Proċedura : 2009/2790(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0254/2009

Testi mressqa :

B7-0254/2009

Dibattiti :

PV 16/12/2009 - 10
CRE 16/12/2009 - 10

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2009 - 7.4
CRE 17/12/2009 - 7.4

Testi adottati :

P7_TA(2009)0117

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 127kDOC 79k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0248/2009
14.12.2009
PE432.838v01-00
 
B7-0254/2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Bjelorussja


Rebecca Harms, Daniel Cohn-Bendit, Elisabeth Schroedter, Werner Schulz, Barbara Lochbihler, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Belarus  
B7‑0254/2009

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-GAERC dwar il-Bjelorussja fis-17 ta' Novembru 2009 li komplew jestendu l-miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2006/276/CFSP filwaqt li ssospendew l-applikazzjoni tagħhom sa Ottubru 2010,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Kunsill Ewropew dwar is-Sħubija tal-Lvant tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE fl-OSCE dwar il-piena tal-mewt fil-Bjelorussja fid-29 ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009 rrikonoxxa l-ftuħ ta' possibilitajiet ġodda għad-djalogu u għall-koperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Bjelorussja bl-għan li jitrawwem progress ġenwin fir-rigward tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u reġa' afferma r-rieda tiegħu li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Bjelorussja bil-kundizzjoni li jsir aktar progress fir-rigward tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt u li jgħin lill-pajjiż biex jilħaq dawn l-objettivi,

B.  billi minn Ottubru 2008 'l hawn seħħew xi passi pożittivi, bħall-ħelsien tal-parti l-kbira tal-priġunieri politiċi, filwaqt li fl-istess ħin għad baqa' tħassib dwar il-progress insuffiċjenti fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni politika,

C. billi l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, fuq il-bażi tar-rapport tagħha tal-missjoni ta' ġbir ta' fatti f’Minsk (mill-20 sal-24 ta’ Settembru 2009) li twettqet b'kollaborazzjoni ma' diversi NGOs internazzjonali, ma osservat l-ebda progress sinifikanti fil-qasam tal-libertà tal-midja fil-Bjelorussja,

D. billi l-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant għandha tinkludi t-tħaffif tal-koperazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE kemm fil-livell istituzzjonali kif ukoll fid-dimensjoni ta’ bejn il-popli; billi fl-ewwel laqgħa bejn il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE u s-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Bjelorussja ddikjara li hemm potenzjal importanti f'din l-inizjattiva iżda hemm il-bżonn li jitħaffu l-attivitajiet tal-proġett,

E.  billi l-Bjelorussja ħadet l-impenn li tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-OSCE/ODIHR rigward it-titjib fil-liġi elettorali tagħha biex issir konformi mal-istandards internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi u li tikkonsulta mal-OSCE rigward l-emendi proposti, filwaqt li l-Assemblea Nazzjonali tal-Bjelorussja reċentement għaddiet riforma tal-Kodiċi Elettorali mingħajr ma kkonsultat l-ewwel lill-OSCE,

F.  billi l-Bjelorussja hija l-uniku pajjiż Ewropew li għadu juża l-piena tal-mewt, u billi ngħataw sentenzi ġodda għall-mewt fix-xhur li għaddew,

G. billi bi tweġiba għall-passi pożittivi ta’ inkoraġġament magħmula mill-Bjelorussja, il-Kummissjoni diġà nediet djalogu intensiv ma' dan il-pajjiż f'oqsma bħalma huma dawk tal-enerġija, l-ambjent, id-dwana, it-trasport u s-sikurezza tal-ikel u kkonfermat li hi lesta li tkompli tespandi l-ambitu ta' dawn it-taħditiet,

H. billi fit-30 ta' Novembru l-Prim Ministru Taljan għamel żjara uffiċjali fil-Bjelorussja, biex b'hekk sar l-ewwel kap tal-gvern tal-UE li żar Minsk fl-aħħar 10 snin; billi matul din iż-żjara huwa għamel dikjarazzjonijiet li jilleġittimizzaw l-elezzjonijiet li tellgħu lil Lukashenko fil-poter u naqas milli jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni,

1.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi u fl-istess waqt li tkompli tinżamm is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta' restrizzjoni għall-ivvjaġġar imposta fuq ċerti uffiċjali Bjelorussi għal perjodu ta' tnax-il xahar,

2.  Jenfasizza li d-djalogu politiku msaħħaħ u l-istabbiliment tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Bjelorussja għandhom iwasslu għal riżultati konkreti u għal progress sostanzjali fl-oqsma tar-riformi demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

3.  Jagħti l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kunsill li jniedi negozjati għall-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viża mal-Bjelorussja u jqis li dan huwa pass fundamentali sabiex jissaħħu l-kuntatti bejn il-popli u jitħaffu r-relazzjonijiet bejn il-komunitajiet lokali u l-muniċipalitajiet;

4.  Iqis il-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant bħala pass importanti 'l quddiem bil-ħsieb li jiġi promoss aktar djalogu u jissaħħu r-relazzjonijiet fuq il-bażi r-rieda tal-Bjelorussja u l-impenn tagħha biex jinkisbu l-għanijiet ta' din l-inizjattiva; jinnota, f'dan ir-rigward, ir-rieda ta’ koperazzjoni murija mill-awtoritajiet tal-Bjelorussja matul it-taħditiet;

5.  Jinnota li, fil-Konklużjonijiet tas-17 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta għal pjan konġunt interim biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għar-riformi, ispirati mill-Pjanijiet ta' Azzjoni żviluppati fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li għandhom jiġu implimentati mal-Bjelorussja;

6.  Huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja, li ilu ffriżat mill-1997, għandu jerġa' jiġi attivat ladarba r-riformi politiċi kollha jkunu tlestew u ġew implimentati;

7.  Jiddispjaċih li, wara xi passi inizjali pożittivi iżda limitati meħuda mill-Gvern tal-Bjelorussja, ma sar l-ebda progress ieħor fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jesprimi t-tħassib tiegħu, f'dan ir-rigward, dwar ir-ripressjoni kontinwa tal-opponenti politiċi, tal-artisti u tal-ġurnalisti u r-rifjut tar-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi, tal-NGOs u tal-midja indipendenti;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja biex jirrevedu s-sentenzi ta’ "libertà ristretta" imposti fuq parteċipanti f’dimostrazzjoni paċifika f'Jannar 2008 kif ukoll il-priġunerija tas-Sur Artsyom Dubski li, skont l-Amnesty International, huwa priġunier tal-kuxjenza, bħalma huma dawk ikkundannati għal “libertà ristretta"; jitlob għall-ħelsien immedjat tal-intraprendituri Mikalai Awtukhovich u Uladzimir Asipenka, li ilhom miżmuma f’detenzjoni ta’qabel il-proċess legali għal tmien xhur;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu ripetut tal-piena tal-mewt fil-Bjelorussja u jenfasizza li dan imur kontra d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi fis-snin mgħoddija li l-piena kapitali tibda tonqos gradwalment; jistieden lill-Bjelorussja sabiex tiddikjara moratorja fuq l-użu tal-piena tal-mewt bil-ħsieb tal-abolizzjoni tagħha; jittama li din il-kwistjoni tiġi trattata b'mod effiċjenti fil-qafas tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li twaqqaf dan l-aħħar bejn il-Bjelorussja u l-UE;

10. Jinsisti li l-progress ċar u sinifikanti lejn id-demokratizzazzjoni għandu jinkiseb fis-sena li ġejja sabiex is-sanzjonijiet jitneħħew kompletament u l-kondizzjonijiet għal involviment sħiħ mill-ġdid mal-Bjelorussja għandhom ikunu:

-    ir-rispett tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi li għadhom miżmuma,

-    il-libertà ta’ reġistrazzjoni għall-partiti politiċi u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-ħidma tal-NGOs u l-midja indipendenti,

-    bidliet sinifikanti fil-liġi elettorali b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE/ODIHR li jiżguraw elezzjonijiet lokali ħielsa, ġusti u trasparenti fir-Rebbiegħa 2010, inkluż l-aċċess għall-midja għall-partiti politiċi kollha matul il-kampanja;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ u effettiv mill-possibilitajiet għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili u l-iżviluppi demokratiċi fil-Bjelorussja permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u jenfasizza fl-istess ħin li l-appoġġ għall-oppożizzjoni demokratika għandu jifforma parti integrali mill-proċess gradwali ta' involviment mill-ġdid mal-Bjelorussja;

12. Jenfasizza li ż-żjara tal-Prim Ministru Taljan f’Minsk dgħajfet il-konsistenza u l-koerenza tal-politika komuni tal-UE fir-rigward tal-Bjelorussja; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex itejbu l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom lejn dan il-pajjiż u biex iżidu l-konsultazzjoni qabel ma jieħdu inizjattivi bilaterali importanti mal-Bjelorussja;

13. Jieħu nota tal-isforzi biex jirribattu l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u jagħtu spinta lill-ekonomija billi jitħaffu l-ostakoli għall-investiment u jsiru riformi fid-drittijiet tal-proprjetà u s-settur privat, u ta' dak li nkiseb f'dan ir-rigward;

14. Jenfasizza li l-isforzi magħmula biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, tiżdied it-trasparenza u jissaħħaħ l-istat tad-dritt, li huma fundamentali biex jattiraw aktar investiment barrani, ma kinux suffiċjenti;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Mejju 2010Avviż legali