Proċedura : 2009/2776(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0170/2009

Testi mressqa :

B7-0170/2009

Dibattiti :

PV 25/11/2009 - 18
CRE 25/11/2009 - 18

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2009 - 8.5

Testi adottati :

P7_TA(2009)0102

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 146kDOC 99k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0168/2009
23.11.2009
PE432.786v01-00
 
B7-0170/2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Samit Dinji tal-FAO u s-sigurtà tal-ikel


Mairead McGuinness, Filip Kaczmarek f'isem il-Grupp PPE-DE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit Dinji tal-FAO u s-sigurtà tal-ikel  
B7‑0170/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar prezzijiet tal-għalf u tal-ikel li qed jogħlew(1), kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 dwar l-Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana – Proposta għall-iżvilupp agrikolu u għas-sigurtà tal-ikel fl-Afrika(3),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (COM(2008)0450),

–   – wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjunijiet bl-isem Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel - Direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE (COM(2008)0321),

–   wara li kkunsidra l-Politika Agrikola Komuni u r-Rapport dwar is-Sigurtà Globali tal-Ikel (ir-Rapport McGuinness) (2008/2153(INI)),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit Dinji tal-Ikel tal-1996,

–   wara li kkunsidra t-Tbassir Agrikolu 2008-2017 maħruġ mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) kif ukoll l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD),

–   wara li kkunsidra l-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp (IAASTD),

–   wara li kkunsidra r-riżultat tar-riforma ‘Verifika tas-Saħħa’ tal-Politika Agrikola Komuni,

–   wara li kkunsidra n-negozjati tad-WTO dwar r-Rawnd ta’ Doha għall-Iżvilupp,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit Dinji dwar is-Sigurtà tal-Ikel li sar f'Ruma mis-16 sat-18 ta' Novembru 2009,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea hija d-donatur ewlieni globali fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, iżda fuq livell internazzjonali, il-parti tal-għajnuna ddedikata għall-agrikoltura kompliet tonqos b’mod kostanti mis-snin tmenin, u b’mod partikolari, l-għajnuna li ġejja mill-UE,

B.  billi l-kriżi attwali tolqot l-aktar lill-familji bi dħul baxx kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fid-dinja li qed tiżviluppa, fejn il-proporzjon tad-dħul tal-familji li jintefaq fuq l-ikel jirrappreżenta bejn 60% u 80% tad-dħul totali, imqabbel mal-medja tal-UE ta’ anqas minn 20%,

C. billi l-Parlament u l-Kunsill ripetutament talbu li jkun hemm reazzjoni qawwija għall-problema globali, li tipprovdi, b’mod partikolari, il-finanzjament meħtieġ għall-fatturi agrikoli u l-għajnuna għall-użi ta’ strumenti ta’ ġestjoni bbażati fuq is-suq,

D. billi l-Unjoni Ewropea tibqa’ produttur ewlieni tal-ikel, bi 17% tal-produzzjoni dinjija tal-qamħ, 25% tal-produzzjoni dinjija tal-ħalib, 20% tal-produzzjoni dinjija tal-majjal u 30% mill-produzzjoni dinjija taċ-ċanga; billi l-UE hija wkoll importatur kbir ta’ prodotti agrikoli, b’livell ta’ provvista ħafna aktar baxx mil-limitu ta’ awtosuffiċjenza f’bosta prodotti bażiċi agrikoli,

E.  billi ż-żieda fil-prezz tal-għalf tal-annimali żied l-ispejjeż ta’ produzzjoni, li tinvolvi riskju li tonqos il-produzzjoni ta’ prodotti ta’ trobbija meta t-talba tagħhom qiegħda tiżdied u huwa previst li tibqa' sejra hekk, b’mod partikolari fl-ekonomiji emerġenti,

F.  billi l-fluttwazzjonijiet drammatiċi tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi jistgħu jkunu fattur iktar aċċentwat u regolari tas-suq dinji; billi l-prezzijiet ogħla tal-ikel mhux awtomatikament jiġu jirriżultaw fi dħul ogħla għall-azjendi agrikoli, speċjalment minħabba l-ħeffa li biha jiżdiedu l-ispejjeż għall-fatturi agrikoli u minħabba ż-żieda fid-diverġenza li qed tiżviluppa bejn il-produttur u l-prezzijiet għall-konsumatur,

G. billi l-istokkijiet dinjija tal-ikel naqsu għal livelli baxxi b'mod kritiku, minn stokk ta’ provvista ta’ ikel għal sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija għal stokk ta’ 57 ġurnata fl-2007 għal 40 ġurnata biss fl-2008,

H. billi, dawn u fatturi oħra kellhom konsegwenzi immedjati u serji għal għadd sostanzjali ta’ persuni; billi, globalment, il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel għaddset miljuni ta’ nies aktar ’l isfel fil-faqar u l-ġuħ; billi dawn l-iżviluppi taw bidu għal irvellijiet u tqanqil mad-dinja kollha, u ddestabbilizzaw pajjiżi u reġjuni madwar id-dinja; billi anke fl-UE, l-istokkijiet naqsu tant li bħalissa l-programm tal-emerġenza tal-ikel għandu anqas ikel xi jqassam,

I.   billi, skont l-istimi attwali tal-organizzazzjonijiet li qed jiġġieldu l-ġuħ dinji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, persuna minn kull ħamsa fil-preżent m’hijiex mitmugħa biżżejjed u qed tbati minn ġuħ kroniku u kull jum 'il fuq minn 30 000 tifel u tifla fid-dinja jmutu bil-ġuħ u bil-faqar,

J.   billi l-agrikoltura tipprovdi impjieg u għajxien għal iktar minn 70% tal-forza tax-xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għal iktar minn 80% f’ħafna pajjiżi Afrikani u b’konsegwenza t’hekk, il-politiki għall-iżvilupp rurali huma essenzjali biex ikunu miġġielda l-faqar u l-ġuħ b’mod effettiv,

K. billi l-Unjoni Ewropea tradizzjonalment tiffinanza madwar 10% tal-kooperazzjoni tal-iżvilupp dinji, minbarra l-kontributi tal-Istati Membri; dan huwa kkonfermat bil-kontribut attwali mill-istrumenti tal-KE (madwar EUR 1.8 biljun: EUR biljun permezz tal-faċilità l-ġdida għar-reazzjoni rapida għall-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-kumplament permezz tal-istrumenti disponibbli attwalment għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja),

L.  billi, fl-isfond tal-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, id-domanda globali għall-ikel hija mistennija li tirdoppja sal-2050 u l-produzzjoni globali tal-ikel se jkollha tkompli tiżdied,

M. billi, skont l-FAO, hemm bżonn li jiġu investiti EUR 30 biljun kull sena biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għal popolazzjoni dinjija li se tilħaq 9 biljun ruħ fl-2050,

N. billi l-ftehimiet internazzjonali u reġjonali attwali wrew li ma kinux biżżejjed biex jinnormalizzaw il-provvista tas-suq u l-kummerċ; billi ż-żieda qawwija riċenti fil-prezzijiet tal-ikel għandha tiftaħ għajnejn il-gvernijiet kollha madwar id-dinja li l-produzzjoni agrikola m’għandhiex titqies bħala fatt ovvju,

1.  Jenfasizza li l-għadd ta' nies li jbatu l-ġuħ u l-faqar issa jaqbeż il-biljun u li din hija rovina inaċċettabbli fuq il-ħajjiet, l-għajxien u d-dinjità ta' wieħed minn sitta tal-popolazzjoni dinjija; jinnota li l-effetti ta' nuqqas ta' investiment fit-tul fis-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali dan l-aħħar żdiedu iktar minħabba l-kriżi tal-ikel, dik finanzjarja u ekonomika, fost fatturi oħra; jenfasizza li, filwaqt li saru xi passi, l-isforzi globali s'issa ma kinux biżżejjed għall-ksib tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju u l-impenji tas-Samits Dinjija tal-Ikel; jinnota li l-passi għandhom isiru b'mod kollettiv biex din ix-xejra terġa' lura fid-direzzjoni opposta u biex id-dinja tkun fit-triq li twassalha għall-kisba ta’ realizzazzjoni progressiva tad-dritt għal ikel adegwat fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel nazzjonali;

2.  Jinnota li s-sigurtà globali tal-ikel hija kwistjoni tal-akbar urġenza għall-Unjoni Ewropea u jitlob li jkun hemm azzjoni immedjata u konsisteni biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-UE u fil-livell globali; iqis li huwa importanti li jintgħaraf il-valur tal-kulturi ta' biedja u ikel kollha tad-dinja; jenfasizza li l-ikel għandu jkun disponibbli bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi, filwaqt li jkun żgurat livell ta' għajxien ġust għall-bdiewa;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bħala l-mezz biex tiġi żgurata l-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni Ewropea; jemmen li l-PAK ipprovdiet liċ-ċittadini tal-UE bi provvista sigura tal-ikel mit-twaqqif tagħha fl-1962, minbarra l-ħarsien u t-titjib tal-ambjent rurali u l-istandards tal-produzzjoni tal-ikel fl-UE li huma l-ogħla fid-dinja; jenfasizza li l-agrikoltura Komunitarja għandu jibqa’ jkollha dan ir-rwol fil-futur;

4.  Jenfasizza li mill-2007, il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi agrikoli varjaw immensament u li min-nofs l-2007 sa nofs l-2008, il-prezzijiet żdiedu f'daqqa, u ġew segwiti minn żieda f'daqqa tal-prezzijiet tal-konsumatur; jinnota li din iż-żieda qawwija f'daqqa fil-prezzijiet bażiċi tal-prodotti bażiċi ġiet segwita malajr minn tnaqqis f'daqqa fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi għal livelli mhux sostenibbli;

5.  Jinnota bi tħassib iż-żieda fil-prezzijiet tal-fatturi agrikoli (żidiet fil-prezzijiet tal-fertilizzanti, żrieragħ u fjuwil), li rriżultat f’żieda fl-ispejjeż li ma ġietx ikkumpensata bl-istess mod għall-bdiewa kollha (b’mod partikolari fis-settur tat-trobbija) u li naqqret b’mod sinifikanti kwalunkwe żieda potenzjali fid-dħul tal-azjendi agrikoli li seħħet minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u tal-ikel, u b’hekk tnaqqas l-istimulu għaż-żieda fil-produzzjoni; jinsab imħasseb li żidiet drammatiċi fil-prezzijiet tal-fatturi jistgħu jirriżultaw f'anqas użu u potenzjalment fi tnaqqis tal-produzzjoni, li jista’ biss jagħmel il-kriżi tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja agħar;

6.  Ifakkar li l-volatilità tal-prezzijiet f’dawn l-aħħar snin – kemm għoljin kif ukoll baxxi – għamlitha partikolarment elużiva li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel; jenfasizza li jekk il-bdiewa mhumiex se jkunu jistgħu jiksbu prezzijiet ġusti għall-prodotti tagħhom, in-negozji tagħhom sempliċement jikkollassaw; jafferma mill-ġdid li l-azjendi agrikoli tal-UE jipproduċu 17% tal-qamħ dinji, 25% tal-ħalib dinji u 30% taċ-ċanga dinjija; jenfasizza li ż-żamma ta' azjendi agrikoli vijabbli fl-UE tkun tal-akbar importanza għall-provvista dinjija tal-ikel fis-snin li ġejjin;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kawżi strutturali fuq medda itwal ta’ żmien involuti fiż-żieda riċenti fil-prezzijiet ta' prodotti bażiċi agrikoli, inkluża ż-żieda regolari fid-domanda globali u t-tnaqqis kontinwu fl-investiment fl-agrikoltura produttiva; jinnota li, fost dawn il-fatturi, iż-żieda fil-prezz tal-enerġija, u b’mod partikolari fil-prezz taż-żejt kellha impatt ewlieni fuq il-produzzjoni agrikola dinjija (billi żiedet l-ispejjeż tal-produzzjoni fl-azjendi agrikoli u dawk tat-tqassim tal-ikel) u fuq is-sitwazzjoni ta’ kriżijiet tal-ikel fil-pajjiżi foqra (minħabba l-prezz tat-trasport tal-ikel ġewwa dawn il-pajjiżi);

8.  Iqis li, biex wieħed jitma' populazzjoni dinjija li hi mistennija taqbeż id-9 biljuni sal-2050, il-produzzjoni agrikola jkollha tiżdied b'70 % bejn issa u dak iż-żmien;

9.  Jemmen, madankollu, bil-qawwi li l-PAK għandha tkompli tiġi adattata biex tilqa’ għat-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u fuq livell Dinji; jopponi aktar irtirar ta’ miżuri tal-ġestjoni tas-suq u tnaqqis fil-ħlasijiet ta’ appoġġ lill-bdiewa;

10. Jenfasizza l-importanza ta' koperazzjoni u solidarjetà internazzjonali, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu evitati miżuri unilaterali mhux konformi mal-liġi internazzjonali u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u dawk li jipperikolaw is-sigurtà tal-ikel; jitlob għal ftehimiet kummerċjali bbilanċjati minħabba li huma element essenzjali ta’ rispons għas-sigurtà dinjija tal-ikel;

11. Jinnota li ’l fuq minn 860 miljun persuna madwar id-dinja ġarrbu ġuħ kroniku; jinnota li l-Bank Dinji jbassar li ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel tista’ titfa’ 100 miljun persuna f'faqar akbar;

12. Jirrikonoxxi l-opinjoni tal-FAO li l-pajjiżi li huma importaturi netti tal-ikel huma dawk l-aktar milquta miż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u li ħafna minn dawn il-pajjiżi huma l-anqas żviluppati fid-dinja; Jerġa’ jafferma l-fatt li l-faqar u d-dipendenza fuq ikel importat huma kawżi ewlenin għan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel; huwa konxju mill-fatt li persentaġġ żgħir tal-produzzjoni globali tal-ikel attwalment hija dejjem iktar kummerċjalizzata fis-swieq internazzjonali minn għadd żgħir ta’ pajjiżi esportaturi;

13. Jinsab allarmat dwar il-kriżi finanzjarja globali attwali li tista’ tirriżulta fi tnaqqis tal-finanzjament disponibbli għall-biedja; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur agrikolu u biex tikkunsidra proposti biex tiġi żgurata l-istabilità tas-settur, anke f’termini ta' aċċess għas-self u l-garanziji tal-kreditu;

14. Jemmen li l-PAK għandha tibqa' l-punt ċentrali tal-politika tas-sigurtà tal-ikel tal-UE issa u wara l-2013; huwa tal-opinjoni li sistema ekoloġika li taħdem, artijiet fertili, riżorsi tal-ilma stabbli u ekonomija rurali polivalenti huma indispensabbli għas-sigurtà tal-ikel fit-tul; iqis ukoll li huwa ta’ importanza fundamentali li l-PAK, flimkien ma’ politiki Komunitarji oħra, jipparteċipaw aktar fil-bilanċ dinji tal-ikel;

15. Jemmen li l-PAK għandu jkollha rwol sinifikanti fil-politiki għall-affarijiet barranin u għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea b’attenzjoni speċjali għall-politika esterna dwar is-sigurtà tal-ikel; jemmen li, minbarra s-sigurtà tal-produzzjoni tal-ikel tal-Unjoni Ewropea, il-PAK tista’ tikkontribwixxi biex tintlaħaq iż-żieda fid-domanda globali għall-ikel;

16. Iqis li l-faċilità ta’ finanzjament għal reazzjoni rapida għal prezzijiet tal-ikel dejjem jogħlew fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa l-ewwel pass meħtieġ biex jiġu trattati l-ħtiġijiet immedjati ta’ dawk l-aktar milquta mill-kriżi tal-ikel; iqis li l-Kummissjoni għandha tagħmel verifika ta' kif qed jintefqu l-flus u tassigura li dawn il-flus jintużaw b’mod sostenibbli fl-oqsma fejn hemm l-aktar bżonnhom, u li għandu jkun hemm rappurtar regolari lill-Parlament;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-programmi attwali tagħha mfassla biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u madwar id-dinja; jitlob għat-tisħiħ tal-Programm Tematiku dwar is-Sigurtà tal-Ikel (2007-2010), li attwalment igawdi minn EUR 925 miljun għall-perjodu kollu tal-ipprogrammar; jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta strateġija komprensiva fuq il-kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel li ġġib koerenza bejn il-politiki Komunitarji kollha tal-Unjoni;

18. Jerġa jafferma li s-sigurtà tal-ikel hija responsabbiltà nazzjonali u li kwalunkwe pjanijiet għall-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà tal-ikel għandhom jiġu artikulati, imfassla u mmexxija fuq livell nazzjonali u fil-pussess tan-nazzjonijiet, u mibnija skont konsultazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin kollha; jenfasizza li s-sigurtà tal-ikel għandha prijorità għolja u din għandha tiġi riflessa fil-programmi u l-baġits nazzjonali;

19. Jenfasizza d-dritt li kulħadd ikollu aċċess għal ikel sikur, biżżejjed u sustanzjuż, konsistenti mar-realizzazzjoni progressiva tad-dritt għal ikel adegwat fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel nazzjonali; jitlob għal dinja ħielsa mill-ġuħ fejn il-pajjiżi jimplimentaw ‘Linji gwida voluntarji għall-appoġġ tar-realizzazzjoni progressiva tad-dritt għal ikel adegwat fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel nazzjonali’ u jappoġġa l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida bbażata fuq il-prinċipji ta’ parteċipazzjoni, trasparenza u responsabilità;

20. Jippromwovi r-riċerka għall-ikel u l-agrikoltura, inkluż riċerka għall-adattament u t-taffija tat-tibdil fil-klima, u l-aċċess għal riżultati u teknoloġiji ta' riċerka fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; jappoġġa sistemi ta' riċerka nazzjonali, b'mod partikolari fl-Afrika, għall-qsim tal-informazzjoni u l-aqwa prattiċi; jitlob aċċess għall-għarfien; jitlob għal titjib fil-kwalità tal-istatistika agrikola nazzjonali u twissija bikrija u sistemi ta' previżjonijiet għan-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u l-vulnerabilità, biex b'hekk tkun ipprovduta bażi soda għall-politika u l-istrateġiji agrikoli;

21. Itenni l-impenn tiegħu lejn l-investiment fit-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-agrikoltura u l-produzzjoni tal-azjendi agrikoli;

22. Jenfasizza l-importanza ta’ riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi li sservi biex tkun promossa s-sigurtà tal-ikel iktar milli tiffoka biss fuq interessi industrijali; jitlob li jkun hemm investiment fir-riċerka mhux biss f’teknoloġiji ġodda individwali, iżda wkoll f’sistemi ta’ biedja komprensivi li se jservu l-għan ta' sigurtà tal-ikel għal perjodu ta’ żmien twil; jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol ta’ pijunier li jista’ jkollu f’dan il-qasam, pereżempju, permezz ta’ pjattaforma teknoloġika tal-UE għar-riċerka agrikola ekoloġika;

23. Iqis li wieħed mill-ostakli serji għaż-żieda fil-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa n-nuqqas ta’ aċċess mill-bdiewa żgħar għas-self u l-mikrokrediti biex jinvestu fi żrieragħ, fertilizzanti u mekkaniżmi ta’ irrigazzjoni aħjar; jenfasizza, barra minn dan, il-kwistjoni tal-garanziji tas-self li f’ħafna każi mhumiex disponibbli; jistieden lill-Bank Ewropew għall-Investiment biex jara kif jista' jipprovdi programmi għall-produtturi lokali tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’garanziji tas-self li jappoġġaw l-aċċess għall-kreditu u l-mikrokreditu;

24. Jemmen li hemm bżonn ta' aktar riċerka agrikola, biex tiżdied il-produttività agrikola sostenibbli, u jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw għalkollox l-opportunitajiet mogħtija f'dan ir-rigward mis-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, u biex jadottaw miżuri li jtejbu l-produzzjoni agrikola b'mod sostenibbli u li jkun effiċjenti f'sens ta' enerġija.

25. Jiġbed l-attenzjoni li l-kriżi globali tal-ikel hija fost l-ikbar theddidiet għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward l-isforzi riċenti tal-Kummissjoni biex tinvestiga modi kif tiġi trattata l-kwistjoni tas-sigurtà globali tal-ikel; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw inizjattivi bħal dawn fuq livell nazzjonali u lokali;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

(1)

ĠU C 263E, 16.10.2008, p. 621.

(2)

Testi adottati, P6_TA(2008)0229.

(3)

Testi adottati, P6_TA(2007)0577.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Mejju 2010Avviż legali