Proċedura : 2009/2614(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0141/2009

Testi mressqa :

B7-0141/2009

Dibattiti :

PV 24/11/2009 - 3
CRE 24/11/2009 - 3

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2009 - 7.5
CRE 25/11/2009 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2009)0089

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 194kDOC 141k
17.11.2009
PE428.759v01-00
 
B7-0141/2009

żieda għall-istqarrijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura


dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (COP 15)


Jo Leinen, Karl-Heinz Florenz, Dan Jørgensen, Chris Davies, Satu Hassi, Bas Eickhout, Martin Callanan, Bairbre de Brún, f’isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (COP 15)  
B7‑0141/2009

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC), u l-Protokoll ta’ Kyoto għall-UNFCCC,

–    wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali (Deċiżjoni 1/COP 13),

–    wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet (COP 15) tal-UNFCCC li jmiss kif ukoll il-ħames Konferenza tal-Partijiet li qed isservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 5) li se jsiru f'Kopenħagen, fid-Danimarka, mis-7 sat-18 ta’ Diċembru 2009,

–    wara li kkunsidra l-pakkett dwar il-klima u l-enerġija adottat mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Diċembru 2008, b'mod partikulari d-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra(1) u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020(2),

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità(3),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu ‘Żieda fil-finanzjament internazzjonali għall-klima: Pjan Ewropew għall-ftehim ta’ Kopenħagen’ (COM(2009)0475),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-bidla fil-klima, u b’mod partikulari dawk tal-4 ta’ Frar 2009 dwar ‘L-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima’(4) u tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar ‘Strateġija tal-UE favur ftehim komprensiv dwar il-bidla fil-klima f'Kopenħagen u l-finanzjament xieraq tal-politika dwar il-bidla fil-klima’(5),

–    wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta tal-20 ta’ Diċembru 2005 tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-politika għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: "Il-Kunsens Ewropew", u b’mod partikulari, il-punti 22, 38, 75, 76 u 105 tagħha,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2008 bit-titlu "Il-Bini ta’ Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima (GCCA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw u li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima"(6),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-negozjati dwar ftehim internazzjonali komprensiv dwar il-bidla fil-klima għal wara l-2012 mistennija li jkunu konklużi f'Kopenħagen f'Diċembru 2009; billi dan il-ftehim għandu jkun konsistenti mal-aħħar evidenza xjentifika, li tindika li l-bidla fil-klima qed isseħħ b’rata aktar mgħaġġla u b’mod aktar aggressiv milli kien ikkalkulat, u mal-objettiv li ż-żieda globali fit-temperatura medja annwali tal-wiċċ tiġi limitata għal 2°C jew aktar ’il fuq mil-livelli ta’ qabel l-era industrijali (“l-objettiv ta' 2°C”),

B.   billi sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ 2°C, huwa neċessarju li l-pajjiżi żviluppati jieħdu l-inizjattiva li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tagħhom kif ukoll li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu wkoll sabiex jinkiseb dan l-objettiv,

C.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu dawk li l-inqas ikkontribwew għall-bidla fil-klima iżda qed jiffaċċjaw l-aktar konsegwenzi severi tagħha, u billi l-bidla fil-klima qed tpoġġi f’sogru 40 % tal-investiment biex jonqos il-faqar, u b’hekk qed jiġu mhedda l-effikaċja u s-sostenibilità tal-attività għall-iżvilupp; billi jidher ċar li hemm bżonn ta’ aktar koordinazzjoni, kumplimentarjetà u koerenza bejn l-inizjattivi dwar il-bidla fil-klima u dawk għall-iżvilupp,

D. billi l-bidla fil-klima tista’ tkompli tkabbar il-potenzjal għall-kunflitti dwar ir-riżorsi naturali minħabba l-ammont dejjem jonqos ta’ meded ta’ raba’ tajjeb għall-kultivazzjoni, l-iskarsezza dejjem ikbar tal-ilma jew id-deforestazzjoni, jew minħabba l-migrazzjoni għal raġunijiet klimatiċi,

E. billi d-deforestazzjoni hi responsabbli għal madwar 20% tal-emissjonijiet dinjija ta’ gassijiet b'effett serra, hija kawża ewlenija li twassal għat-telf tal-bijodiversità u tikkostitwixxi theddida serja għall-iżvilupp u, b’mod partikulari, għall-għajxien tal-fqar,

F.   billi hemm bżonn li r-riżorsi finanzjarji jiżdiedu b’mod sinifikattiv sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament u għaldaqstant għandhom ikunu disponibbli riżorsi sabiex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima b’impenn simili għal dak li kien meħtieġ biex tiġi indirizzata l-kriżi finanzjarja attwali,

G. billi ħafna mill-flus imwiegħda għall-bidla fil-klima ġejjin mill-baġits tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), u b’hekk qed jiġu żvijati fondi mill-għajnuna għall-iżvilupp u qed tinħoloq theddida serja għat-tnaqqis tal-faqar u l-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs),

H.  billi l-UE hi l-unika entità reġjonali fid-dinja li aċċettat objettivi vinkolanti għall-kisba tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra billi adottat il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija msemmi hawn fuq li jikkonsisti f'miżuri leġiżlattivi biex sal-2020 jiġi implimentat tnaqqis unilaterali ta' 20% fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990, bl-impenn li dan jiżdied għal tnaqqis ta' 30% jew aktar, f'konformità mal-aħħar żviluppi xjentifiċi, jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali vinkolanti u ambizzjuż biżżejjed f'Kopenħagen, li jirrikjedi sforz simili mill-pajjiżi żviluppati l-oħra u kontribuzzjonijiet xierqa mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma aktar avvanzati ekonomikament, kontribuzzjonijiet li jkunu jikkorrispondu għar-responsabilitajiet u l-possibilitajiet tagħhom,

I. billi trasformazzjoni globali fit-teknoloġija u l-kooperazzjoni teknoloġika hi meħtieġa sabiex taċċellera l-pass tal-innovazzjoni u żżid l-iskala tad-dimostrazzjoni u tal-applikazzjoni sabiex il-pajjiżi kollha jista’ jkollhom aċċess għal teknoloġiji sostenibbli bi prezz raġjonevoli,

J.    billi l-effiċjenza fl-enerġija għandha rwol kruċjali biex ikunu limitati l-emissjonijiet tas-CO2, b’mod partikulari l-inizjattivi riċenti dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-binjiet u r-regoli dwar l-ittikkettar tal-enerġija,

K. billi l-miżuri klimatiċi ambizzjużi jagħtu kontribut sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi ekonomika attwali billi jinħolqu l-impjiegi u tiżdied l-attività ekonomika, u billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tqis li hu meħtieġ ftehim ambizzjuż f’Kopenħagen biex l-investimenti li batew minn dewmien minħabba l-kriżi jiġu diretti lejn investimenti ambjentalment sostenibbli,

L. billi għadd ta’ pajjiżi terzi ħadu miżuri sabiex jiġġieldu l-bidla fil-klima, bħalma huma l-miri għal tnaqqis fl-emissjonijiet,

M. billi huwa meħtieġ pakkett komprensiv f’Kopenħagen sabiex tiġi trattata r-rilokazzjoni tal-karbonju u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fil-mixja lejn azzjoni ta’ tnaqqis ta’ 30 % fl-emissjonijiet tal-gass b’effett serra,

N. billi tnaqqis effettiv tal-gassijiet b'effett serra jirrikjedi approċċ olistiku li jkopri s-setturi kollha tal-produzzjoni u tal-mobilità responsabbli mill-emissjonijiet u li dan it-tnaqqis jiġi meqjus fil-qafas tat-tranżizzjoni b’suċċess lejn mudell ekonomiku sostenibbli, li jipprovdi għall-kwalità ambjentali li timxi id f’id mat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-ġid u l-progress teknoloġiku,

Għan

1.   Iħeġġeġ lill-UE biex tkompli tiżviluppa politika esterna dwar il-klima u titkellem b’vuċi waħda sabiex iżżomm l-irwol ta' tmexxija tagħha fin-negożjati fis-COP 15, u biex iżżomm livell għoli ta’ ambizzjoni fid-diskussjonijiet mas-sħab internazzjonali tagħha, sabiex jinkiseb ftehim internazzjonali ambizzjuż f’Kopenħagen, f’konformità mal-aħħar żviluppi fix-xjenza u f’konsistenza mal-objettiv ta’ 2ºC;

2.   Jistieden lill-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern sabiex jagħtu l-prijorità kollha possibbli lil din il-kwistjoni u juru tmexxija politika u jenfasizza l-importanza li l-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern ikunu disponibbli sabiex jattendu s-sessjoni ta’ livell għoli tas-COP 15 sabiex tkun evitata kull possibilità li ftehim li jinvolvi impenji nazzjonali sinifikanti u fuq medda twila ta’ żmien ma jintlaħaqx minħabba li n-negozjaturi preżenti ma jkollhomx il-mandat politiku jew l-awtorità meħtieġa;

3.   Jenfasizza li, sabiex ikunu żgurati impenji li jkomplu wara li jiskadi l-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta' Kyoto, huwa vitali li f’Kopenħagen jiġu konklużi n-negozjati tal- ftehim għal wara l-2012, u jirrimarka li dewmien ulterjuri fl-azzjoni globali jista' jwassal għal sitwazzjoni fejn il-ġenerazzjonijiet futuri ma jkunux jistgħu jikkontrollaw il-bidla fil-klima;

Impenji għat-tnaqqis

4.   Jenfasizza li l-ftehim internazzjonali għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta' “responsabilità komuni iżda differenzjata”, fejn il-pajjiżi żviluppati jkollhom irwol ta’ tmexxija fit-tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi tagħhom filwaqt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ekonomiji emerġenti, b’mod partikulari ċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil jimpenjaw ruħhom ukoll, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali, li jieħdu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni xierqa fuq livell nazzjonali fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli appoġġjati u magħmula possibbli, b’mod li jista’ jitkejjel, jiġi rrapurtat u verifikat, permezz ta’ teknoloġija, finanzjament u bini tal-kapaċità minn pajjiżi żviluppati;

5.   Jemmen li l-ftehim ta' Kopenħagen għandu jorbot lill-partijiet għal tnaqqis mandatorju u jipprovdi sanzjonijiet fuq livell internazzjonali f’każ ta’ nuqqas ta' konformità, sanzjonijiet li l-forma tagħhom għad trid tiġi definita;

6.   Ifakkar li l-ftehim internazzjonali għandu jiżgura tnaqqis kollettiv tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra fil-pajjiżi żviluppati fil-parti l-għolja tal-firxa ta’ bejn il-25 u l-40 % għall-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 kif irrakkomandat mir-Raba’ Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC 4AR), u li data xjentifika riċenti tindika li hu meħtieġ tnaqqis ta’ mill-inqas 40%; u jitlob li dan it-tnaqqis ikun wieħed domestiku; ifakkar li għandu jiġi stabbilit objettiv ta’ tnaqqis fuq perjodu twil ta’ żmien għall-UE u għall-pajjiżi żviluppati l-oħrajn tal-anqas ta’ 80% sal-2050 vis à vis il-livelli tal-1990; ifakkar li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett serra għandhom jibdew jonqsu sa mhux aktar tard mill-2015; jenfasizza l-ħtieġa li l-miri ta’ tnaqqis miftiehma fil-ftehim internazzjonali jkunu konformi mal-objettiv ta’ 2°C u l-aħħar żviluppi xjentifiċi; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm reviżjonijiet regolari tal-ftehim sabiex ikun żgurat li l-miri tat-tnaqqis ikunu ambizzjużi biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv ta’ 2°C u li dawk il-miri jkomplu jkunu konformi mal-aħħar żviluppi xjentifiċi; jitlob sabiex jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ kontabilità dinji tal-karbonju;

7.   Jitlob li l-ftehim ta' Kopenħagen ikun jinkludi r-rekwiżiti ta' rappurtaġġ li permezz tagħhom il-Partijiet interessati tal-Anness I ikollhom jistabbilixxu pjanijiet ta' azzjoni għall-kisba ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett serra fil-perjodu sal-2050, bi qbil mal-limitu ta' 2°C;

8.   Jirrikonoxxi l-impenn tal-Ġappun li jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu b’25 % sal-2020, u jilqa’ b’sodisfazzjon is-sinjali pożittivi min-naħa taċ-Ċina; iħeġġeġ, fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, lill-Istati Uniti sabiex tagħmel vinkolanti l-għanijiet stipulati waqt l-elezzjoni elettorali, biex b’hekk tagħti sinjal qawwi tar-rieda tal-pajjiżi żviluppati ewlenin li jiġġieldu l-bidla fil-klima; jenfasizza f’dan ir-rigward li huwa wkoll estremament importanti li l-Indja tagħti kontribut;

9.   Ifakkar li l-ftehim internazzjonali għandu wkoll jiżgura li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod kollettiv jillimitaw it-tkabbir tal-emissjonijiet tagħhom għal bejn il-15% u t-30% inqas minn dik li hi n-norma bħalissa sabiex jiġi żgurat li l-għan ta’ 2 ºC jinkiseb;

10. Jitlob lill-UE sabiex tistieden lill-membri tas-COP 15 biex jiżviluppaw viżjoni komuni għas-sena 2050 u lil hinn minnha;

11. Barra minn hekk, ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu li ċerti prinċipji adottati fil-pakkett tal-klima u l-enerġija jintużaw bħala mudell għall-ftehim internazzjonali, b'mod partikulari l-pjan lineari vinkolanti għall-impenji tal-pajjiżi żviluppati, id-divrenzjar fuq il-bażi ta' emissjonijiet ivverifikati u l-prodott gross domestiku (PGD), u sistema ta' konformità msaħħa b'fattur ta’ tnaqqis annwali;

Finanzjament

12.  Jenfasizza li ftehim f’Kopenħagen jista’ jipprovdi l-istimulu neċessarju għal ‘Patt Ġdid Sostentibbli’ li jagħti spinta sostenibbli lit-tkabbir soċjali u ekonomiku, jippromwovi t-teknoloġiji ambjentalment sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li jnaqqas il-konsum tal-enerġija u jiżgura impjiegi ġodda u koeżjoni soċjali kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar fir-Rapport Stern dwar l-Ekonomija tal-Bidla fil-Klima b’riferiment għal inċentivi ekonomiċi ċari biex il-komunità internazzjonali taġixxi kemm jista' jkun malajr biex tindirizza l-bidla fil-klima; jirrikonoxxi li l-investimenti inizjali mis-settur pubbliku f’infrastruttura tal-enerġija sostenibbli u f’riċerka u żvilupp komplementari jnaqqsu l-ispiża soċjali tal-bidla fil-klima;

13. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiżi kollha biex tkun indirizzata l-isfida tal-bidla fil-klima tista’ sseħħ biss jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ekonomiji emerġenti jkunu jistgħu jżommu tkabbir ekonomiku sostenibbli; jitlob, għaldaqstant, li jiġu definiti strateġiji ta’ reazzjoni li jkunu iktar integrati verament fir-rigward tal-isfidi tal-iżvilupp u l-bidla fil-klima;

14. Jinnota li l-bidla fil-klima hija sfida li għaliha m’hemmx soluzzjoni politika unika, iżda li l-ġabra flimkien tal-opportunitajiet eżistenti u ż-żieda sostanzjali fl-effiċjenza fl-oqsma kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà fil-pajjiżi żviluppati u f'dawk li qed jiżviluppaw tikkontribwixxi għas-sejba ta' soluzzjoni għall-problema tar-riżorsi u t-tqassim, u tħejji t-triq għat-tielet rivoluzzjoni industrijali;

15. Jenfasizza li n-nies fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jiġu affettwati l-iktar mill-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u li huwa għalhekk ukoll fl-interess ta' dawk il-pajjiżi li jsir kontribut għall-konklużjoni b'suċċess tal-konvenzjoni dwar il-bidla fil-klima;

16. Jenfasizza r-responsabilità tal-pajjiżi żviluppati biex jipprovdu appoġġ tekniku u finanzjarju li jkun suffiċjenti, sostenibbli u prevedibbli lill-pajjiiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn ikunu jistgħu jimpenjaw ruħhom biex jonqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra, jadattaw ruħhom għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u jnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni tal-foresti, kif ukoll biex iżidu l-bini tal-kapaċità tagħhom sabiex jikkonformaw mal-obbligi skont il-ftehim internazzjonali futur dwar il-bidla fil-klima;

17. Jinsisti li dawn l-impenji, sabiex jipprovdu l-appoġġ finanzjarju meħtieġ u prevedibbli għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima fil-kuntest tal-UNFCCC, iridu jkunu ġodda u lil hinn mill-ODA u indipendenti minn proċeduri baġitarji annwali fl-Istati Membri; ifakkar li r-riżorsi għandhom jitqassmu mhux bħala self, iżda bħala għotjiet; ifakkar dwar l-impenji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) li jeżistu diġà bil-għan li jinkiseb 0.7 % tal-PGD sal-2015;

18. Ifakkar li l-kontribuzzjoni kollettiva tal-UE għall-isforzi ta' mitigazzjoni u l-bżonnijiet ta' adattament tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw m’għandhiex tkun anqas minn EUR 30 000 miljun fis-sena sal-2020, ċifra li tista’ tiżdied ma’ għarfien ġdid dwar il-gravità tal-bidla fil-klima u l-iskala tal-ispejjeż tagħha;

19. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex iżżid b'mod sostanzjali l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex dawn jadattaw għall-bidla fil-klima u biex jittaffew l-effetti ta' din il-bidla fuqhom billi jsir stħarriġ dwar mekkaniżmi finanzjarji innovattivi (pereżempju il-bdil ta’ self ta’ flus ma’ interventi favur l-ambjent (debt-for-nature swaps), jew inkella permezz ta' tassazzjoni fuq tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali);

20. Jenfasizza li parti sostanzjali mid-dħul iġġenerat mill-irkant ta’ ċertifikati fl-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE, inkluż l-irkant għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu, għandha tiġi allokata sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jiġġieldu l-bidla fil-klima u jadattaw ruħhom għaliha; jenfasizza, madankollu, li 'l fuq minn 50 % tal-emissjonijiet tal-UE mhumiex koperti mill-ETS li nbdiet fl-2005; ifakkar li huwa għalhekk meħtieġ li jiġu żviluppati strateġiji alternattivi sabiex kull parti tal-ekonomija, mhux biss l-industrija, u partikolarment l-Istati Membri, jerfgħu l-piż tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u jassumu r-responsabilitajiet tagħhom;

21. Jenfasizza li r-reviżjoni tal-baġit tal-UE li jmiss teħtieġ tiffoka fuq id-disponibilità suffiċjenti ta' riżorsi għal miżuri ta' protezzjoni kontra l-bidla fil-klima u ta' adattament għaliha;

22. Jirrakkomanda li l-pajjiżi żviluppati jikkunsidraw l-allokazzjoni ta' perċentwali tal-PGD tagħhom għall-ħolqien ta' fond ta' kooperazzjoni għall-ħolqien ta' teknoloġiji tal-enerġija favur l-ambjent, b'mod indipendenti minn fondi ta' għajnuna għall-iżvilupp eżistenti;

23. Jappoġġja l-proposta tan-Norveġja għal Unitajiet ta' Ammont Assenjati u l-proposti tad-Danimarka u tal-Messiku;

24. Jitlob sabiex l-istrutturi amministrattivi mwaqqfa fir-rigward tal-finanzjament ambjentali taħt il-Ftehim ta' Kopenħagen jiżguraw rappreżentanza ugwali ta' pajjiżi żviluppati u ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza, barra minn hekk li, sabiex jiġi garantit li t-trasferimenti finanzjarji jintużaw b’mod sostenibbli, għandha tiġi applikata l-esperjenza akkwistata mill-politiki għall-iżvilupp u l-prinċipji stabbiliti bħall-“governanza tajba”; jirrimarka li l-pajjiżi donaturi għandhom jinvestu fit-tkabbir tal-''kapaċità ta' assorbiment'' fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex dawn tal-aħħar ikunu kapaċi jużaw ir-riżorsi b'mod effettiv;

Kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

25. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-ftehimiet ta’ sħubija tagħhom dwar il-klima li għandhom bħalissa mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex jidħlu fi ftehimjiet ta’ sħubija ġodda fejn huma għadhom ma jeżistux, u jipprovdu appoġġ finanzjarju ferm ikbar għall-iżvilupp u t-trasferiment teknoloġiku, għal ftehim dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali, inkluż għal Programmi Nazzjonali ta' Azzjoni għall-Adattament (NAPAs) bħala strumenti importanti ta' adattament għall-bidla fil-klima, filwaqt li jippromwovu r-responsabilità;

26. Jinsisti li l-ftehim internazzjonali ta' wara l-2012 dwar il-bidla fil-klima għandu jqis il-proċessi ta' żvilupp eżistenti kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f'dak nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibnu r-rabtiet meħtieġa bejn il-bidla fil-klima u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) billi jinkludu l-adattament għall-bidla fil-klima u l-mitigazzjoni tagħha fil-proġetti u l-programmi għall-kisba tal-MDGs u fl-istrateġiji kollha għat-tnaqqis tal-faqar;

27. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu b'mod sostanzjali l-baġit għall-GCCA u jissuġġerixxi li sors ta' finanzjament jista' jinkiseb mid-dħul mistenni mill-irkant fil-kuntest tal-Iskema ta' skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra tal-UE (EU ETS); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-GCCA ssir clearing house għall-finanzjament ta' adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'hekk jiġi evitat il-ħolqien ta' inizjattivi bilaterali ġodda tal-UE;

28. Iqis li l-bidla fil-klima tikkawża l-ispostament tal-persuni u għalhekk toħloq migrazzjoni ġdida furzata li għandha tiġi indirizzata kif xieraq mill-komunità internazzjonali; jistieden lill-komunità internazzjonali biex tidentifika u tindirizza n-nuqqasijiet legali li jeżistu fir-rigward tal-ħarsien tar-refuġjati minħabba l-bidla fil-klima u biex tagħti bidu għal sistema speċifika ta' assistenza u ħarsien;

29. Jenfasizza l-bżonn li jkunu żgurati r-responsabilità u l-fiduċja istituzzjonali bit-twaqqif ta’ rappreżentanza ġusta ta' pajjiżi donaturi u ta' pajjiżi riċevituri fil-korp ta' ġestjoni tal-istituzzjonijiet ta' finanzjament għall-adattament;

Enerġija u effiċjenza tal-enerġija

30. Iqis li t-trasformazzjoni globali lejn ekonomija sostenibbli effiċjenti mhux biss hija meħtieġa sabiex tevita bidla perikoluża fil-klima bit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra, iżda għandha wkoll il-potenzjal li żżid l-investimenti, l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja mingħajr ma tikkomprometti l-objettiv li jiġi żgurat aċċess għal servizzi tal-enerġija modern għal kulħadd; jenfasizza l-bżonn urġenti li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija fuq skala globali u li tiżdied il-kwota tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli;

31. Iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha, inklużi l-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri tagħha, biex jaħdmu favur l-effiċjenza tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jgħollu l-livell tal-ambizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-pakkett dwar l-effiċjenza tal-enerġija, partikolarment fir-rigward tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment fl-Enerġija tal-Bini, biex jiġi konkluż ftehim dinamiku u koeżiv mal-Kunsill, u b'hekk jingħata messaġġ qawwi dwar l-impenn tal-UE fid-dawl tal-ftehim ta' Kopenħagen, u b’hekk tiġi ffaċilita t-tranżizzjoni ta’ tnaqqis ta’ 30% tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra;

32. Jenfasizza li l-użu fuq skala kbira tal-fjuwils fossili fil-ġenerazzjoni tal-enerġija jikkostitwixxi sors ewlieni ta' emissjonijiet tas-CO2 madwar id-dinja; jirrikonoxxi li l-fjuwils fossili fuq medda ta' żmien medja se jibqa' jkollhom rwol importanti fil-provvista tal-enerġija; jitlob lill-partijiet involuti fin-negozjati biex jagħtu importanza kbira favur żvilupp ulterjuri u l-użu ta' teknoloġiji ta' fjuwils fossili sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fil-produzzjoni tal-elettriku;

33. Jistieden lill-UE biex tiċċara taħt liema kundizzjonijiet hija tkun lesta li żżid l-impenn tagħha għat-tnaqqis, meta tikkunsidra l-fatt li l-aħħar rakkomandazzjonijiet jitolbu impenn ta' 40 % ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, u li l-opinjoni pubblika kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw, tidher li hija lesta li taċċetta impenn bħal dan;

34. Iqis li kemm il-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll il-finanzjament ta' impenji għandhom jiġu soġġetti għal skema ta' konformità msaħħa, inkluż mekkaniżmu ta' twissija bikrija u sanzjonijiet, bħall-irtirar futur ta' Unitajiet ta' Ammont Assenjati;

Adattament

35. Jenfasizza r-responsabilità storika tal-pajjiżi żviluppati fir-rigward tal-bidla irriversibbli fil-klima, u jfakkar fl-obbligu ta’ għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-inqas żviluppati biex jadattaw għal din il-bidla;

36. Jistieden, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini tal-kapaċità sabiex jistgħu jadattaw ruħhom għall-bidla fil-klima u biex jingħata appoġġ teknoloġiku adegwat għal dawk il-pajjiżi l-iktar milquta mill-bidla fil-klima;

37. Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ukoll iżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni urġenti ta' azzjonijiet ta' adattament fi ħdan l-UE sabiex ir-riżorsi jkunu merfugħa għal azzjoni internazzjonali futura;

Kooperazzjoni u riċerka teknoloġika

38. Jemmen li jeħtieġ approċċ ġdid għall-kooperazzjoni teknoloġika biex tinkiseb l-aċċellerazzjoni meħtieġa fl-innovazzjoni u fl-iskala ta' użu sabiex il-pajjiżi kollha jkollhom aċċess għal teknoloġiji favur l-ambjent bi prezz raġjonevoli, filwaqt li jiġu rispettati l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

39. Iqis li l-Ftehim ta' Kopenħagen għandu jipprovdi għal Programmi ta' Azzjoni relatati mat-Teknoloġija sabiex teknoloġiji ewlenin għall-adattament u l-mitigazzjoni jipprovdu appoġġ tul il-katina teknoloġika kollha b’għanijiet bħal żieda b’mod konsiderevoli tal-finanzjament għall-mitigazzjoni u l-adattament relatati mal-RD&D; f'dan il-kuntest jappoġġja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li, b'mod globali, l-RD&D relatata mal-enerġija mill-inqas għandha tirdoppja sal-2012 u tiżdied b'erba' darbiet sal-2020;

40. Iħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati biex jinvestu iktar fir-riċerka fil-qasam ta' teknoloġiji ġodda u avvanzati favur proċessi ta' produzzjoni sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija; iqis bħala essenzjali li jiżdied il-finanzjament għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-bidla fil-klima fil-kuntest tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka (FP7);

Suq Globali tal-Karbonju

41. Jenfasizza li, għalkemm is-soluzzjonijiet tas-suq, li jinkludu l-iżvilupp ta’ suq global tal-karbonju, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ ‘limiti massimi u skambji' (‘cap and trade’) jew skemi ta’ taxxa fil-pajjiżi żviluppati, mhumiex is-soluzzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-futur qarib, dan għandu jibqa’ l-għan fuq perjodu ta’ żmien twil għan-negozjati kollha; jistieden lill-UE u lis-sħab tagħha fid-dinja sabiex, fil-futur immedjat, isibu l-aktar mod effettiv biex ikunu promossi rabtiet bejn l-ETS UE u skemi reġjonali u federali tal-kummerċ fl-Istati Uniti u bnadi oħra, li dawn imbagħad jistgħu jwasslu għal aktar diversità fl-għażliet ta’ tnaqqis, ta’ titjib fid-daqs u l-likwidità tas-suq, u fl-aħħar nett ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi aktar effiċjenti;

42. Jirrimarka li suq globali tal-karbonju li jiffunzjona sew hu essenzjali għall-ekonomija tal-UE sabiex jista' jlaħħaq mal-impenji ambizzjużi tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra sal-2020; jenfasizza l-ħtieġa ta’ ftehim internazzjonali u komprensiv post-2012 li jistipula sforzi kumparabbli minn pajjiżi żviluppati oħra sabiex jingħeleb il-periklu ta’ rilokazzjoni tal-karbonju b’mod partikulari bil-għan li jintlaħqu l-miri fuq perjodu ta’ żmien twil tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-irwol importanti li għandha l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi żviluppati;

43. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif tal-Protokoll ta’ Kyoto (CDM) bħala possibilità li tippermetti lill-pajjiżi żviluppati li jipparteċipaw fis-suq tal-karbonju u li tipprovdihom b’teknoloġiji moderni u effiċjenti; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta’ metodi ta’ kumpens biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-pajjiżi żviluppati ma jistax ikun parti mir-responsabilità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġu mitigati l-emissjonijiet tagħhom ta' gass b'effett serra fi ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, u dan mhuwiex sostitut għall-appoġġ finanzjarju u teknoloġiku lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-azzjoni ta’ mitigazzjoni tagħhom;

44. Jinsisti, barra minn hekk, li standards stretti ta' kwalità tal-proġetti għandhom ikunu parti minn mekkaniżmi futuri ta' metodi ta’ kumpens biex jiġi evitat li l-pajjiżi żviluppati jieħdu l-alternattivi ta' tnaqqis li ma jiswewx ħafna flus lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jinsisti li jkun garantit standard għoli ta’ dawn il-proġetti, b’ammonti ta’ tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet li jkunu affidabbli, verifikabbli u reali li jappoġġjaw ukoll żvilupp sostenibbli f’dawn il-pajjiżi;

45. Hu tal-fehma li s-CDM u l-Implimentazzjoni Konġunta (JI) għandhom ikunu riformati, filwaqt li jitqiesu l-istandards tal-kwalità tal-proġetti, b’hekk dawn isiru għodda effettiva għall-protezzjoni tal-klima u għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi żviluppati;

46. Jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jissodisfaw l-impenji ta’ mitigazzjoni primarjament fl-UE u jfakkar lill-partijiet kollha li l-użu ta’ mekkaniżmi flessibbli għandu jkun limitat;

Bidla fl-Użu tal-Art, Deforestazzjoni, Degradazzjoni tal-Foresti u tar-Riżorsi Naturali

47. Iqis li għandu jkunu pprovdut appoġġ finanzjarju sinifikanti kif ukoll assistenza teknika u amministrattiva lill-pajjiżi żviluppati biex titwaqqaf id-deforestazzjoni tropikali l-aktar tard sal-2020, u għandu jintwera impenn deċisiv f’negozjati internazzjonali għal ftehim globali u komprensiv post 2012 dwar il-klima;

48. Jistieden lill-UE biex tippromwovi l-irwol tal-foresti globali bħala post li jassorbi l-karbonju, b’mod li jkunu promossi l-forestrija u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

49. Jenfasizza li l-protezzjoni tal-foresti hi essenzjali biex ikun hemm protezzjoni globali tal-klima li tirnexxi u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-ħtieġa tal-konservazzjoni tal-foresti u biex jintegraw dan l-aspett fi ftehim internazzjonali;

50. Jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-finanzjament pubbliku huwa l-istrument l-iktar realistiku li bih jistgħu jkunu pprovduti inċentivi għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni tul il-perjodu 2013 sal-2020; jistieden, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu fondi għall-perjodu 2010-2012 għal azzjoni bikrija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex jinħoloq Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti skont il-qafas tal-UNFCCC, ibbażat fuq skema ta’ finanzjament permanenti; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-impenn tagħhom sabiex jintemmu d-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u tal-art, kif ukoll id-deżertifikazzjoni madwar id-dinja billi jallokaw parti sinifikanti mid-dħul mill-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE sabiex jitnaqqsu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni li tkun aċċettata l-proposta ta' finanzjament li saret minn Norveġja u biex jallokaw parti mid-dħul ġejjieni mill-irkant tal-Unitajiet ta' Ammont Assenjati lill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Meditteran (GFCM);

51. Jenfasizza li l-GFCM ġejjieni għandha tkun relatata mad-deċiżjonijiet, u għandha tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u li l-impatti fuq il-bijodiversità jridu jiġu kkunsidrati espliċitament mill-attivitajiet, ir-regoli u l-modalitajiet tat-“Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni” (REDD); iqis li l-GFCM l-ewwel u qabel kollox trid tiżgura li jkunu mħarsa l-foresti antiki; jenfasizza li l-attivitajiet industrijali ta' foresterija li għandhom potenzjal baxx ta' mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u jistgħu jkunu ta' theddida għall-bijodiversità ma jistgħux ikunu eliġibbli għall-finanzjament permezz tal-GFCM;

52. Jenfasizza li kwalunkwe GFCM futura għandha tirrispetta d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali u tipprovdi għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom u għas-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet, fil-livelli kollha, inkluż fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet nazzjonali tar-REDD, u l-allokazzjoni jew id-distribuzzjoni ta' fondi;

53. Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tippromwovi standards soċjali u ambjentali b'saħħithom għar-REDD; jistieden lill-Unjoni Ewropea biex titkellem favur il-mekkaniżmi tar-REDD li jmorru lil hinn mill-proġett attwali tal-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif (CDM) u li jindirizzaw il-kawżi li verament jikkawżaw id-deforestazzjoni, bħalma huma l-governanza fqira, il-faqar, il-korruzzjoni u n-nuqqas ta' rinfurzar tal-liġi, permezz ta' politika ta' appoġġ u riforma istituzzjonali fil-livell lokali u nazzjonali;

54. Jenfasizza li l-prattiki segwiti f'diversi setturi, inklużi l-ġestjoni tal-ilma, il-konservazzjoni tal-ekosistema, il-produzzjoni agrikola, il-kundizzjonijiet tal-ħamrija, is-saħħa, is-sigurtà tal-ikel u r-riskju ta' diżastri, wasslu biex jikkawżaw u jiggravaw il-bidla fil-klima, iżda fl-istess ħin dawn is-setturi sofrew ukoll konsegwenzi gravi minħabba l-effetti negattivi tal-bidla fil-klima; iqis li dawn iż-żewġ dimensjonijiet għandhom ikunu inklużi fil-Ftehim ta' Kopenħagen flimkien ma' miżuri mmirati sabiex ikun assigurat livell għoli ta' mitigazzjoni u ta’ adattament għall-bidla fil-klima f'dawk is-setturi;

Avjazzjoni Internazzjonali u mit-Trasport Marittimu

55. Jinsisti li – fid-dawl tal-falliment tan-negozjati li jinvolvu l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) – l-avjazzjoni internazzjonali u t-tbaħħir għandhom ikunu inkorporati fi ftehim skont il-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC);

56. Iħeġġeġ sabiex il-ftehimiet fis-setturi tal-avjazzjoni u marittimi jipprevedu l-istess miri vinkolanti bħal dawk ta' setturi industrijali oħra; iħeġġeġ ukoll sabiex tal-inqas 50 % tal-kwoti f'dan il-qasam ikunu rkantati;

57. Ifakkar li l-avjazzjoni għandha firxa ta' impatti li mhumiex ikkawżati mis-CO2 u li bejn wieħed u ieħor jirdoppjaw il-potenzjal tagħha ta' tisħin globali; jistieden lill-UE biex tiżgura li dawn ikunu kkunsidrati fil-ftehim ta' Kopenħagen;

L-Involviment tas-Soċjetà Ċivili

58. Jenfasizza l-importanza kbira tal-fatt li ċ-ċittadini lokali jirċievu informazzjoni komprensiva u jkunu kkonsultati u jieħdu sehem fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u jinkoraġġixxi b'mod partikulari liċ-ċentri urbani, lir-reġjuni u lill-konurbazzjonijiet biex iniedu l-kampanji ta' informazzjoni tagħhom stess, bl-appoġġ tal-gvern, għandhom ikunu marbuta ma' miri speċifiċi ta' tnaqqis;

59. Jirrikonoxxi li sal-2030, żewġ terzi tal-umanità se jkunu qed jgħixu f'ċentri urbani, u li l-bliet, l-awtoritajiet lokali u dawk reġjonali għandhom rwol ta' importanza fundamentali fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet prattiċi dwar il-klima; jilqa' b’sodisfazzjon l-impenji murija fil-Ftehim Dinji tas-Sindki u tal-Gvernijiet Lokali dwar il-Protezzjoni tal-Klima, u jitlob lill-UE biex tippromwovi l-impenn min-naħa tal-bliet, tal-awtoritajiet lokali u dawk reġjonali fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali dwar il-bidla fil-klima, inklużi Pjanijiet ta' Azzjoni ta' Mitigazzjoni u Programmi ta' Azzjoni ta' Adattament;

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew

60. Jemmen li d-delegazzjoni tal-UE għandha rwol importanti f’dawn in-negożjati dwar il-bidla fil-klima, u għalhekk ma jistax jaċċetta li l-Membri tal-Parlament Ewropew li jagħmlu parti minn din id-delegazzjoni ma setgħux jattendu l-laqgħat ta' koordinazzjoni tal-UE fil-Konferenza preċedenti tal-Partijiet; jistenna li l-parteċipanti tal-Parlament Ewropew ikollhomm aċċess għal dawn il-laqgħat f’Kopenħagen tal-inqas fuq il-bażi ta’ status ta’ osservaturi, bid-dritt jew mingħajr id-dritt li jitkellmu;

61. Ifakkar fil-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, u jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi lid-delegazzjoni tal-Parlament, bħala koleġiżlatur, faċilitajiet adegwati, b'mod partikulari kamra tal-laqgħat fil-Padiljun tal-UE, li jiżguraw faċilitajiet għax-xogħol aħjar għad-delegazzjoni matul is-COP15;

62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, bit-talba li din tiġi ċċirkulata mal-partijiet kollha involuti li mhumiex relatati mal-UE.

 

(1)

ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63.

(2)

ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.

(3)

ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.

(4)

Testi adottati, P6_TA(2009)0042.

(5)

Testi adottati, P6_TA(2009)0121.

(6)

Testi adottati, P6_TA(2008)0491.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Mejju 2010Avviż legali