Proċedura : 2009/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0129/2009

Testi mressqa :

B7-0129/2009

Dibattiti :

PV 11/11/2009 - 16
CRE 11/11/2009 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/11/2009 - 8.3
CRE 12/11/2009 - 8.3

Testi adottati :

P7_TA(2009)0064

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 133kDOC 83k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0128/2009
4.11.2009
PE428.740v01-00
 
B7-0129/2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Procedura


dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja fit-18 ta’ Novembru 2009 fi Stokkolma


Adrian Severin, Hannes Swoboda, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjijiet għas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jseħħ fit-18 ta' Novembru 2009 fi Stokkolma  
B7‑0129/2009

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni bejn, fuq naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u fuq in-naħa l-oħra, il-Federazzjoni Russa(1), u n-negozjati li bdew is-sena l-oħra dwar trattat ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–    wara li kkunsidra l-objettiv tal-UE u tar-Russja, stipulat fid-dikjarazzjoni konġunta li ħarġet wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja f'San Pietruburgu tal-31 ta' Mejju 2003, li jitwaqqaf spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' liberta, sigurta u gustizzja, spazju komuni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurta esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali,

–    wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja u r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Khanty-Mansiysk li ġiet adottata fid-19 ta' Ġunju 2008(2),

–    wara li kkunsidra r-riżultat tal-Kunsill ta’ Sħubija Permanenti bejn l-UE u r-Russja li sar fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2009,

–    wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–    wara li kkunsidra l-abbozz ta’ aġenda tas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jsir fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja żviluppaw b’mod kontinwu fl-aħħar deċennju, filwaqt li wasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomiċi qawwija u komprensivi, li huma mistennija jiżdiedu anki iktar fil-futur,

B.  billi l-konklużjoni ta’ Ftehima ta’ Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazjoni Russa tibqa’ tal-ikbar importanza għal iktar żvilupp u għall-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba,

C. billi l-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tikkontribwixxi sostanzjalment għal aktar titjib tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea u tistimula l-investiment,

D. billi s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hi waħda mill-ikbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni mar-Russja; billi jridu jsiru sforzi konġunti biex isir użu sħiħ u effiċjenti tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-enerġija, kemm dawk li diġà jeżistu kif ukoll dawk li għad iridu jiġu żviluppati,

E.  billi hu importanti li l-UE titkellem b’vuċi waħda, turi solidarjetà u tagħti prova ta’ unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u tibbaża dawk ir-relazzjonijiet fuq interessi reċiproċi u valuri komuni,

F.  billi l-Premju Sakharov 2009 għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew ingħata lil Memorial, l-organizzazzjoni tad-difiża tad-drittijiet ċivili Russa, u lir-rappreżentanti tagħha,

G. billi għad hemm tħassib dwar żviluppi fil-Federazzjoni Russa rigward ir-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-osservanza tal-prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk intrabtet mal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

H. billi l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa jista’ jkollhom u għandu jkollhom flimkien rwol attiv fil-promozzjoni u fl-istabbiliment tal-paċi u tal-istabbilita fil-kontinent Ewropew, b'mod partikulari fil-viċinat komuni, kif ukoll f'partijiet oħra tad-dinja,

1.  Jerġa’ jafferma t-twemmin tiegħu li r-Russja għadha wieħed mill-imsieħba l-iktar importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kooperazzjoni strateġika, peress li t-tnejn mhux biss għandhom interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda għandhom ukoll l-objettiv li jikkooperaw mill-qrib flimkien fil-livell globali kif ukoll fil-viċinat komuni;

2.  Jinnota li s-Samit fi Stokkolma se jiffoka fuq kooperazzjoni ekonomika wiesgħa, b’mod partikulari b’kunsiderazzjoni tal-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-metodi biex dawn jintgħelbu, it-tħejjijiet għall-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-bidla fil-klima li se ssir f’Diċembru, l-aspetti dwar l-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija, id-diskussjonijiet li qed isiru bħalissa dwar ir-reġim tal-ivvjaġġar mingħajr viża, u l-progress fin-negozjati għall-ftehima bilaterali l-ġdida ta' sħubija msaħħa, kif ukoll se jindirizza numru ta’ kwistjonijiet internazzjonali bħall-programm nukleari tal-Iran u l-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani;

3.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet futuri mar-Russja b’mod iktar prammatiku, b’attenzjoni kontinwa fuq l-Erba’ Zoni Komuni u fuq il-bżonn ta’ ftehima qafas ġdida bejn l-UE u r-Russja fil-futur qarib, u billi wieħed jiffoka fuq koperazzjoni prattika kkoordinata, proġetti konġunti u fuq l-implimentazzjoni tal-impenji u l-ftehimiet li saru s’issa; itenni l-appoġġ tiegħu għal ftehima ġdida li tmur lil hinn minn kooperazzjoni purament ekonomika u li tkun tinkludi wkoll l-oqsma ta' demokrazija, tal-istat tad-dritt, u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-drittijiet fundamentali;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettiv tal-adeżjoni tar-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li se tpoġġi lill-komunitajiet tan-negozju taż-żewġ naħat fuq livell indaqs u li se tgħin ħafna fl-isforzi tar-Russja biex tinbena ekonomija moderna, diversifikata u b’teknoloġija għolja; jistieden lir-Russja sabiex tieħu l-passi meħtieġa biex tneħħi l-ostakoli li baqa' fil-proċess ta' adeżjoni, u wara li jsir dan l-UE għandha tibda tiddiskuti l-konklużjoni ta' ftehima ta' kummerċ ħieles mal-Federazzjoni Russa;

5.  Jinnota b’interess id-djalogu dwar l-ivvjaġġar mingħajr viża bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja; jitlob li jkun hemm iktar kooperazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, il-kontrolli mtejba fil-punti transkonfinali ta' kontroll u l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li r-Russja tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fi kwalunkwe ftehima nnegozjata dwar l-eliminazzjoni tal-viżi bejn iż-żewġ naħat, sabiex ikun evitat kull ksur tas-sigurtà u tad-demokrazija fl-Ewropa; jitlob li jkun hemm iktar progress fl-iffirmar tal-ftehimiet finanzjarji għall-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-UE u r-Russja;

6.  Jesprimi l-fiduċja tiegħu li ftehima li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' twissija bikrija dwar is-sigurtà tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja li tkopri n-notifika, il-konsultazzjoni u l-implimentazzjoni se tiġi ffirmata fil-qafas tas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jsir fi Stokkolma; jistieden lill-Presidenza Svediża u lill-Kummissjoni biex jaħdmu mal-awtoritajiet Russi, mal-Gazprom, mal-awtoritajiet tal-Ukraina u man-Naftohaz Ukrainy sabiex tiġi evitata ripetizzjoni tal-qtugħ tal-provvista li sar dawn l-aħħar snin;

7.  Jisħaq fuq l-importanza reċiproka tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija għar-Russja u għall-UE, peress li dawn jirrappreżentaw opportunità potenzjali għal iktar kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li l-prinċipji ta’ interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta’ tali kooperazzjoni, flimkien ma’ aċċess ugwali għas-swieq, għall-infrastruttura u għall-investiment; jitlob lill-Presidenza Svediża, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw is-Samit sabiex juru b’mod ċar lill-imsieħba Russi ż-żieda fil-miżuri ta' solidarjetà interna fil-qasam tal-enerġija li l-Unjoni qed tieħu u l-konsegwenzi negattivi fuq medda twila ta' żmien li jistgħu jinħolqu minn problemi fil-provvista tal-enerġija;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta’ Tranżitu anness miegħu jiddaħħlu fi ftehima ġdida ta’ sħubija bejn l-UE u r-Russja;

9.  Jistieden lill-Presidenza, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b’mod intensiv mal-parti Russa sabiex tkun żgurata ftehima globali, ambizzjuża u komprensiva fil-Konferenza dwar il-Bidla fil-Klima f'Kopenħagen f'Diċembru li twaqqaf lit-tisħin tad-dinja milli jilħaq livelli perikolużi;

10. Jisħaq fuq l-importanza ta’ skambju kontinwu ta' opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Russja bħala parti mill-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u jitlob li jkun hemm titjib fil-format ta' dawn il-laqgħat sabiex ikunu effettivi, b'attenzjoni speċjali għal azzjoni konġunta kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, u sabiex dan il-proċess ikun miftuħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma tal-Istat u minn organizzazzjonijiet għad-Drittijiet tal-Bniedem, kemm jekk id-djalogu jsir fir-Russja, kif ukoll jekk isir fi Stat Membru tal-UE; jitlob lill-awtoritajiet Russi biex jieħdu passi immedjati biex jiżguraw is-sigurtà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

11. Jitlob lill-Presidenza Svediża, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw is-Samit sabiex jesprimu b'mod ċar it-tħassib tal-UE dwar numru ta' kwistjonijiet internazzjonali li fihom il-kooperazzjoni kostruttiva min-naħa tar-Russja tkun kruċjali minħabba l-pożizzjoni tar-Russja fil-politika internazzjonali, u dwar il-bżonn ta’ żieda fil-kooperazzjoni fit-trattament tal-kwistjonijiet mal-Iran, mal-Afganistan u mal-Lvant Nofsani u kwistjonijiet kruċjali oħra fl-aġenda internazzjonali;

12. Jitlob lill-Presidenza, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex joħolqu inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu li jkollhom l-għan li jsaħħu s-sigurtà u l-istabilità fil-viċinat komuni, b'mod partikulari permezz ta' djalogu mtejjeb dwar l-isforzi favur id-demokrazija li qed isiru fil-Bjelorussja u permezz ta’ azzjonijiet konġunti biex jissolva l-kunflitt fil-Moldova u l-kwistjonijiet eċċezzjonali fil-Kawkasu tan-Nofsinhar;

13. Jitlob lill-UE u lir-Russja biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jagħmlu progress fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u biex isibu soluzzjoni għall-kwistjoni nukleari Iranjana, b’mod partikulari wara l-ftehim – li ntlaħaq f’Ġinevra fl-1 ta’ Ottubru 2009 bejn l-Iran u l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit – dwar il-pjan dwar il-fjuwil u l-monitoraġġ min-naħa tan-NU tas-sit tal-arrikkiment li qed jinbena u li għadu kif ġie żvelat;

14. Jinnota b’sodisfazzjoni il-progress li sar fid-diskussjonijiet li qed iseħħu bħalissa bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti dwar Trattat għat-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi; jesprimi l-ottimiżmu tiegħu dwar il-fatt li possibilment jintlaħaq qbil sal-aħħar tas-sena;

15. Iħeġġeġ lill-gvernijiet kemm tal-Istati Uniti tal-Amerka kif ukoll tar-Russja biex jinvolvu bis-sħiħ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha fid-diskussjonijiet dwar l-iżviluppi dwar it-tarka ta' difiża kontra l-missili, inkluża l-evalwazzjoni dwar ir-riskju mill-missili, filwaqt li b’dan il-mod jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabilità fid-dinja u b’mod partikulari fl-Ewropa;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1)

ĠU L 327, 28.11.1997, p.3.

(2)

Testi Adottati ta’ dik id-data, P6_TA(2008)0309.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Mejju 2010Avviż legali