Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sħubija transatlantika hija msejsa fuq valuri bażiċi komuni bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u r-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti u l-multilateralriżmu kif ukoll għanijiet komuni bħalma huma s-swieq miftuħin u l-ekonomiji integrati u l-iżvilupp sostenibbli, u hi l-pedament tas-sigurtà u l-istabilità fiż-żona Ewro-Atlantika,

B.  billi l-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon id-direzzjoni l-ġdida mogħtija mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti bbażata fuq attitudni ta’ koperazzjoni fil-qasam internazzjonali u t-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti,

C. billi kull ma jmur l-Unjoni Ewropea qiegħda ssir parteċipant dejjem aktar importanti fid-dinja u billi, ladarba t-Trattat ta’ Liżbona u l-għodod tal-politika barranija tiegħu jidħlu fis-seħħ, se jkun possibbli li l-UE jkollha sehem iżjed b'saħħtu u koerenti fix-xena internazzjonali,

D. billi stħarriġ reċenti, bħal ‘Transatlantic Trends 2009’ tal-German Marshall Fund, juru appoġġ popolari bla preċedenti fost iċ-ċittadini tal-UE għall-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti bħala l-bażi għal rivitalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti,

E.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom sehem ewlieni fil-politika u l-ekonomija dinjija, u jaqsmu bejniethom ir-responsabilità biex ikunu indirizzati sfidi globali bħall-kriżi finanzjarja, il-bidla fil-klima, is-sigurtà fl-enerġija, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti u d-diżarm, il-qerda tal-faqar u l-ksib ta’ Għanijiet oħra tal-Millenju għall-Iżvilupp, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, it-terroriżmu u l-proliferazzjoni nukleari,

F.  billi f’dinja li kull ma jmur qiegħda ssir dejjem aktar globali, kumplessa u li qed tinbidel, huwa fl-interess taż-żewġ partijiet, kemm tal-Unjoni Ewropea u kemm tal-Istati Uniti, li jagħtu forma lill-ambjent internazzjonali flimkien u li jikkonfrontaw flimkien it-theddidiet u l-isfidi komuni skont il-liġi internazzjonali u l-istituzzjonijiet multilaterali, b’mod partikulari s-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jistiednu msieħba oħra biex jikkoperaw f'dan l-isforz,

G. billi, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, jinħtieġ li tkun enfasizzata l-importanza li jiġu rrispettati b’mod sħiħ il-liġi u t-trattati internazzjonali li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,

H. billi s-sħubija transatlantika għandha tibqa’ l-pedament tal-azzjoni esterna tal-Unjoni,

I.   billi x-xogħol tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) jeħtieġ li jibqa’ għaddej biex jintlaħaq l-għan ta’ funzjonament aħjar tas-suq transatlantiku,

J.   billi l-UE u l-Istati Uniti se jkunu kkonfrontati minn konsum globali tal-energija li dejjem qed jikber u mir-rekwiżiti li jkunu implimentati l-impenji globali – li se jkunu miftiehma f’Kopenħagen – tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, u dan kollu jitlob bidliet konsiderevoli fl-ekonomiji tagħna,

Sfidi globali

1.  Iqis dan bħala l-akbar kompitu urġenti min-naħa Ewropea li tikkonvinċi lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti dwar il-ħtieġa li jintlaħaq ftehim dwar reġim post-Kyoto ta’ importanza kbira u li jorbot legalment dwar l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra waqt il-laqgħa COP-15 f’Kopenħagen, li titfassal ‘Green New Deal’ għall-investiment u għall-iskambju teknoloġiku f’apparat tal-enerġija u tal-produzzjoni sikuri u li ma jniġġusx, u li jintlaħaq ftehim dwar livel adegwat ta’ finanzjament għat-trażżin u l-adattament tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jinvolvu ruħhom f’multilateraliżmu effettiv, billi jinvolvu lill-parteċipanti emerġenti fi spirtu ta’ responsabilità komuni għall-ordni globali, għar-rispett għal-liġi internazzjonali u għall-problemi komuni; jinsisti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex tinkiseb l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tar-Riforma, li tinkludi r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' fora multilaterali oħrajn fi ħdan l-arkitettura globali;

3.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f’livell nazzjonali u dinji bħala element prinċipali tal-politiki tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni intensiva fid-diplomazija tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni kriżi; jitlob lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tirratifika u timxi mal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jirrepeti l-appell tiegħu favur it-tneħħija tal-piena tal-mewt; jistieden lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex terġa’ tmur lura għall-konformità sħiħa tal-istandards internazzjonali tal-istat tad-dritt u biex iżżarma s-siti ta’ ħabsijiet sigrieti, biex jieqfu l-miżuri extraġudizzjali u tintemm l-impunità fir-rigward ta’ każi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

Id-difiża, il-kuntroll tal-armi, il-proliferazzjoni nukleari u l-kwistjonijiet tas-sigurtà

4.  Jenfasizza li d-dimensjoni tas-sigurtà tar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja u mal-Istati Uniti u s-sehem tas-CFSP u l-ESDP ma jistgħux jittieħdu mingħajr ma titqies l-arkitettura ’usa tas-sigurtà Ewropea, li tinkludi n-NATO, l-OSCE u l-arranġamenti internazzjonali bħalma huma t-Trattati dwar l-ABM u s-CFE; iqis li l-iżviluppi relevanti fi ħdan din l-istruttura usa’ tas-sigurtà għandhom jiġu indirizzati fi djalogu mar-Russja, mal-Istati Uniti u l-membri tal-OSCE li ma jagħmlux parti mill-UE, sabiex jiġi rinnovat il-konsens transatlantiku dwar is-sigurtà, filwaqt li jittieħdu bħala bażi l-ftehimiet ta’ Ħelsinki jew verżjoni aġġornata tagħhom li se tkun negozjata fil-Konferenza ġdida dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa;

5.  Jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa u tal-Istati Uniti li jsiru negozjati biex tkun konkluża ftehima ġdida komprensiva li torbot legalment u li tieħu post it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START), li jiskadi f'Diċembru 2009, u l-iffirmar tal-‘Ftehim konġunt dwar is-segwitu tal-ftehima START-1' mill-Presidenti Barack Obama u Dmitri Medvedev f’Moska fis-6 ta’ Lulju 2009;

6.  Jappoġġja d-dokument ta’ kunċett ippreżentat mill-Istati Uniti lill-Kunsill fis-16 ta’ Settembru 2009 bħala parti mill-istrateġija tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li se tkun organizzata konferenza dinjija dwar in-non-proliferazzjoni f’April 2010;

7.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar in-non-proliferazzjoni (Res. 1887) li tfittex li toħloq dinja aktar sikura għal kulħadd kif ukoll li toħloq il-kundizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari, bi qbil mal-għanijiet tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari (NPT), b’mod li tippromwovi l-istabilità internazzjonali, u fuq il-prinċipju ta’ sigurtà ugwali għal kulħadd;

 

8.  Iqis li hemm skop partikolari għat-tiġdid tal-koperazzjoni transatlantika dwar in-non-proliferazzjoni nukleari u dwar it-tnaqqis tal-ħażna nukleari, inkluż it-tneħħija ta’ testati tal-gwerra mit-territorju Ewropew; jistieden, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Uniti biex jadottaw strateġija komuni fil-fora internazzjonali kollha, b’mod partikulari fin-Nazzjonijiet Uniti, rigward id-diżarm tal-armi tal-qerda tal-massa u tal-armamenti konvenzjonali; jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni mill-President tal-Istati Uniti li se jmexxi ‘l quddiem ir-ratifika tat-Trattat Komprensiv dwar il-Projbizzjoni tat-Testijiet Nuklear (CTBT); jistieden lill-Kunsill biex jikkontribwixxi b’mod pożittiv u proattiv biex titħejja l-konferenza ta’ analiżi tal-NPT fl-2010, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti u mar-Russja;

 

9.  Jistieden lill-Konferenza dwar id-Diżarm biex tinnegozja trattat dwar il-projbizzjoni tal-produzzjoni ta’ materjal fissili għall-armi nukleari jew apparat ieħor ta’ splussiv nukleari malajr kemm jista’ jkun;

10. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-ewwel dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar in-non-proliferazzjoni, li mistennija ssegwi t-termini tar-riżoluzzjoni Nru 1887 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u li tindika oqsma ta’ koperazzjoni;

11. Jenfasizza li l-inċertezzi dwar in-natura tal-programm nukleari Iranjan iqiegħdu diffikutà addizzjonali fuq is-sistema ta' non-proliferazzjoni u tal-istabilità fir-reġjun u fid-dinja; jilqa’ b’sodisfazzjon id-djalogu dirett stabbilit mill-President Obama u jappoġġja l-objettiv, segwit miż-żewġ naħat, sabiex tinstab soluzzjoni negozjata mal-Iran, fuq il-bażi ta’ strateġija doppja tad-djalogu u tas-sanzjonijiet, f'koordinazzjoni ma' membri oħrajn tal-Kunsill tas-Sigurtà u taħt il-patroċinju tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jaħdmu bil-għan li jibnu żona denuklearizzata fil-Lvant Nofsani;

12. Jiddeplora, f'dan ir-rigward, l-isforzi tal-President Franċiż Sarkozy li jbiegħ teknoloġija nukleari lill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani; jisħaq li din il-politika hi kompletament irresponsabbli u toħloq periklu akbar ta’ distabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni u ddgħajjef kull inizjattiva li tinħoloq żona denuklearizzata fir-reġjun;

13. Jappoġġja l-proċess ta’ taħdidiet ta’ Ġinevra tal-1 ta’ Ottubru 2009, li fih l-Iran aċċetta li jiftaħ l-impjant, li għadu kif ġie skopert, tal-arrikkiment tal-uranju ħdejn Qum ghall-ispezzjoni internazzjonali;

14. Jikkritika l-ftehima bejn l-Istati Uniti u l-Indja dwar il-koperazzjoni nukleari li ppermettiet lill-Indja li tidħol f’sistema ta’ kummerċ nukleari internazzjonali minkejja li rrifjutat li ssir membru tat-Trattat NPT u tkompli tirrifjuta li tħalli ispezzjonijiet dwar is-sikurezza mill-IAEA ta’ diversi stallazzjonijiet nukleari tagħha; jinsab konvint li l-ftehima żżid l-impressjoni ta’ standards doppji li jheddu li jeqirdu r-relevanza tat-Trattat NPT;

15. Jinsab imħasseb dwar l-aħħar testijiet nukleari li saru mid-DPRK u l-fatt li rrifjutat ir-Riżoluzzjoni Nru 1887 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jappoġġja madankollu l-metodu ta’ djalogu bilateral tal-Istati Uniti, fi ħdan il-qafas tat-taħditdiet bejn sitt partijiet biex il-peniżola tal-Korea tiġi denuklearizzata;

16. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Uniti abbandunat il-pjanijiet ta’ sistema ta' difiża bil-missili u jitlob li jsir arranġament globali ġdid ta' sigurtà li jinvolvi l-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina;

 

Kwistjonijiet reġjonali

17. Jenfasizza li arranġament paċifiku u ġust tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani huwa fundamentali, u jilqa’ b'sodisfazzjon il-fatt li dan jirrappreżenta waħda mill-prijoritajiet l-aktar urġenti tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti; jitlob lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tikkoordina mill-qrib mal-Unjoni Ewropea u tinvolvi ruħha fix-xogħol tal-Kwartett; jenfasizza li ż-żewġ imsieħba għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jintensifikaw in-negozjati bbażati fuq il-Pjan Direzzjonali u fuq il-ftehima preċedenti, bil-għan li tinstab soluzzjoni ta’ żewġ stati bi stat Palestinjan sovran u vijabbli; jistieden lill-imsieħba transatlantiċi biex jappoġġjaw l-isforzi għar-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana, u sabiex tintemm is-sitwazzjoni umanitarja diżastruża fl-Istrixxa ta’ Gaza, u jinnota l-importanza li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Palestinjani kemm fix-Xatt tal-Punent u f'Gaza, li inkluża r-rikostruzzjoni ta' Gaza;

18. Iqis li l-ewwel laqgħa bejn il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u l-mexxej Palestinjan Mahmoud Abbas li saret fit-23 ta’ Settembru 2009 mill-President Obama ma laħqitx l-għanijiet ambizzjużi previsti; jikkritika li s’issa ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar il-kwistjoni tal-bini Iżraeljan fix-Xatt tal-Punent u fil-Lvant ta’ Ġerusalemm;

19. Jiddeplora d-deċiżjoni mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) li jiddeferixxi l-azzjoni dwar l-abbozz ta’ riżoluzzjoni dwar ir-rapport tal-missjoni reċenti ta’ ġbir ta’ fatti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-konflitt f’Gaza u r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jistenna li l-HRC tindirizza din il-kwistjoni fiż-żmien opportun;

20. Jenfasizza li l-valuri, is-sigurtà u l-kredibilità tal-komunità transatlantika fl-Afganistan jinsabu fil-periklu; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Uniti u lin-NATO sabiex iressqu kunċett strateġiku konġunt ġdid li jinkorpora l-partijiet kollha tal-impenji internazzjonali meħuda, itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni lokali, isaħħaħ id-drittijiet tan-nisa Afgani u jinkoraġġixxi l-iżvilupp demokratiku, u jistieden lill-pajjiżi ġirien sabiex jipparteċipaw f’dan l-isforz, sabiex tintlaħaq l-istabilizzazzjoni reġjonali;

21. Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jiżviluppaw strateġija konġunta fir-rigward tal-Pakistan, li jkollha l-għan li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-kapaċità tiegħu li jiġġieled kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u t-terroriżmu, filwaqt li tinkuraġġixxi li l-Pakistan ikun involut b’mod responsabbli biex tkun garantita l-istabilità fir-reġjun;

22. Jistieden liż-żewġ partijiet biex permezz ta’ sforzi kkoordinati jkomplu jaħdmu mal-gvern tal-Iraq u man-Nazzjonijiet Uniti sabiex itejbu l-istabilità u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u biex jagħtu kontribut favur l-għaqda u l-indipendenza tal-Iraq;

 

Kriżi finanzjarja u l-istabilità u l-banek

23. Jenfasizza li s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kreditu għadha ma’ għaddietx; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-politiki makroekonomiċi koordinati huma essenzjali biex jintlaħaq irkupru ekonomiku globali sostenibbli, li jipprovdi l-bażi għal ‘Green New Deal’ li twassal għal żvilupp kwalitattiv fuq perjodu twil ta’ żmien; jitlob biex jinbeda xogħol koordinat, mqassam f’fażijiet xierqa u bi strateġiji ta’ ħruġ effettivi li jistgħu jkunu implimentati malajr hekk kif jippermetti l-irkupru;

24. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-konklużjonijeit tal-G-20 bħala bażi ta’ ħidma konkreta għal aktar koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti u jħares ’il quddiem lejn sistema kkoordinata li tindirizza kemm l-istabilità finanzjarja u kemm ir-riforma tas-sistema finanzjarja globali;

25. Jitlob biex ikun hemm koordinazzjoni tal-pakkett ta' riforma tal-Istati Uniti għas-settur finanzjarju (kif propost fis-17 ta' Ġunju 2009) u tar-riforma attwali tal-UE tal-istruttura tas-superviżjoni finanzjarja sabiex ikunu evitati fallimenti futuri tas-suq finanzjarju globali u sabiex tkun żgurata regolamentazzjoni tal-parteċipanti sistemiċi kollha; japprova, f’dan ir-rigward, l-inklużjoni tal-ekonomiji emerġenti ewlenin fix-xogħol tat-twaqqif tal-Bord tal-Istabilità Finanzjarja (FSB);

26. Huwa tal-fehma li l-koordinament internazzjonali bejn l-Istati Uniti u l-UE għandu jwassal għal titjib progressiv tar-rwoli prudenzjali biex fuq bażi globali jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju; jenfasizza li l-progress magħmul fil-kuntest usa’ tal-G-20 jikkonsisti f’approċċ ta’ ‘armonizzazzjoni minima’ li ma għandux iżomm lill-UE milli tapplika standards ogħla;

27. Jemmen, f’dan ir-rigward, li t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet leġiżlattivi, regolatorji u superviżorji fl-Istati Uniti u fl-UE hi essenzjali, speċjalment minħaba n-nuqqasijiet li ħarġu ċar fit-taqlib finanzjarju reċenti;  

 

28. Jistieden lill-Istati Uniti biex tqis kemm il-bidliet reċenti u kemm dawk li għad iridu jsiru fid-direttivi tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-kapital għall-istituzzjonijiet tal-kreditu u l-kumpaniji tal-investiment meta jkun qed jiġi implimentat il-qafas tal-Basel II;

 

29. Jemmen, f'dan ir-rigward, li l-implimentazzjoni tal-Basel II fl-Istati Uniti hija importanti ferm sabiex tinżamm il-parità fil-kundizzjonijiet fil-livell globali;

 

30. Jappoġġja s-sejħa tal-G-20 biex titħaffef il-konverġenza tal-istandards tal-kontabilità; iħeġġeġ lill-Bord dwar l-Istandards tal-Kontabilità Finanzjarja u tal-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità li jistabbilixxu ġabra unika ta’ standards tal-kontabilità globali ta’ kwalità għolja fil-kuntest tal-proċess indipendenti ta’ twaqqif ta’ standards u li jitkompla l-proġett ta’ konverġenza tagħhom sa Ġunju 2011; jitlob għal żvilupp ta’ rappurtar pajjiż-pajjiż li jipprovdi idea komprensiva dwar kull kumpanija prinċipali ta' grupp ta' investituri, tal-partijiet interessati u tal-awtoritajiet tat-taxxa, b'hekk tingħata idea ġenerali internazzjonali aktar effettiva u trasparenti tad-deċiżjonijiet li jittieħdu minħabba t-taxxi;

 

31. Iħeġġeġ lill-Istati Uniti sabiex tibqa’ mal-pjan direzzjonali tagħha li tirrikjedi utenti domestiċi fl-Istati Uniti li japplikaw Standards Internazzjonali ta' Rapportar Finanzjarju (IFRS); ifakkar fit-talba tiegħu li s-SEC – sakemm tittieħed deċiżjoni li titlob lill-utenti tal-Istati Uniti li japplikaw l-IFRS – tirrikonoxxi l-IFRS, kif adottata fl-Unjoni Ewropea, bħala ekwivalenti għall-GAAP tal-Istati Uniti;

 

32. Jenfasizza li l-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) għandu jkompli bir-riforma tat-tmexxija tiegħu biex jassigura rappreżentazzjoni ġusta tal-kostitwenti li jitolbu li kumpaniji kkwotati japplikaw l-IFRS u li huma involuti fit-twaqqif ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità u fis-superviżjoni tal-IASB bħala t-trustees tiegħu;

33. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema globali ta’ koperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa fil-forma ta’ qafas multilaterali, bħall-Global Forum estiż dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni (GFTEI); hu tal-fehma li l-GFTEI għandu jkun sostanzjalment imsaħħaħ sabiex jikkumbatti l-evażjoni u n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa; b’mod partikolari, jenfasizza li l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni għandu jsir fiċ-ċirkustanzi kollha;

34. Jilqa’ l-ftehima tal-mexxejja tal-G-20 li jaħdmu fuq qafas internazzjonali għal taxxa ta’ tranżazzjoni finanzjarja u jitlob għal progress mgħaġġel mill-Istati Uniti u l-UE, biex jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b’mod ġust għall-irkupru u l-iżvilupp ekonomiku, minħabba li l-piż tal-ispiża s'issa ġie merfugħ minn dawk li jħallu t-taxxi, mis-servizzi pubbliċi u miċ-ċittadini;

35. Jittama li l-UE tkun tista’ tirrikonoxxi r-reġim ta’ superviżjoni tal-assigurazzjoni tal-Istati Uniti bħala ekwivalenti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva Solvency II; hu tal-fehma li l-inizjattiva li jitwaqqaf Uffiċċju tal-Assigurazzjoni Nazzjonali itejjeb il-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-iskambju tal-informazzjoni fis-settur tal-assigurazzjoni;

36. Iqis li koperazzjoni regolatorja għandha tikkundsidra t-tisħiħ tal-qafas regolatorju tal-UE rigward id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD), b’mod partikolari l-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji;

TEC

37. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) jkompli jiffunzjona, jiżviluppa u jissaħħaħ; jemmen li għandu jitfassal pjan direzzjonali li juri kif jista’ jinkiseb l-impenn fuq terminu ta' żmien twil għal suq transatlantiku trasparenti u bbażat fuq il-valuri, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-interessi ta’ dawk kollha involuti;

 

38. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li r-riżultat tal-istudji dwar il-ħolqien tas-suq transatlantiku jiġi diskuss mal-kumitati parlamentari rilevanti qabel ma wieħed jasal għal konklużjonijiet speċifiċi għall-ġejjieni;

 

39. Jemmen li s-soċjetà tal-informazzjoni hija pilastru kruċjali taż-żona ekonomika transatlantika, fuq il-bażi tal-aċċess għall-għarfien u mudell ġdid għall-protezzjoni u l-qsim tal-kontenut diġitali, fir-rispett tal-proporzjonalità;

 

40. Iqis, b'mod partikolari, li r-riżultati tal-koperazzjoni mtejba fl-oqsma bħalma huma l-investiment, l-istandards tal-kontabilità, kwistjonijiet regolatorji, is-sikurezza tal-prodotti importati u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) għandhom jiġu diskussi mill-leġislaturi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku qabel ma jidħlu fis-seħħ;

 

41. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha li tiżgura li l-liġi tal-Istati Uniti dwar l-iskennjar ta’ 100% tal-merkanzija importata jew tiġi mmodifikata jew implimentata mill-amministrazzjoni Amerikana b’mod li jiġi żgurat li ma jinħolqu l-ebda ostakli ġodda għall-kummerċ, li jimponu spejjeż sinifikattivi fuq l-operaturi ekonomiċi, mingħajr ma jipprovdu l-ebda benefiċċju f'termini ta' sigurtà tal-katina tal-forniment; Jemmen li t-TEC jista', b'mod utli, jorganizza seminars fi Brussell u f'Washington dwar il-kwistjoni tal-iskennjar ta' 100% tal-merkanzija sabiex jitrawwem fehim iktar profond bejn il-leġiżlaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti u sabiex titħeġġeġ soluzzjoni bikrija għal din il-problema u dan ikun aċċettabbli għaż-żewġ naħat;

42. Itenni s-sejħa tieħu lill-mexxejja tal-UE u tal-Istati Uniti u lill-ko-chairpersons tat-TEC sabiex jikkunsidraw ir-rwol kruċjali tal-leġiżlaturi fis-suċċess tal-proċess fuq tul ta’ żmien, u jħeġġiġhom sabiex jinvolvu bis-sħiħ u b'mod dirett lir-rappreżentanti tat-TLD fix-xogħol tat-TEC;

 

43. Jemmen li minħabba n-natura ferm teknika tal-kwistjonijiet trattati mit-TEC, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-membri l-aktar kompetenti tal-Kungress u l-Parlament Ewropew jiddaħħlu fid-diskussjoni; jinnota li ħafna mill-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u għall-investiment, li t-TEC qed jintalab ineħħi, għandhom l-għeruq tagħhom fl-isforzi intenzjonati tal-korpi leġiżlattivi biex irawmu objettivi soċjali, kulturali, ambjentali jew relatati mas-saħħa, u għalhekk m'għandhomx jitneħħew mingħajr att leġiżlattiv korrispondenti;

 

44. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-TEC jingħata pariri mingħand għadd ta’ nies involuti, inklużi rappreżentanti tan-negozji, u jitlob li jingħata rwol simili lil rappreżentanti tal-moviment tal-għaqdiet tal-ħaddiema fuq kull naħa tal-Atlantiku sabiex id-dimensjoni soċjali tiġi kkunsidrata bis-sħiħ; jitlob sabiex il-kapijiet tad-Djalogu Transatlantiku dwar ix-Xogħol, u d-Djalogu Transatlantiku għall-Enerġija għall-ġejjieni u d-Djalogu Ambjentali rivitalizzat jiġu inklużi fil-grupp ta' konsulenti; huwa ta' l-opinjoni li r-rwol konsultattiv tagħhom għandu jkun iddifferenzjat mir-rwol leġiżlattiv tal-Kungress tal-Istati Uniti u tal-Parlament;

 

45. Jemmen, fl-istess ħin, li l-koperazzjoni ekonomika transatlantika għandha ssir aktar responsabbli, trasparenti u prevedibbli; skedi ta' laqgħat, aġendi, pjanijiet direzzjonali u rapporti ta' progress għandhom ikunu ppubblikati f'websajt;

 

Kwistjonijiet dwar it-trasport

46. Jistieden lis-Senat u lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jippermettu implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-ewwel fażi tal-ftehim dwar l-avjazzjoni UE-Stati Uniti u tal-ftehim dwar is-sigurtà UE-Stati Uniti u biex jimxu lejn it-tieni fażi tal-ftehim dwar l-avjazzjoni sabiex ikomplu jiżviluppaw il-koperazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-avjazzjoni.

 

47. Jistieden lis-Senat u lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jevitaw kull miżura li tmur kontra dawn l-għanijiet, bħal dawk dwar l-istazzjonijiet barranin ta’ tiswija, l-eżenzjonijiet anti-trust u ċ-ċittadinanza tat-trasport bl-ajru msemmija fil-House Resolution 915;

 

48. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u lill-Kummissjoni Ewropea biex jintensifikaw aktar in-negozjati tagħhom sabiex isibu soluzzjonijiet ibbilanċjati rigward, fost l-oħrajn, ħtiġijiet ta' sigurtà fl-ajru u għall-protezzjoni tad-data fil-qasam tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), għar-reviżjonijiet ta’ kontrolli ta’ sigurtà fl-ajruporti u għall-inklużjoni aktar effettiva ta’ miżuri sabiex jitnaqqas l-impatt tal-avjazzjoni transatlantika u dik internazzjonali fuq il-bidla fil-klima fin-negozjati ta’ Kopenħagen u l-ftehimiet tal-ICAO;

 

49. Ifakkar kemm lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Awtoritajiet tal-Istati Uniti li jekk ma jikkonkludux it-tieni fażi tal-ftehim, dan jista’ jwassal biex xi Stati Membri jikkanċellaw l-ewwel fażi tal-istess ftehim u dan ikun ta’ dannu għall-interessi tal-operaturi tal-ajru kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti;

 

Infurzar ta’ liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, kwistjonijiet marbuta mad-dwana u s-sorveljanza tas-suq

50. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu azzjonijiet konġunti mal-awtoritajiet Amerikani, b'mod partikolari l-Kummissjoni tal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumatur, u msieħba oħra sabiex jiżguraw li ċ-Ċina u pajjiżi terzi oħra jgħollu l-istandards ta' produzzjoni tagħhom biex jilħqu r-rekwiżiti ta’ sikurezza tal-UE u tal-Istati Uniti, b'mod partikolari għall-ġugarelli;

 

51. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa mekkaniżmi ta’ koperazzjoni transkonfinali aktar b'saħħithom u aktar effettivi, bil-għan li s-sistema ta’ twissijiet tal-UE "RAPEX" dwar prodotti li huma ta’ riskju serju għall-konsumatur, tintrabat mas-sistema ta’ twissija tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni dwar is-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumatur, u li l- attivitajiet tan-Netwerk ta’ Koperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) jiġu kkordinati ma' dawk tal-awtoritajiet Amerikani;

 

52. Jipproponi li t-TEC japprova l-adozzjoni ta’ strument ta' koperazzjoni obbligatorja, li jistruttura u jiffaċilita l-qsim ta' informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-iżvilupp ta' programm komuni ta' miżuri ta' koperazzjoni;

 

53. Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali billi tagħmel użu mill-bażi legali fir-regolament CPC biex tidħol fi ftehim ta' koperazzjoni internazzjonali mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Uniti u billi xxerred u taqsam l-aħjar prattiki;

 

54. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef il-ħidma tagħha fuq il-Ftehim bilaterali ta’ Koperazzjoni għall-Infurzar; filwaqt li testendih għall-attivitajiet ta' infurzar tal-Istati Uniti (skambju ta' informazzjoni, investigazzjoni u teħid ta’ miżuri) fi ħdan il-qafas tar-Regolament tal-UE dwar il-Koperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Att tal-Istati Uniti dwar Internet Mingħajr Periklu (Safe Web Act);

 

Rikonoxximent Reċiproku u Standardizzazzjoni

 

55. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem favur l-adozzjoni formali ta' proċeduri għall-għarfien reċiproku ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità għal prodotti suġġetti għal testijiet obbligatorji minn partijiet terzi, l-aktar għall-ICT u għal tagħmir elettriku; jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' unitajiet legali ta' kejl, b'mod partikolari l-aċċettazzjoni ta' tikkettar bis-sistema metrika biss ta' prodotti tal-UE fl-Istati Uniti;

 

56. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-istandardizzazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti bil-għan li l-politiki biex jiġi influwenzat ix-xogħol ta' entitajiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali jiġu kkordinati;

 

Standards soċjali u ambjentali/responsabilità soċjali korporattiva

57. Jappoġġja l-inizjattiva fil-Kungress Amerikan biex jirrevedi l-ftehimiet bilaterali tiegħu dwar il-kummerċ internazzjonali, filwaqt li jfittex opportunitajiet biex jinkorpora fihom standards bażiċi soċjali internazzjonali u ambjentali; huwa konvint li l-iżbilanċi mondjali għandhom jiġu indirizzati anki fil-livell ta’ ħolqien ta’ relazzjonijiet kummerċjali ġusti u sostenibbli;

58. Iqis li għandha titkattar responsabilità soċjali korporattiva fil-livell ta' awto-regolazzjoni kif ukoll dik ta' standards obbligatorji għar-regolazzjoni tal-impatt ta' attivitajiet ta’ negozju meta wieħed jiġi għall-integrazzjoni tad-drittijiet soċjali u d-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet ambjentali fl-attivitajiet ta' kumpanija u l-interazzjoni mal-partijiet interessati tagħha; jemmen li l-iskambju tal-aħjar prattika CSR bejn l-Istati Uniti u l-UE se jkollu impatt sinifikattiv fuq l-attitudni tal-intrapriżi lejn is-CSR u fuq l-involviment pożittiv tagħhom fi kwistjonijiet soċjali u ambjentali;

 

Kwistjonijiet dwar il-biedja u Doha

 

59. Jinnota l-importanza li jintlaħaq ftehim bilanċjat fin-negozjati kummerċjali dinjin ta' Doha fil-qasam tal-agrikoltura, inklużi miżuri biex tiġi evitata aktar volatilità tal-prezzijiet agrikoli u nuqqasijiet ta' ikel; huwa kommess lejn kunsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet biex in-negozjati dwar il-kummerċ ikunu suċċess; jenfasizza l-bżonn li jiġu kkunsidrati bis-sħiħ l-aġġustamenti diġà introdotti f’riformi CAP introdotti reċentement u jixtieq jara aġġustamenti simili fil-Farm Bill tal-Istati Uniti;

 

60. Jibqa’ kommess lejn il-mira li jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ sikurezza tal-prodotti għaċ-ċittadini tal-UE; japprova d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ traċċji identifikati ta’ prodotti GM mhux approvati, partikolarment f’tipi ta’ qamħirrun u sojja, sakemm tkun evalwata s-sikurezza tal-prodotti rispettivi għas-saħħa u l-ambjent;

 

61. Jiġbed l-attenzjoni lejn żviluppi reċenti fi kwistjonijiet li qabel kienu dibattibbli, bħall-każ tal-ormoni fiċ-ċanga u l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti prodotti GM; huwa konvint li bis-saħħa ta’ djalogu minn kmieni kwistjonijiet li jeffettwaw in-negozju ta’ prodotti tal-biedja jistgħu jiġu indirizzati qabel ma jaslu quddiem entitajiet fi ħdan il-WTO li jridu jsolvu t-tilwim;

 

Kwistjonijiet Ambjentali u l-bidla fil-klima

62. Jappoġġja l-isforzi tal-Istati Uniti ppreżentati fis-Summit tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima fit-22 ta' Settembru 2009 u l-prospetti għat-tneħħija gradwali ta' sussidji għall-fjuwil fossili; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti se jmur lilhinn mill-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta 'serra; huwa mħasseb, madankollu, mill-fatt li s-Senat jista’ ma jadottax il-leġiżlazzjoni qabel is-sena d-dieħla; jistieden, għaldaqstant, lill-UE u lill-Istati Uniti, biex jikkoperaw mill-qrib biex jagħmlu l-Konferenza ta’ Kopenħagen suċċess, billi jinvolvu lill-pajjiżi kollha relevanti fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u jorbtuhom għal miri obbligatorji fuq termini ta’ żmien medju u twil;

63. Jinnota li l-ftehim internazzjonali għandu jiżgura tnaqqis kollettiv fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fil-pajjiżi industrijalizzati lejn l-ogħla rata tal-firxa ta’ bejn 25% u 40% għall-2020 meta mqabbla mal-1990, kif irrakkomandat mir-Raba’ Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC 4AR), u li dan it-tnaqqis għandu jkun domestiku;

 

64. Jinnota li għandha tiġi stabbilita mira ta’ tnaqqis fuq perjodu ta’ żmien twil għall-UE u għall-pajjiżi l-industrijalizzati l-oħra tal-anqas ta’ 80% sal-2050 vis à vis l-livelli tal-1990;

 

65. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi magħmula mill-Istati Uniti u ċ-Ċina, permezz tad-Djalogu Strateġiku u Ekonomiku tagħhom, li jimpenjaw ruħhom għal enerġija nadifa u tnaqqis ta' emissjonijiet;

66. Jappoġġja fil-prinċipju l-idea tal-ħolqien ta' Kunsill Transatlantiku għall-Enerġija, fuq il-mudell tat-TEC, li jittratta l-koperazzjoni transatlantika dwar kwistjonijiet ta’ regolazzjoni, l-effiċjenza fl-enerġija u kwistjonijiet ta' sigurtà fl-enerġija; jittama li l-ETC jagħti prova ta’ suċċess akbar mid-Djaloku Transatlantiku dwar l-Ambjent 2000;

 

67. Jenfasizza l-importanza ta' djalogu attiv u kontinwu bejn l-UE u l-Istati Uniti fid-dawl tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar dwar ikel ġdid u l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda fil-produzzjoni tal-ikel;

 

68. Jenfasizza l-impatt potenzjali li teknoloġiji ġodda bħall-nanomaterjali jista' jkollhom fuq is-saħħa u l-ambjent tagħna, peress li l-proprjetajiet xjentifiċi tagħhom s'issa għadhom mhux magħrufa; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-preokkupazzjonijiet li jista’ jkollhom il-pubbliku u l-konsumaturi dwar l-użu ta' teknoloġiji ġodda, fosthom l-użu ta' tekniki ta’ klonazzjoni fit-tgħammir tal-annimali, u t-tħassib li dan iqajjem għall-benesseri tal-annimali;

 

69. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti tal-ħtieġa għal riforma tal-Att tagħha dwar il-Kontroll tas-Sustanzi Tossiċi (TSCA) fil-futur qarib fi sforz sabiex tiżgura protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra s-sustanzi kimiċi;

70. Jistieden lill-korpi rilevanti fl-UE u l-Istati Uniti biex jikkoperaw sabiex jistabbilixxu sistema regolatorja fl-Istati Uniti li ġġib livell ta' protezzjoni kompatibbli mar-REACH;

 

 

Koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, politika tal-viża

71. Jistenna bil-ħerqa l-laqgħa Ministerjali UE-Stati Uniti skedata għat-28 ta' Ottubru 2009 f'Washington DC sabiex tadotta dikjarazzjoni konġunta dwar koperazzjoni ġudizzjarja, li tkopri, b'mod partikolari, is-sigurtà fuq l-internet;

 

72. Jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled it-terroriżmu u t-twemmin sod tiegħu li miżuri ta' sigurtà m'għandhomx jittieħdu għad-detriment tal-protezzjoni tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali u għandu jkun iggarantit l-ogħla grad possibbli ta' rispett għall-privatezza u protezzjoni tad-data; itenni li n-neċessità u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin li mingħajrhom il-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effettiva;

 

73. Jemmen li qafas legali u politiku sod huwa meħtieġ għal koperazzjoni qawwija bejn l-UE u l-Istati Uniti fi kwistjonijiet relatati mal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u li sħubija msaħħa li tinvolvi d-dimensjoni parlamentari u demokratika hija essenzjali biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi komuni, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata b'mod li jkun konsistenti mad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-protezzjoni tad-dritt tal-kenn politiku, u l-promozzjoni tal-moviment taċ-ċittadini bona fide kollha mingħajr viża bejn iż-żewġ żoni;

 

74. Jinnota, f’dan ir-rigward, li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u li kull trasferiment ta' data personali Ewropea lejn pajjiżi terzi li jsir għal finijiet ta’ sigurtà għandu jirrispetta garanziji proċedurali u d-drittijiet tad-difiża u jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data fil-livell nazzjonali u Ewropew;

 

75. Jinnota, fil-qafas transatlantiku tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar assistenza legali, li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010, li l-Artikolu 4 jipprovdi għal aċċess li għandu jingħata fuq talba għal data finanzjarja mmirata, permezz tal-awtoritajiet tal-istat nazzjonali, u li dan jista’ jikkostitwixxi bażi legali aktar soda għat-trasferiment ta' data SWIFT mill-ftehim intermedjarju propost;

 

76. Jinnota li ftehim intermedjarju għat-trasferiment ta' tali data qed jiġi nnegozjat bejn l-UE u l-Istati Uniti u stabbilit għal perjodu intermedjarju permezz ta' klawsola ta' estinzjoni li ma’ jaqbiżx 12-il xahar, u li ftehim ġdid, innegozjat mingħajr preġudizzju għall-proċedura li għandha tiġi segwita taħt it-Trattat ta' Liżbona, se jkollha tinvolvi bis-sħiħ il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali u tikkonforma mal-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009;

77. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni riċenti tal-programm għat-tneħħija tal-viża għal seba' Stati Membri oħra tal-UE; madankollu, iħeġġeġ lill-Istati Uniti biex tneħħi r-reġim tal-viża għall-Istati Membri li fadal u biex titratta liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea b’mod ugwali skont il-bażi ta’ reċiproċità sħiħa; huwa mħasseb dwar l-introduzzjoni ppjanata ta' spejjeż amministrattivi għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ESTA liċ-ċittadini tal-UE u jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta dan bħala kwistjoni ta' prijorità mal-amministrazzjoni Amerikana;

 

Żvilupp u l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (l-MDGs)

 

78. Jilqa' b’sodisfazzjon l-impenn riaffermat biex jinkisbu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u biex jiġu rispettati l-impenji tal-ODA; jistieden liż-żewġ imsieħba jonoraw l-impenn tagħhom biex jonfqu 0.7% tal-Prodott Gross Domestiku tagħhom fuq il-koperazzjoni għall-iżvilupp;

79. Jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma kkawżawx il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, iżda huma affettwati b'mod sproporzjonat minnha, u qed jiffaċċjaw tnaqqis drammatiku fit-tkabbir u l-impjiegi, impatt negattiv fuq il-bilanċ tal-kummerċ u l-bilanċ tal-pagamenti, tnaqqis drastiku ta' influssi netti ta' kapital privat u investiment barrani dirett, inqas aċċess għall-kreditu u l-finanzjament tal-kummerċ, tnaqqis fit-trasferiment lura ta’ flus, movimenti kbar u volatili fir-rati tal-kambju, kollass tar-riservi, żieda fil-volatilità u tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti primarji, kif ukoll inqas dħul mit-turiżmu; iħeġġeġ lill-imsieħba transatlantiċi biex jirrikonoxxu r-responsabilità tagħhom għal din is-sitwazzjoni;

 

80. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn sabiex ikun hemm għeluq ekwilibrat tar-Rawnd ta’ Żvilupp ta’ Doha, kif ukoll l-skadenza ċara ffissata mis-Summit tal-G20 għall-2010; jistieden lill-mexxejja sabiex ma jinsewx l-għan aħħari tal-iżvilupp ta’ dan ir-rawnd meta jiltaqgħu għall-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Ġinevra tard f’Novembru;

Qafas Istituzzjonali

81. Jenfasizza li l-momentum kurrenti għandu jintuża wkoll sabiex jittejjeb u jiġġedded il-qafas tar-relazzjoni transatlantika; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-NTA attwali tal-1995 jiġi sostitwit bi Ftehim ġdid ta' Sħubija Transatlantika; Iqis li n-negozjati tal-ftehim il-ġdid għandhom jibdew wara li jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona, sabiex dan jitlesta qabel l-2012;

82. Jemmen li d-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD) bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti diġà ta kontribut sinifikattiv lejn fehim reċiproku ikbar dwar ħafna kwistjonijiet ta' interess komuni, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu mar-relazzjonijiet ekonomiċi u l-kummerċ internazzjonali; jitlob li tissaħħaħ il-koperazzjoni reċiproka fil-livell ta’ NU u biex jinħolqu strutturi speċifiċi ta’ ħidma għal dan il-għan;

83. Jemmen li dawn huma kwistjonijiet ta' natura sostantiva u li l-membri parlamentari nazzjonali għandhom jinżammu aġġornati regolarment dwar l-iżviluppi dwarhom; jitlob lill-President tiegħu sabiex jiżgura li jiġi stabbilit mekkaniżmu għal dan il-għan;

84. Jerġa’ jafferma li l-ftehim il-ġdid jista’ tbiddel it-TLD attwali f’assemblea interparlamentari transatlantika, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009;

85. Jittama li d-Djalogu Transatlantiku tax-Xogħol se jkollu rwol akbar fil-futur qrib f’diskussjonijiet dwar kif in-nies li jfasslu l-politika jkunu jistgħu jirrispondu bl-aħjar mod għall-isfidi tal-qgħad li dejjem qed jiżdied b’rata mgħaġġla u l-bidla strutturali kkawżata mill-kriżi finanzjarja;

86. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2010Avviż legali