imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-Bjelorussja
Michał Tomasz Kamiński, Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Paweł Robert Kowal, Marek Henryk Migalski, Mirosław Piotrowski, Tomasz Piotr Poręba, Konrad Szymański, Adam Bielan
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bjelorussja
B7‑0256/2009
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tat-2 ta' April 2009 dwar l-evalwazzjoni biennali tad-djalogu bejn l-UE u l-Bjelorussja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja li wasal għalihom il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009, li kienu jinvolvu sospensjoni ulterjuri tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-viża għal ċerti uffiċjali Bjelorussi, inkluż il-President Alexander Lukashenko, u l-estensjoni tal-miżuri restrittivi sa Ottubru tal-2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar l-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda min-naħa tal-Unjoni Ewropea li ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Bjelorussja u l-poplu tagħha fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq tas-17 ta' Novembru 2009, laqa' b’sodisfazzjon it-tisħiħ tal-koperazzjoni teknika u tad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Bjelorussja, u l-parteċipazzjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant,
B. billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Bjelorussja wara d-deċiżjoni meħuda fis-16 ta' Marzu 2009 b'konformità mat-termini stipulati fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu 2009/314/PESK, iddeċieda li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi u li jissospendi l-applikazzjoni ta’ dawk ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, għal perjodu ta’ tnax-il xahar,
C. billi l-UE stabbiliet Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mal-Bjelorussja,
D. billi, b'reazzjoni għall-passi pożittivi li ttieħdu mill-Bjelorussja, il-Kummissjoni diġà intensifikat id-djalogu ma' dak il-pajjiż f'oqsma bħalma huma l-enerġija, l-ambjent, id-dwana, it-trasport u s-sikurezza tal-ikel,
E. billi l-Kunsill inkluda lill-Bjelorussja fid-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta' Marzu 2009 dwar l-Inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant, li nediet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tat-3 ta' Diċembru 2008 bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni ma' għadd ta' pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant,
F. billi l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, fuq il-bażi tar-rapport tagħha tal-missjoni ta' ġbir ta' fatti f’Minsk (mill-20 sal-24 ta’ Settembru 2009) li twettqet b'kollaborazzjoni ma' diversi NGOs internazzjonali, ma osservat l-ebda progress sinifikanti fil-qasam tal-libertà tal-midja fil-Bjelorussja,
G. billi Alyaksandr Milinkevich, il-mexxej tal-Moviment għal-Libertà, esprima d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li ma tqajmet l-ebda problema tad-drittijiet tal-bniedem waqt iż-żjara ta' Silvio Berlusconi f'Minsk fit-30 ta' Novembru 2009 u minħabba li l-Prim Minsitru Taljan ma ltaqax ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili meta kien fil-Bjelorussja,
H.billi fit-2 ta' Novembru 2009, il-President Bjelorussu Alexander Lukashenko qal li ‘r-rabtiet mal-Unjoni Ewropea bħala sieħeb konsolidat b'saħħtu jikkostitwixxu wieħed mill-fatturi fundamentali biex jiġu żgurati l-indipendenza u s-sovranità fil-Bjelorussja, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku, xjentifiku u teknoloġiku’,
I. billi, wara sentejn ta’ xandir, l-istazzjon TV Belsat huwa s-sors ta’ informazzjoni ewlieni u indipendenti għall-Bjelorussi u l-uniku operatur tax-xandir bit-televiżjoni li jittrasmetti firxa sħiħa ta’ programmi bil-Bjelorussu u qed jiġbed numru dejjem akbar ta’ telespettaturi regolari fil-Bjelorussja,
1. Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali Bjelorussi u fl-istess waqt li jissospendi l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri għal perjodu ulterjuri ta' 12-il xahar;
2. Jenfasizza l-importanza tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u jemmen li dan se jikkontribwixxi għal żviluppi pożittivi fil-qasam tal-libertajiet ċivili u politiċi fil-Bjelorussja; madankollu jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja u dwar il-każijiet ta' ksur f'dan il-qasam;
3. Jilqa' b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni attiva tal-gvern Bjelorussu fl-inizjattivi tas-Sħubija tal-Lvant bħala mezz favur il-ħolqien ta' ftehim reċiproku u li jagħti l-opportunità li jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u l-kwistjonijiet ta' interess komuni;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji rakkomandazzjonijiet għall-possibilità ta' adozzjoni ta' direttivi dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viża u dwar ftehimiet ta' dħul mill-ġdid mal-Bjelorussja ladarba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti; jemmen li azzjoni bħal din hija kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Bjelorussja, jiġifieri li jissaħħaħ il-kuntatt bejn il-popli, li l-Bjelorussja tkun parti mill-proċessi Ewropej u reġjonali u li l-proċess ta' demokratizzazzjoni fil-pajjiż isir wieħed irriversibbli;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel abbozz ta' proposta dwar pjan konġunt interim għall-Bjelorussja li jistabbilixxi l-prijoritajiet għal riformi ispirati mill-pjanijiet ta' azzjoni żviluppati fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat sabiex terġa' tingħata l-ħajja lill-proċedura sospiża ta' ratifikazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja;
6. Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex iqisu żieda fl-għajnuna finanzjarja li jagħtu lill-Bjelorussja, b'enfasi partikolari fuq is-sitwazzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jirrevedu l-mandat tagħhom sabiex tiġi faċilitata t-tranżizzjoni tal-Bjelorussja lejn id-demokrazija, lejn soċjetà pluralistika u lejn ekonomija tas-suq; jemmen li din il-possibilità ta' għajnuna finanzjarja għandha tkun tiddependi fuq il-kisba ta' progress sostanzjali fl-oqsma msemmija hawn taħt;
7. Jinsisti li għandhom jiġu inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika tal-Bjelorussja fid-djalogu bejn l-UE u l-Bjelorussja; f'dan il-kuntest, jirrakkomanda li l-Bjelorussja tingħata l-istatus ta' osservatur fl-inizjattiva Euronest u tkun rappreżentata minn delegazzjoni ta' ħames membri mill-Parlament Bjelorussu u ħames membri magħżula mill-oppożizzjoni demokratika; jinsisti li jekk l-awtoritajiet Bjelorussi ma jaċċettawx l-offerta '5+5', il-parti Bjelorussa għandha tkun rappreżentata minn 10 membri tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika;
8. Iħeġġeġ lill-Bjelorussja biex tkompli tikkopera mal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE/ODIHR) fir-rigward tal-kodiċi elettorali; jistenna li l-bidliet fil-kodiċi elettorali miftiehma mal-OSCE/ODIHR, u li skont Lidziya Yarmoshyna - il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali Bjelorussa - 'se jissodisfaw l-istandards Ewropej' u li diġà ġew aċċettati mill-gvern Bjelorussu, se jiġu adottati fil-Kamra tar-Rappreżentanti Bjelorussa matul din is-sessjoni tal-Ħarifa u se jidħlu fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet lokali ppjanati għar-Rebbiegħa tal-2010;
9. Jenfasizza li t-twettiq ta’ elezzjonijiet liberi u ġusti fil-Bjelorussja, f’kull livell u f’kull rigward, għandu jkun għan politiku tal-Unjoni Ewropea, li se jippermetti li l-Bjelorussja ssir verament demokrazija Ewropea;
10. Jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-UE u l-Istati Membri biex jagħmlu laqgħat politiċi mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika, b’mod partikolari meta jkunu qed iżuru l-Bjelorussja;
11. Iħeġġeġ lill-Gvern Bjelorussu biex juża t-12-il xahar li ġejjin sabiex jagħti prova li jkun sar progress reali f'dawn l-oqsma li ġejjin:
– il-Liġi tal-Midja għandha tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar il-Missjoni Internazzjonali ta' Ġbir ta' Fatti fir-Repubblika tal-Bjelorussja, li twettqet mill-20 sal-24 ta' Settembru 2009, b'mod partikolari fl-aspetti li ġejjin: l-għoti ta' drittijiet ugwali lill-mezzi kollha tal-midja billi titneħħa l-projbizzjoni tat-tqassim tal-midja stampata permezz tan-netwerks ta' distribuzzjoni Belsayuzdruk (sistema ta' kjoskijiet) li huma proprjetà tal-Istat, u permezz tas-servizz postali tal-Istat Bjelorussu, il-Belposhta; it-twaqqif ta' kriterji ċari għall-approvazzjoni ta' ġurnalisti u għall-ħruġ ta' liċenzji u ta' frekwenzi għax-xandir; il-ġurnalisti għandhom jitħallew iwettqu dmirijiethom bil-libertà matul avvenimenti pubbliċi; ir-riforma tal-Liġi tal-Midja, tal-Liġi tar-Reazzjoni għall-Estremiżmu u tal-artikoli tal-Kodiċi Kriminali (368, 369, 369-1, 193-1) li jikkonċernaw l-inġurja;
– il-garanzija tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda permezz tat-tħassir tal-Artikolu 193-1 tal-Kodiċi Kriminali tal-Bjelorussja li jikkriminalizza l-attività f'isem assoċjazzjonijiet pubbliċi, partiti politiċi u fondazzjonijiet mhux irreġistrati; il-partiti politiċi (bħal pereżempju d-Demokrazija Kristjana Bjelorussa) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (bħall-Viasna) għandhom jitħallew jirreġistraw;
– il-ħarsien tal-libertà tar-reliġjon għal knejjes oħra barra l-Knisja Ortodossa Bjelorussa (il-Patrijarkat ta' Moska);
– l-eliminazzjoni ta' ostakli għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet li diġà qed joperaw fil-Bjelorussja, bħal pereżempju t-talba ta’ żidiet mhux raġonevoli fil-prezzijiet tal-kiri jew l-impożizzjoni ta' taxxi illegali fuq proġetti mwettqa bl-użu ta' għotjiet tal-UE (eż. il-każ tal-Kumitat ta’ Ħelsinki tal-Bjelorussja);
– il-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet politiċi billi ma titkompliex il-prattika ta' atti ta' intimidazzjoni għal raġunijiet politiċi, b'mod partikolari t-tkeċċija minn impjiegi u minn universitajiet; l-eliminazzjoni tal-persekuzzjoni ta' studenti li jitkeċċew mill-universitajiet minħabba allegazzjonijiet li jkunu evitaw is-servizz militari, jew inkella l-impożizzjoni li dawn jiksbu l-edukazzjoni tagħhom barra l-pajjiż; u r-reviżjoni tal-każijiet kollha ta' lieva militari furzata li tmur kontra d-drittijiet legali ta' bosta attivisti żgħażagħ, bħal Franak Viačorka, Ivan Šyla u Zmiter Fedaruk, u li tgħodd daqs teħid ta' ostaġġi mill-Istat;
12. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrevedu s-sentenzi li jinvolvu restrizzjonijiet tal-libertà imposti fuq il-parteċipanti fid-dimostrazzjoni paċifika li saret f'Jannar tal-2008, kif ukoll il-priġunerija tas-Sur Artsyom Dubski u ta’ dawk kollha li skont Amnesty International huma priġunieri tal-kuxjenza; jitlob li jinħelsu immedjatament l-imprendituri Mikalai Awtukhovich u Uladzimir Asipenka li ilhom miżmuma f'detenzjoni ta' qabel is-smigħ tal-każ għal dawn l-aħħar tmien xhur;
13. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali bi qbil mal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal-1 ta' Frar 1995; b'rabta ma' dan, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrikonoxxu l-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja, immexxija minn Angelika Borys, li reġgħet ġiet eletta bħala President tal-Kungress tal-Unjoni tal-Pollakki fil-15 ta' Marzu 2009;
14. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jirrispettaw il-prinċipju tar-reċiproċità tal-viża; fid-dawl tas-sospensjoni attwali tar-restrizzjonijiet għall-uffiċjali Bjelorussi, u fir-rigward tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex il-Kummissjoni tfassal direttivi għal negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viża għall-Bjelorussja, jikkundanna bis-saħħa r-rifjuti reċenti ta' viża ta' dħul lil Agnieszka Romaszewska, lil direttur ta' TV Belsat, lil professuri mill-Università ta' Bialystok, lil Christos Pourgourides - Membru tal-Parlament ta' Ċipru - u lil Emanuelis Zingeris -Membru tal-Parlament Litwan;
15. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jiżviluppaw djalogu ġenwin mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika; jenfasizza għalhekk l-importanza li jiġu definiti r-rwol u l-metodi ta' ħidma tal-Kumitat Konsultattiv Pubbliku;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ u effettiv mill-possibilitajiet li għandha biex jingħata appoġġ lis-soċjetà ċivili u lill-iżviluppi demokratiċi fil-Bjelorussja permezz tal-EIDHR;
17. Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex itaffu r-regoli li jirrestrinġu l-libertà tal-midja, bħal ma huma r-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni li huma ta’ piż kbir (li huma indirizzati wkoll lejn il-midja ta’ fuq l-Internet) u l-projbizzjoni fuq il-fondi barranin;
18. Jemmen li hemm bżonn urġenti li l-proġett TV Belsat jiġi internazzjonalizzat billi jiġi inkorporat appoġġ finanzjarju minn iktar pajjiżi u istituzzjonijiet, l-ewwel fosthom l-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ finanzjarju lil TV Belsat, u biex tħeġġeġ lill-Gvern Bjelorussu biex jirreġistra uffiċjalment lill-Belsat fil-Bjelorussja; jistieden lill-Gvern Bjelorussu biex, bħala sinjal ta' rieda tajba u bidla pożittiva, jippermetti li l-Università Bjelorussa tal-Istudji Umanistiċi Ewropej (EHU) li tinsab eżiljata f'Vilnjus (fil-Litwanja) tmur lura legalment fil-Bjelorussja bis-saħħa ta' garanziji ġenwini li se tkun tista' topera b'mod ħieles u terġa' tistabbilixxi ruħha f'kondizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp futur tagħha f'Minsk, b'mod partikolari biex l-EHU jingħatalha permess biex jerġa' jkollha l-librerija tagħha f'Minsk billi jingħatalha bini u jinħolqu l-kundizzjonijiet biex tkun tista’ tqiegħed il-kollezzjonijiet estensivi bil-Bjelorussu, bir-Russu, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bil-Franċiż għad-disponibilità ta' kulħadd;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblei Parlamentari tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropea, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.