Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0163/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0163/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

23.11.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Geoffrey Van Orden, Paweł Robert Kowal, Charles Tannock, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Ryszard Antoni Legutko f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0158/2009

Proċedura : 2009/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0163/2009
Testi mressqa :
B7-0163/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0163/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra, inter alia, ir-Riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2009 u tal-20 ta’ Novembru dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-piraterija fuq il-baħar,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tas-17 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2009 dwar il-politika marittima integrata,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trażżin ta’ Azzjonijiet Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima tal-10 ta’ Marzu 1988,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1814 (2008), 1816 (2008), 1844 (2008) u 1872 (2009) dwar is-Somalja,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Proċess ta' Paċi ta' Djibouti li jiġbor fil-qosor il-Karta Federali Tranżitorja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-piraterija hi ksur tal-liġi nazzjonali u internazzjonali, billi dan il-fenomenu qed jostakola l-kummerċ dinji u joħloq spiża ekonomika kbira, speċjalment għall-kumpaniji tat-trasport bil-baħar,

B.  billi fit-8 ta’ Diċembru 2008 l-Unjoni Ewropea nediet l-operazzjoni militari tagħha sabiex tipprevjeni u trażżan atti ta’ piraterija u serq bl-armi ’l barra mill-kosta tas-Somalja u sabiex tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-bastimenti merkantili u b'mod partikolari ta' bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel li jkunu qegħdin iwasslu l-ikel bħala għajnuna lil persuni spostjati fis-Somalja,

C. billi l-operazzjoni militari, EUNAVFOR Somalia - Operation Atalanta, tnediet b’appoġġ għar-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816, (2008), 1838 (2008) u 1846 (2008),

D. billi fis-17 ta’ Novembru 2009 l-Kunsill qabel li jestendi l-operazzjoni Atalanta għal sena oħra wara t-tmiem tal-mandat attwali fit-12 ta’ Diċembru 2009 u approva l-Kunċett għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet bil-possibilità li ssir missjoni tal-ESDP li tagħti kontribut għat-taħriġ ta' 2,000 ruħ tal-persunal tal-forza tas-sigurtà tal-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni tas-Somalja (TFG),

E.  billi minn Ottubru 2008 kien hemm diversi missjonijiet navali internazzjonali (pereżempju in-NATO u forzi ta’ diversi pajjiżi) joperaw fiż-żona tal-baħar li normalment tinkludi n-nofsinhar tal-Baħar l-Aħmar, il-Golf ta’ Aden u parti mill-Oċean Indjan, inkluż is-Seychelles,

F.  billi l-piraterija saret negozju li jħalli l-qligħ b’somom kbar ta’ flus mitluba biex jinħelsu individwi, u billi l-pirati tal-lum jużaw metodi aktar sofistikati, huma armati sewwa ħafna, għandhom strateġija ċara u huma kapaċi jadattaw malajr għal tattiċi ġodda,

G. billi l-piraterija fl-ibħra ’l barra mis-Somalja u l-pajjiżi l-oħra tal-Qarn tal-Afrika tirrapreżenta theddida li qed tikber għall-ħajja tal-persuni u għas-sikurezza u għall-provvista ta’ għajnuna umanitarja,

H. billi dawn l-atti ta’ piraterija u ta’ serq armat huma waħda mill-konsegwenzi tal-konflitt kontinwu u tal-instabilità politika fis-Somalja,

I.   billi l-ġlieda kontra l-piraterija ma tistax tintrebaħ permezz ta' mezzi militari biss, iżda tiddependi wkoll mis-suċċess fil-promozzjoni tal-paċi, l-iżvilupp u l-bini tal-istat fis-Somalja,

J.   billi bħala riżultat tal-piraterija l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) kellu jissospendi l-kunsinna tal-għajnuna tal-ikel għas-Somalja, sitwazzjoni li kompliet tiggrava s-sitwazzjoni umanitarja diġà prekarja;

K. billi s-Somalja għad ma kellhiex gvern li jiffunzjona sew b’mod ġenerali minn meta waqa’ r-reġim ta’ Said Barre fl-1991 u minn dak iż-żmien ’l hawn is-sitwazzjoni politika kienet waħda ta’ anarkija, ikkaratterizzata minn ġlied bejn gruppi interni u minn brigantaġġ, u billi ż-żona li qabel kienet il-protettorat Ingliż tas-Somaliland, bil-gvern seċessjonista jkun l-uniku entità stabbli u demokratika fis-Somalja, għalkemm attwalment mhux rikonoxxut minn ebda stat barrani,

L.  billi l-komunità internazzjonali attwalment tirrikonoxxi biss is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tas-Somalja,

1.  Jikkundanna bil-qawwa kull att ta' piraterija jew serq bl-armi, speċjalment 'l barra mill-kosta tas-Somalja;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni sabiex jonora l-prinċipji stipulati fil-Ftehim ta’ Paċi ta’ Djibouti; jenfasizza l-ħtieġa li jkabbar l-isforzi tiegħu biex jistabbilizza l-pajjiż u jkattar id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni;

3.  Jinnota l-kontribuzzjoni tan-NAVFOR Atalanta tal-UE għas-sigurtà marittima ’l barra mill-kosta tas-Somalja u jinnota li l-iskjerament ta’ bastimenti tal-UE naqqas in-numru ta’ attakki din is-sena;

4.  Jitlob għal aktar koordinazzjoni tad-diversi forzi navali internazzjonali, total ta’ 27 bastiment minn 16-il nazzjon differenti – li qed imexxu operazzjonijiet kontra l-piraterija fir-reġjun, speċjalment dawk tal-UE, tan-NATO u tal-Istati Uniti; jenfasizza li n-nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva tista’ twassal għall-kompetizzjoni aktar milli għall-koordinazzjoni;

5.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li tliet missjonijiet navali ewlenin (EU NAVFOR, koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti CTF-151, NATO) ’l barra mill-kosta tas-Somalja qed jieħdu mill-istess ġabra ta’ riżorsi navali mingħajr ma huma kkoordinati kif xieraq;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar kooperazzjoni fil-livelli kollha sabiex tkun evitata duplikazzjoni żejda bejn il-missjonijiet tal-UE u tan-NATO minħabba li ż-żewġ organizzazzjonijiet joperaw fl-istess żona, għandhom l-istess interessi, u b’mod ġenerali jiġbru fihom l-istess nazzjonijiet Ewropej; jenfasizza li l-effiċjenza u l-armonija tal-kooperazzjoni u d-diviżjoni ċara tax-xogħol u tar-responsabilitajiet huma kondizzjonijiet importanti għall-futur;

7.  Jinsab imħasseb mill-proposti tal-ESPD li tħarreġ forzi tal-Gvern ta’ Tranżizzjoni tas-Somalja meta tqis in-nuqqasijiet tal-missjonijiet ta’ taħriġ preċedenti tal-UE, partikolarment il-missjoni EUPOL fl-Afganistan;

8.  Jenfasizza li aktar impunità għall-piraterija ma tgħinx bħala deterrent; iħeġġeġ, għalhekk, għal miżuri immedjati u effettivi biex ikunu pproċessati u kkundannati dawk suspettati b’atti ta’ piraterija; jinnota li xi Stati Membri tal-UE għandhom salvagwardji legali inadegwati tal-liġijiet kriminali kontra l-piraterija fl-ibħra miftuħa;

9.  Jistieden lill-istati kollha sabiex jadottaw politika soda u koerenti kontra l-ħlas ta’ flus biex jinfdew persuni;

10. Jenfasizza li l-ġlieda b’suċċess kontra l-piraterija tista’ tkun possibbli biss jekk tittieħed azzjoni internazzjonali effettiva u kkoordinata sew, inkluża attenzjoni akbar għas-sitwazzjoni politika instabbli u ħafna drabi anarkika fuq l-art ikkumbinata ma’ nuqqas ta’ żvilupp ekonomiku;

11. Ifakkar li l-komunità internazzjonali u l-partijiet kollha fil-kunflitt attwali għandhom ir-responsabilità li jħarsu n-nies ċivili, li jippermettu li tingħata l-assistenza u li jirrispettaw l-ispazju umanitarju u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji; iħeġġeġ, għalhekk, li mill-aktar fis jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa biex ikun hemm rispons adegwat għall-katastrofi umanitarja fis-Somalja;

12. Jistieden lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-UE sabiex iżidu d-dispożizzjoni tal-għajnuna umanitarja għall-persuni internament spustjati u dawk fil-bżonn;

13. Jistieden lin-NU sabiex tipparteċipa b’mod aktar dirett biex tinkiseb l-istabilità u l-istat tad-dritt fir-reġjun;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarji Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, lin-NU u lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), lill-President tal-Gvern Federali ta’ Tranżizzjoni tas-Somalja, lill-Gvern tal-Etjopja u lill-Parlament Pan-Afrikan.