Proċedura : 2009/2790(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0253/2009

Testi mressqa :

B7-0253/2009

Dibattiti :

PV 16/12/2009 - 10
CRE 16/12/2009 - 10

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2009 - 7.4
CRE 17/12/2009 - 7.4

Testi adottati :

P7_TA(2009)0117

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 123kDOC 78k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0248/2009
14.12.2009
PE432.837v01-00
 
B7-0253/2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Bjelorussja


Gerben-Jan Gerbrandy, Ivars Godmanis, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bjelorussja  
B7‑0253/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikulari dawk tal-15 ta' Jannar 2009 u tat-2 ta’ April 2009,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni tas-17 ta’ Novembru 2009, li ma neħħiex il-miżuri restrittivi fis-seħħ kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, iżda li estenda dawn il-miżuri restrittivi sa Ottubru tal-2010, filwaqt li estenda wkoll is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fuq ċerti uffiċjali Bjelorussi sa Ottubru tal-2010;

–   wara li kkunsidra l-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Bjelorussja fl-ewwel laqgħa f'livell ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u s-sitt membri tas-Sħubija tal-Lvant, li saret fi Brussell fit-8 ta’ Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Kunsill għall-Affarijiet Esterni, fil-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq tas-17 ta' Novembru 2009, ikkonferma r-rieda tiegħu li jkabbar ir-relazzjonijiet mal-Bjelorussja bil-kundizzjoni li jitwettaq progress mill-Bjelorussja fid-direzzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u li jgħin lill-Bjelorussja biex tikseb dawn l-objettivi, f’konformità mal-politika li ġiet segwita minn Ottubru tal-2008,

B.  billi l-Kunsill iddeċieda li jestendi sa Ottubru tal-2010 l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja stipulati fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK,

C. billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja, iddeċieda li jkompli jżomm is-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fuq għadd ta’ uffiċjali tal-Bjelorussja sa Ottubru tal-2010,

D. billi dawn iż-żewġ miżuri marbuta ma’ xulxin huma sinjali tar-riżultat imħallat miksub s’issa fil-kuntatti mġedda bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja, bi djalogu politiku akbar f'livell għoli, it-twaqqif ta’ Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant u koperazzjoni teknika intensifikata,

E.  jirrikonoxxi d-dispjaċiri tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2009 minħabba li għad hemm nuqqas ta’ progress sinifikanti dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikulari fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja, u l-ostakli persistenti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partiti politiċi biex jirreġistraw u jiffunzjonaw liberament,

1.  Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi għal sena u fl-istess waqt ikompli jżomm is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fuq ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja għall-istess perjodu ta’ żmien;

2.  Jesprimi tħassib kontinwu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, il-każijiet ta’ ksur riċenti f’dan il-qasam u n-nuqqas ta’ progress sinifikanti fit-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja; jiddeplora l-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partiti politiċi għadhom jaffaċċjaw ostakli serji biex jirreġistraw u jiffunzjonaw;

3.  Jistenna li l-Bjelorussja tagħmel użu sħiħ mill-parteċipazzjoni tagħha fis-Sħubija tal-Lvant bħala inċentiv addizzjonali għal riformi demokratiċi sinifikanti; jappoġġja l-inklużjoni ta’ 10 rappreżentanti tal-partiti tal-oppożizzjoni Bjelorussi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fl-Assemblea Euronest, sakemm ikun il-waqt li l-Parlament tal-Bjelorussja jkun jista' jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħidma tal-Euronest, wara li jsiru elezzjonijiet b’konformità mal-istandards internazzjonali u b’hekk tiġi riflessa b’mod preċiż ir-rieda tal-poplu;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja biex jużaw din l-opportunità biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ mal-Unjoni Ewropea, iżda jenfasizza li kwalunkwe intensifikazzjoni tad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Bjelorussja għandha tkun marbuta ma' progress fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

–  riforma u implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni elettorali tal-Bjelorussja sabiex tiġi pprovduta rappreżentanza garantita tal-membri tal-oppożizzjoni f'kummissjonijiet elettorali fil-livelli kollha, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u r-responsabilità tal-għadd tal-voti u sabiex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u ġusti b’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa;

–  għoti ta' drittijiet ugwali lill-mezzi kollha tal-midja u garanzija ta’ libertà tal-espressjoni sħiħa b’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u dawk internazzjonali;

–  garanzija tal-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea u garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet politiċi billi ma titkompliex il-prattika ta' tkeċċijiet politikament motivati minn impjiegi u minn universitajiet;

5.  Jenfasizza l-importanza tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja u jistenna li dan id-djalogu jwassal għal titjib tanġibbli fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż; jenfasizza li l-UE lesta toffri għarfien tekniku fil-qasam tal-ġudikatura biex tassisti f’dan il-proċess;

6.  Jiddeplora l-espulsjoni ta’ Tatsyana Shaputska mill-università tagħha wara li pparteċipat fil-forum tas-soċjetà ċivili tas-Sħubija tal-Lvant fi Brussell f’Novembru;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Bjelorussja: biex jistabbilixxi immedjatament moratorju tas-sentenzi ta' mewt u esekuzzjonijiet kollha bil-għan li titwaqqaf il-piena tal-mewt, u li jibdel bla dewmien is-sentenzi tal-priġunieri kollha li qed jistennew is-sentenza tal-mewt għal sentenzi ta' priġunerija; biex jaġġorna l-leġiżlazzjoni domestika mal-obbligi tal-pajjiż skont it-trattati internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem; u jiżgura li l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment għal proċessi ġusti jkunu rispettati b'mod rigoruż;

8.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex ma jieħdux pożizzjonijiet li jdgħajfu l-pożizzjonijiet komuni tal-UE; jinsisti li l-oppożizzjoni demokratika tal-Bjelorussja u s-soċjetà ċivili għandhom jiġu inklużi fid-djalogu bejn l-UE u l-Bjelorussja u għandhom jitlaqqgħu mal-uffiċjali tal-UE li jkunu fuq żjara;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, jekk il-Bjelorussja twettaq progress sinifikanti waqt is-sena li ġejja u tissodisfa l-kriterji rilevanti, jikkunsidraw li jneħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar b'mod permanenti, kif ukoll biex jieħdu passi biex jiffaċilitaw il-progress ekonomiku u soċjali u jħaffu l-proċess ta' integrazzjoni tal-Bjelorussja fil-familja Ewropea ta' nazzjonijiet demokratiċi;

10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ulterjuri biex jilliberalizzaw il-proċeduri għall-viżi għaċ-ċittadini Bjelorussi minħabba li azzjoni bħal din hija kruċjali biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Bjelorussja, jiġifieri li l-Bjelorussja ssir parti mill-proċessi Ewropej u reġjonali u li l-proċess ta' demokratizzazzjoni fil-pajjiż isir irriversibbli; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, sabiex jikkunsidraw il-possibilità li titnaqqas l-ispiża tal-viżi għaċ-ċittadini Bjelorussi li jidħlu fiż-Żona Schengen u sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura biex jinkisbu dawn il-viżi; jenfasizza li l-objettiv fit-tul huwa vjaġġar mingħajr viżi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ u effettiv mill-possibiltajiet li hemm biex jingħata appoġġ lis-soċjetà ċivili u lill-iżvilupp demokratiku fil-Bjelorussja permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament b'mod regolari u sħiħ dwar kif jintnefaq il-finazjament mill-EIDHR;

12. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw miżuri biex titjieb il-klima tal-kummerċ, in-negozju, l-investiment, l-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport u l-koperazzjoni transkonfinali bejn l-UE u l-Bjelorussja; jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex iqisu żieda fl-għajnuna finanzjarja li jagħtu lill-Bjelorussja;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblei Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropea, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Mejju 2010Avviż legali