imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0240/2009
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju
Eva Lichtenberger, Michael Cramer, Elisabeth Schroedter, Barbara Lochbihler, Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju
B7‑0033/2009
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija orali dwar Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (O-0150/09 – B7-0240/2009),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 192 u 265(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009, li stieden lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju sa tmiem l-2010,
– wara li kkunsidra l-programm tal-Kunsill, imħejji mill-Presidenza Spanjola, dik Belġjana u dik Ungeriża,
– wara li kkunsidra l-Forum dwar id-Danubju mwaqqaf fi ħdan il-Parlament Ewropew u l-ħidma tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, bit-titolu "L-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju", ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra l-Dikjarazzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ilma, kif ukoll il-Konvenzjonijiet ta’ Espoo, ta’ Aarhus u ta' Bern dwar il-ħarsien tal-ambjent;
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Belgrad li tirregola n-navigazzjoni tul id-Danubju,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi x-xmara Danubju tgħaqqad flimkien għaxar pajjiżi Ewropej - il-Ġermanja, l-Awstrija, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Kroazja, is-Serbja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Moldova u l-Ukraina - u sitta minnhom huma Stati Membri tal-UE;
B. billi l-istati tul id-Danubju jirrappreżentaw fond importanti ta’ potenzjal soċjoekonomiku fl-Ewropa, b'aktar minn 200 miljun abitant;
C. billi r-reġjun tad-Danubju huwa punt importanti fejn jiltaqgħu l-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE, il-miżuri għall-pajjiżi kandidati u għal kandidati potenzjali għall-adeżjoni, kif ukoll programmi għall-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat,
D. billi għandha tiġi żviluppata Strateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju fl-oqsma ta' kooperazzjoni li ġejjin: il-protezzjoni u l-iżvilupp soċjali, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u t-turiżmu, il-biedja u s-sajd, it-trasport u l-infrastruttura tal-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent, il-kultura u l-edukazzjoni,
E. billi din l-istrateġija tista' tagħti kontribut importanti sabiex titjieb il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u dawk lokali u l-organizzazzjonijiet li joperaw fir-reġjun tad-Danubju u twassal għall-ġid, l-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u s-sigurtà fiż-żona,
F. billi l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju, ibbażata fuq il-mudell tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, għandha l-potenzjal li tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali għal tkabbir ekonomiku ulterjuri u li tidentifika reazzjonijiet konġunti għal sfidi komuni,
G. billi r-reġjun tad-Danubju huwa punt ta’ dħul storiku sinifikanti li jgħaqqad il-Punent u l-Lvant tal-UE;
H. billi hemm storja twila ta’ kooperazzjoni fir-reġjun tad-Danubju: il-Kummissjoni Ewropea għad-Danubju, imwaqqfa fit-30 ta’ Marzu 1856 u oriġinarjament ibbażata f’ţi (fir-Rumanija), kienet wahda mill-ewwel istituzzjonijiet Ewropej, u llum hija bbażata f’Budapest,
I. billi x-xmara Danubju kważi saret passaġġ intern ta’ navigazzjoni tal-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir tal-2007, u r-Reġjun tad-Danubju jista', billi jirrispetta l-fluss naturali tax-xmara, jagħti kontribut sostanzjali biex jirrifletti l-bidliet li seħħew wara t-tkabbir,
J. billi jekk iż-żona tad-Danubju titqies bħala makro-reġjun wieħed jingħata kontribut sabiex jingħelbu d-differenzi reġjonali fil-prestazzjoni ekonomika u jissaħħaħ l-iżvilupp integrat,
K. billi l-Delta tad-Danubju ntgħażlet bħala Post ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO fl-1991, u billi fir-reġjuni tad-Danubju hemm diversi Żoni ta' Protezzjoni Speċjali u Żoni ta' Konservazzjoni Speċjali fil-qafas tan-Natura 2000; billi d-Danubju u l-Delta tad-Danubju għandhom ekosistema unika u fraġli, li fiha hemm speċijiet ta’ pjanti rari li huma mhedda minħabba t-tniġġis,
1. Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda, kemm jista' jkun malajr, konsultazzjonijiet wesgħin mal-pajjiżi kollha tul ix-xmara Danubju u tippreżenta l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju sa mhux aktar tard minn tmiem l-2010;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal Strateġija tal-UE għad-Danubju sabiex jiġu koperti l-aspetti varji tal-kooperazzjoni reġjonali fuq bażi orizzontali, jiġu promossi s-sinerġiji, ikun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi differenti fuq il-livell lokali u reġjonali u tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn il-korpi u l-organizzazzjonijiet reġjonali differenti;
3. Jemmen li l-korpi reġjonali u lokali, minħabba li huma qrib tal-popolazzjoni u li jagħrfu l-ħtiġiet tagħhom, u s-soċjetà ċivili stess għandu jkollhom rwol importanti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-istrateġija tal-UE;
4. Jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun tad-Danubju u l-promozzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali akbar fir-reġjun tad-Danubju bħala komponent dinamiku ta’ żona ekonomika u politika Ewropea usa';
5. Jitlob li titjieb il-qagħda ekoloġika tad-Danubju, li bħalissa hija xmara mniġġsa, u li jittieħdu miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis u jiġu evitati aktar emissjonijiet ta' żejt u sustanzi oħra tossiċi u ta' ħsara;
6. Jinnota li r-responsabiltà għat-tniġġis tar-Reġjun tad-Danubju hija kemm tal-pajjiżi l-oħrajn ta’ max-xmara u kif ukoll tal-Istati Membri; jisħaq li l-ħarsien tal-ambjent fil-baċin tax-xmara Danubju huwa aspett importanti li se jinfluwenza bil-kbir l-iżvilupp agrikolu u rurali tar-reġjun u għalhekk jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jimplimentaw ftehim komuni dwar is-salvagwardja tad-Danubju kontra t-tniġġis, kif propost fl-hekk imsejħa Konvenzjoni ta' Ħelsinki(1);
7. Jisħaq dwar il-ħtieġa tal-protezzjoni u t-titjib tal-istokkijiet tal-ħut fid-Danubju; jitlob lill-Kummissjoni tipprepara pjan komprensiv għall-konservazzjoni u r-restawr tal-istokk naturali ta’ storjun fid-Danubju;
8. Jisħaq dwar il-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat immirat lejn użu aktar effiċjenti u aħjar tal-fondi disponibbli tal-UE fl-Istati tul id-Danubju, biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija;
9. Jisħaq li l-Istrateġija tad-Danubju għandha tinkludi l-miżuri li għandhom ikunu implimentati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi li minnhom tgħaddi x-xmara;
10. Jenfasizza l-ħtieġa, fil-qafas tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, ta’ miżuri mmirati biex jikkonservaw il-kapaċità naturali taż-żamma tal-għargħar tal-baċin tad-Danubju u jevitaw ir-rikorrenza tal-għargħar;
11. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tkun żgurata d-diversifikazzjoni tal-għejjun tal-enerġija li tiġġedded u jistieden lill-Kummissjoni u lill-istati kollha li minnhom tgħaddi x-xmara biex iżidu l-kooperazzjoni f’dan il-qasam;
12. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li tgħaddi minnhom ix-xmara biex jippromwovu u jimplimentaw proġetti konġunti dwar l-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija u dwar riżorsi enerġetiċi li jiġġeddu, fid-dawl tal-potenzjal tar-reġjun bħala għajn ta' bijoenerġija, u biex jinkoraġġixxu l-użu ta' enerġija mill-bijomassa, mix-xemx, mir-riħ u mill-ilma;
13. Jisħaq li l-evalwazzjonijiet strateġiċi adegwati tal-impatt fuq l-ambjent, inklużi l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ekosistema kollha tax-xmara, għandhom ikunu prerekwiżit għall-proġetti kollha ta' infrastruttura relatati mal-enerġija, sabiex jiġi garantit li jintlaħqu l-istandards internazzjonali tal-ħarsien tal-ambjent, wara li jiġu kkonsultati l-imsieħba li jistgħu jiġu affettwati b’dawn id-deċiżjonijiet;
14. Jenfasizza li n-Natura 2000 u d-Direttivi ta’ Qafas dwar l-Għasafar Selvaġġi, dwar il-Ħabitats u dwar l-Ilma għandhom jiġu rispettati meta jiġu deċiżi, ippjanati u żviluppati proġetti ta' infrastruttura rigward id-Danubju;
15. Ifakkar l-irwol tad-Danubju bħala fattur li jgħaqqad fir-reġjun; jissuġġerixxi li jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri mingħajr xkiel fir-reġjun;
16. Jipproponi l-integrazzjoni tas-sistema tat-trasport tal-UE mas-sistemi tal-pajjiżi ġirien tal-UE fir-reġjun tad-Danubju u jenfasizza l-importanza li ssir dispożizzjoni għall-proġetti intermodali għall-promozzjoni ta' taħlita aħjar bejn il-ferrovija u t-trasport fuq ir-rotot interni tal-ilma u jistieden lill-Kummissjoni u l-partijiet kollha l-oħra kkonċernati biex dejjem jagħtu prijorità lid-dehra u l-użu orjentati għan-natura tad-Danubju u li ma jbiddlux il-fluss tax-xmara permezz ta’ lqugħ biex iżomm l-ilma u miżuri tekniċi oħra għal raġunijiet ekonomiċi, dawk marbuta mat-trasport jew oħrajn;
17. Iqis is-sistema ta’ navigazzjoni tar-rotot interni tal-ilma bħala aspett importanti tal-iżvilupp tat-trasport tar-reġjun, filwaqt li jirrikonoxxi t-tnaqqis tan-navigazzjoni fir-rotot interni tal-ilma, li huwa dovut l-aktar għat-tnaqqis qawwi ekonomiku, u jisħaq fuq l-importanza tal-appoġġ tal-kunċetti loġistiċi intermodali li jinkludu l-ferrovija u r-rotot tal-ilma, il-promozzjoni ta’ vapuri adattati għax-xmajjar minħabba li d-Danubju hija baxxa u tagħmir aħjar fil-portijiet interni tax-xmara;
18. Jipproponi li n-Netwerk Trans-Ewropew jittejjeb biex tiżdied l-intermodalità fir-reġjun kollu kif ukoll il-konnettività mal-Baħar l-Iswed permezz ta' taħlita ta’ trasport fuq ix-xmajjar ma’ rotot u servizzi ferrovjarji aħjar;
19. Iqis it-turiżmu sostenibbli bħala strument importanti għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku tar-reġjun, u jinnota per eżempju l-opportunitajiet offruti mill-ekoturiżmu u l-potenzjal ekonomiku ta' passaġġ għar-roti kważi tul id-Danubju kollu, jiġifieri r-Rotta 6 tan-Netwerk EuroVelo;
20. Jiġbed l-attenzjoni għall-interdipendenza ekonomika eċċezzjonali tal-istati fir-reġjun tad-Danubju u jenfasizza l-importanza dwar l-investiment fl-ICTs u fl-iżvilupp tal-impriżi żgħar u medji biex jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli u effiċjenti u tkun stimolata l-ekonomija l-ħadra fil-makro-reġjun kollu tad-Danubju;
21. Jappoġġja l-programmi mmirati lejn it-titjib tal-ambjent multikulturali tad-Danubju billi tkun ikkoltivata l-mobilità multinazzjonali, ikun promoss id-djalogu kulturali, jiġu ġġenerati forom ta’ arti u komunikazzjoni u jitħares il-wirt kulturali u storiku;
22. Jappoġġja l-programmi ta’ skambji universitarji fi ħdan ir-reġjun u jipproponi li l-universitajiet fir-reġjun jikkostitwixxu netwerks biex jikkoltivaw ċentri ta’ eċċellenza kapaċi li jikkompetu f’livell internazzjonali;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-arranġamenti amministrattivi biex inaqqsu l-piż amministrattiv inerenti fl-iżvilupp aktar effettiv u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw il-proġetti transkonfinali ta' prijorità għar-reġjun tad-Danubju;
25. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib miegħu biex jiġu ddefiniti l-prijoritajiet għall-iżvilupp tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, filwaqt li jitqies id-dibattitu dwar ir-rwol tal-makro-reġjuni fil-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni, u biex taħdem miegħu ukoll fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija;
26. Jipproponi li kull sentejn isir Samit bejn l-UE u d-Danubju li jinvolvi l-partijiet interessati lokali u reġjonali kif ukoll is-soċjetà ċivili, u li l-konklużjonijiet tiegħu jiġu ppreżentati lill-Kunsill Ewropew u l-Parlament;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-istituzzjonijiet relevanti l-oħra.