Proċedura : 2009/2700(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0132/2009

Testi mressqa :

B7-0132/2009

Dibattiti :

PV 11/11/2009 - 16
CRE 11/11/2009 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/11/2009 - 8.3
CRE 12/11/2009 - 8.3

Testi adottati :

P7_TA(2009)0064

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 142kDOC 87k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0128/2009
4.11.2009
PE428.744v01-00
 
B7-0132/2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Procedura


dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009


Marek Henryk Migalski, Adam Bielan, Ryszard Antoni Legutko, Jacek Olgierd Kurski, Michał Tomasz Kamiński, Tomasz Piotr Poręba, Charles Tannock, Roberts Zīle f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit bejn l-UE u r--Russja fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009  
B7‑0132/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, li daħal fis-seħħ fl-1997 u skada fl-2007,

–   wara li kkunsidra n-negozjati dwar ftehim ġdid ta' kooperazzjoni ġenerali bejn l-UE u r-Russja li ġew mnedija fis-Samit bejn l-UE u r-Russja fis-26 u s-27 ta' Ġunju 2008 f'Khanty-Mansiysk,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, ir-riżoluzzjoni tas-17 ta' Settembru 2009 dwar l-aspetti esterni tal-enerġija u tas-sigurtà tal-enerġija u r-riżoluzzjoni tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Khanty-Mansiysk,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija u r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Kumitat għal Koperazzjoni Parlamentari bejn l-UE u r-Russja wara l-11-il laqgħa tiegħu fi Brussell fis-16-17 ta' Frar 2009,

–   wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra r-riżultat tal-laqgħa tal-Kunsill Permanenti ta' Sħubija bejn l-UE u r-Russja li sar fi Brussell fid-19 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ aġenda tas-Samit bejn l-UE u r-Russja li se jsir fi Stokkolma fit-18 ta’ Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE u r-Russja, li hi membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jaqsmu responsabbiltà għall-istabbiltà dinjija u billi l-kooperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza partikolari għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa; billi r-Russja u l-Istati Membri tal-UE huma kollha membri tal-OSCE,

B.  billi l-adeżjoni proposta tar-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tkun ta' kontribut sostanzjali għat-titjib ulterjuri fir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u r-Russja, soġġetti għal impenn vinkolanti ta' konformità sħiħa mal-impenji u l-obbligi tad-WTO u l-implimentazzjoni tagħhom,

C.  billi l-Federazzjoni Russa impenjat ruħha bis-sħiħ għall-miri tal-Kunsill tal-Ewropa li tiegħu hija membru sħiħ, li b'mod partikolari, tinkludi l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

D.  billi fl-2009 biss fir-Russja kien hemm aktar minn 190 attakk ta' kriminalità tal-mibegħda mmotivati mill-ksenofobija estrema, li ħallew 62 persuna mejta u madwar 250 persuna midruba,

E.  billi r-Russja hija elenkata 153 fil-klassifikazzjoni tal-lista tal-libertà tal-istampa mfassla mill-organizzazzjoni internazzjonali Reporters sans Frontières; billi l-agħar sitwazzjoni hija dik tal-Kawkasu tat-Tramuntana, jiġifieri iċ-Ċeċnja, id-Dagestan, l-Ossezja tat-Tramuntana u l-Karachay-Cherkessia,

F.  billi l-Premju Sakharov 2009 għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewrope ingħata lill-organizzazzjoni Russa tad-difiża tad-drittijiet ċivili Memorial, u t-tliet rappreżentanti tagħha Oleg Orlov, Sergei Kovalev u Lyudmila Alexeyeva, kif ukoll id-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja,

G.  billi Oleg Orlov qiegħed iħabbat wiċċu ma' akkużi ta' libell kriminali, li huma r-riżultat tad-dikjarazzjoni ta' Orlov li Ramzan Kadyrov, il-President tal-Ċeċnja, kien responsabbli għall-qtil ta' Natalia Estemirova, ir-riċerkatur ewlieni ta' Memorial fiċ-Ċeċnja,

H. billi l-qtil ta' attivisti u sostenituri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u fl-isfera ta' influwenza tar-Russja għadu jippersisti, bil-qtil riċenti ta' Natalia Estemirova, Andrei Kulagin, Zarema Sadulayeva, Alik Dzhabrailov u Maksharip Aushev li jiżdiedu mal-lista twila ta' każijiet ta' qtil mhux solvuti ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja,

I.   billi l-intimidazzjoni dejjem tikber ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi tal-oppożizzjoni u ġurnalisti indipendenti f'atmosfera ta' biża' jfixkel il-proċess demokratiku u jkompli jdgħajjef l-istat tad-dritt fir-Russja,

J.   billi l-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien komuni huma fl-interess kemm tar-Russja kif ukoll ta' l-UE; billi l-kriżijiet f'dawn il-pajjiżi għandhom ikunu waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu diskussi b'mod sinċier u miftuħ fir-rigward, b'mod partikulari, tal-kunflitti ffriżati u tad-deċiżjonijiet ta' dispjaċir meħuda mir-Russja li tirrikonoxxi l-indipendenza tat-territorji Ġeorġjani tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar,

K. billi r-Russja ma timplimentax il-politika tagħha fir-reġjun permezz ta' proċessi ta' demokratizzazzjoni, iżda tkompli tuża politiki ta' awtoritarjaniżmu u ta' dipendenza, b'mod partikolari fil-każ tal-Bjelorussja,

L. billi l-enerġija għad għandha rwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u billi l-enerġija hija strument ewlieni tal-politika barranija Russa; billi d-deċiżjoni reċenti tar-Russja li tirtira l-firma tagħha mit-Trattat tal-Karta dwar l-Enerġija (Energy Charter Treaty - ECT) ikompli jikkomplika dawn ir-relazzjonijiet u jpoġġi f'sogru id-djalogu dwar l-enerġija li għaddej bħalissa u l-iżviluppi potenzjali tal-ġejjieni; billi d-dipendenza qawwija tal-UE fuq il-fjuwils fossili ddgħajjef l-iżvilupp ta' approċċ Ewropew ibbilanċjat, koerenti u mmexxi mill-valuri fil-konfront tar-Russja,

M. billi huwa ta' importanza kbira għall-Istati Membri tal-UE li jadottaw pożizzjoni komuni dwar il-politika esterna tas-sigurtà tal-enerġija u ma jċedux għall-offerti Russi li jżidu r-relazzjonijiet bilaterali mal-Istati Membri li l-aktar iridu, bħalma qed jiġri bħalissa fil-każ tal-proġett tal-pajplajn Nord Stream,

N. billi r-Russja qed tkompli tipprovdi l-uranju lill-Iran u għadha impenjata li tibni r-reattur nukleari tagħha f'Bushehr; billi r-Russja donnha li ma tixtieqx li jiġu ssikkati s-sanzjonijiet tan-NU biex b'mod attiv ma jħallux li l-arrikkiment tal-fjuwil nukleari tal-Iranjani jilħaq konċentrazzjonijiet ta' livell militari,

O. billi Russja għadha qed tikkunsidra l-bejgħ ta' missili S300 lill-Iran, u dan iħarbat il-bilanċ militari delikat fir-reġjun,

1.  Jinnota li l-samit UE-Russja fi Stokkolma fit-18 ta' Novembru 2009 se jiffoka fuq il-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-bidla fil-klima, l-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija, is-sigurtà tal-investimenti Ewropej fir-Russja, b'mod partikolari fl-industriji tal-estrazzjoni, u għadd ta' kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u jirrimarka li s-sħubija strateġika qiegħda dejjem aktar tinbidel fi sħubija ta' natura pragmatika b'fehmiet diverġenti ħafna dwar kwistjonijiet ewlenin;

3.  Jistieden lill-Awtoritajiet Russi sabiex jiżguraw li l-qattiela ta' Natalia Estemirova, Andrei Kulagin, Zarema Sadulayeva, Alik Dzhabrailov, Maksharip Aushev u Anna Politkowskaya jinstabu u jiġu proċessati;

4.  Jitlob li tiġi nkluża taqsima dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehim fundamentali ġdid bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea;

5.  Jappella għall-waqfien immedjat tal-kawża kriminali ta' libell kontra Oleg Orlov, il-mexxej tal-grupp tad-drittijiet tal-bniedem Memorial; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-UE sabiex jagħfsu lir-Russja biex tipproteġi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u sabiex taħdem għal impenn mir-Russja li l-liġijiet tagħha ta' libell iġġibhom konformi mal-obbligi internazzjonali tagħha, b'mod partikolari dawk tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa, sabiex titħares il-libertà ta' espressjoni;

6.  Jistieden lill-Awtoritajiet Russi biex iwaqqfu ċ-ċensura u l-fastidju tal-mezzi tax-xandir, inklużi l-intimidazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġurnalisti;

7.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu ħafna attenzjoni lill-tieni proċess li għaddej bħalissa ta' Mikhail Khodorkovsky, l-ex-Kap ta' Yukos Oil, li fih diġà sar ksur serju tal-prinċipju ta' proċess ġust, inkluża iżda mhux biss l-allegata tortura ta' Vasily Aleksanyan, u li huwa meqjus bħala l-każ ewlieni li jittestja l-isforzi tal-President Medvedev biex jistabbilixxu sistema ġudizzjarja indipendenti fir-Russja;

8.  Jenfasizza li r-Russja ma tistax titqies bħala fornitur affidabbli tal-enerġija għall-Ewropa wara li din qatgħet il-provvista għall-Ewropa; jenfasizza li l-affidabilità tas-sħab kummerċjali u s-solidarjetà bejn il-membri tal-UE hija kruċjali għas-sigurtà ġejjiena tal-provvisti tal-gass; jittama li ma tirrepetix ruħha l-kriżi tal-gass bejn ir-Russja u l-Ukraina f'Diċembru li ġej;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi limitat is-sehem tal-Gazprom fis-swieq tal-enerġija Ewropej, u jistieden lill-Kummissjoni biex tirreaġixxi għal dan il-proċess kontinwu, partikolarment minħabba li l-Gazprom bħalissa hi preżenti fi sbatax-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea u qed tkompli tippenetra s-swieq tal-enerġija Ewropej, filwaqt li fl-istess ħin ir-Russja tipproteġi s-swieq tal-gass domestiċi tagħha minn kompetizzjoni barranija;

10. Jenfasizza li l-proġett tal-pajplajn tal-gass South Stream jipperikola l-proġett tal-pajplajn Nabucco, li għandu jitqies bħala wieħed strateġiku mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef l-isforzi biex jitkompla l-bini tal-pajplajn Nabucco, bħala l-aktar alternattiva serja għall-proġetti mwettqa b'koperazzjoni mar-Russja, li kollha potenzjalment iżidu d-dipendenza ekonomika u politika tal-Istati Membri tal-UE fuq ir-Russja;

11. Jinsab imħasseb dwar in-natura offensiva tal-'manuvri militari' riċenti tar-Russja u jiddispjaċih li l-eżerċizzji militari konġunti 'Zapad 2009' ikkonċentraw fuq li jżommu milli jseħħ attakk tan-NATO fuq il-Belarus; jiddispjaċih li l-Logutenent Ġeneral Sergey Skokov, il-Kap tal-Persunal Ewlieni tal-Forzi Armati Russi, innota li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma' 'theddid potenzjali' mill-Punent; huwa mħasseb li xenarju ta' 'theddida tal-Punent' qed jiġi sfruttat għall-implimentazzjoni tal-isforzi ta' modernizzazzjoni tal-forzi armati Russi;

12. Jinsab imħasseb dwar il-bidliet ippjanati għad-duttrina nukleari tal-Federazzjoni Russa inkorporata fid-duttrina militari l-ġdida bl-isem 'Il-Wiċċ Ġdid tal-Forzi Armati Russi sal-2030' u l-kummenti magħmula minn Nikolai Patrushev, is-Segretarju tal-Kunsill tas-Sigurtà Russu u l-ex-Direttur tas-Servizz tas-Sigurtà Federali li indika li se jiġu fformulati dispożizzjonijiet il-ġodda rigward il-possibbiltajiet ta' attakki nukleari ta' prevenzjoni;

13. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-ramifikazzjonijiet għas-sigurtà internazzjonali wara li d-Duma adottat emendi għal-liġi "dwar id-difiża" sottomessi mill-President tar-Russja, li jgħidu li r-Russja tista' tuża l-forza militari f'operazzjonijiet barra mill-fruntieri tagħha għall-iskop li jilqgħu għal attakk kontra l-Forzi Russi jew truppi oħra skjerati lil hinn mill-fruntieri tar-Russja, biex jilqgħu jew jevitaw aggressjoni kontra pajjiż ieħor jew biex jipproteġu ċ-ċittadini Russi barra l-pajjiż; dan l-aħħar punt hu partikolarment kontroversjali minħabba li r-Russja qed issegwi politika li tagħti passaporti illegali Russi fit-territorji fejn hemm kunflitti ffriżati u fil-Krimea fl-Ukraina;

14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex isegwu inizjattivi konġunti mal-gvern Russu mmirati lejn it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-istabilità fid-dinja bħall-paċi fil-Lvant Nofsani bejn l-Iżrael u d-dinja Għarbija permezz tas-sħubija fil-Kwartett tan-NU, it-taħditiet tas-sitt pajjiżi mal-Korea ta' Fuq (DPRK) u b'mod partikulari fil-viċinanzi komuni u biex tinkiseb soluzzjoni paċifika tal-kunflitti fin-Nagorno Karabakh, fit-Transnistria u fuq kollox bejn il-Ġeorġja u r-reġjuni li nfirdu minn magħha - l-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja; jiddeplora d-deċiżjoni tar-Russja li tirrikonoxxi l-indipendenza tar-repubbliki li nfirdu minn mal-Ġeorġja, jiġifieri l-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar u jistieden lill-awtoritajiet ta' Moska sabiex jirrispettaw bis-sħiħ il-"ftehim ta' sitt punti" konkluż fit-12 ta' Awwissu 2008 li jippermetti lill-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE għall-Ġeorġja (EUMM Georgia) biex ikollha aċċess mingħajr xkiel għaż-żewġ territorji li nfirdu;

15. Itenni l-impenn tiegħu għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja u jistieden lill-partijiet kollha biex jikkonformaw bi sħiħ mal-impenji tagħhom; ifakkar li l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fil-Ġeorġja hija inkarigata mill-pajjiż kollha u jitlob li l-Missjoni jkollha aċċess bla xkiel fl-Abkażja u fl-Ossezja tan-Nofsinhar, aċċess li s'issa kien ġie miċħud; jerġa' jafferma l-impenn sħiħ tiegħu għat-taħditiet ta' Ġinevra u għall-kontinwazzjoni tal-presidenza konġunta ta' dan il-forum mill-UE, in-NU u l-OSCE;

16. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sigurtà tas-settur nukleari fil-Federazzjoni Russa u l-pjanijiet tagħha li tesporta teknoloġija u materjal nukleari lejn pajjiżi oħra, b'mod partikolari l-Iran, it-theddid assoċjat ta' sigurtà nukleari u proliferazzjoni nukleari li dan jipproduċi; jistieden lill-Federazzjoni Russa biex twaqqaf il-konsinji ta' materjal nukleari kif ukoll ta' ripproċessar nukleari, peress li dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu riskji potenzjali ta' proliferazzjoni;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni u lill-Istati Membri, il-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-Kunsill tal-Ewropa.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Mejju 2010Avviż legali