Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2009 rigward l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
B7‑0065/2010
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza li ħarġu mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, fejn saret il-wegħda lill-istati kollha tal-Balkani tal-punent li dawn jissieħbu mal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 biex jagħti lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-istatus ta' pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE u l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 u tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interim tal-1995 bejn ir-Repubblika tal-Greċja u l-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja;
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2009 tal-Kummissjoni dwar l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru bl-isem 'Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2009-2010'(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-sitt laqgħa tal-Kunsill dwar l-Istabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tas-27 ta' Lulju 2009,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari Konġunt tal-UE u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tal-31 ta' Marzu 2009,
– wara li kkunsidra l-ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tat-18 ta' Settembru 2007 u r-Regolament tal-Kunsill 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009(2), adottat fl-1 ta' Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn din il-ħtieġa,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/212/KE tat-18 ta' Frar 2008(3) dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsilli tal-Affarijiet Ġenerali u l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-7 u t-8 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-proċess tat-tkabbir huwa ta' benefiċċju kemm għall-pajjiżi li jkunu fi triqithom lejn l-adeżjoni kif ukoll għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi,
B. billi l-proċess ta' integrazzjoni fl-UE jkompli jkollu influwenza pożittiva fuq ir-riformi fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u jgħin biex dan jilħaq aktar stabbiltà, sliem u prosperità,
C. billi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi kwalunkwe pajjiż li jixtieq jissieħeb fl-UE hija prijorità importanti fuq l-aġenda tal-adeżjoni mal-UE,
D. billi l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qed tkompli fil-proċess ta' riforma u se taderixxi mal-Unjoni Ewropea hekk kif il-pajjiż ikun issodisfa l-kriterji kollha ta' Kopenħagen.
1. Jifraħ lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għall-progress li wettqet mill-aħħar rapport ta' progress; jinnota b'sodisfazzjon li, fuq il-bażi ta' dan il-progress, il-Kummissjoni rrakkomandat li jinbdew in-negozjati tal-adeżjoni; jistieden lill-Kunsill biex mingħajr aktar dewmien jikkonferma r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fis-samit ta' Marzu 2010, u jistenna li n-negozjati jibdew fil-futur qarib;
2. Jenfasizza li l-prospett ċar, tanġibbli u f'waqtu ta' sħubija fl-UE għadu l-forza mexxejja ewlenija għall-proċess ta' riforma fil-pajjiżi tar-reġjun u tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja b'mod partikulari; ifakkar, barra minn hekk, li l-progress bla xkiel lejn is-sħubija fl-UE hu importanti ħafna għall-iżgurar tal-istabilità politika, li hija għan komuni li jaqsmu bejniethom l-atturi politiċi u l-gruppi etniċi fil-pajjiż;
Żviluppi politiċi
3. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kunsens wiesa' bejn il-partiti tal-gvern u l-oppożizzjoni dwar il-vokazzjoni Ewropea tal-pajjiż; jinnota b'sodisfazzjon li dan il-kunsens u d-djalogu politiku mtejjeb wasslu għal aċċellerazzjoni fl-adozzjoni ta' liġijiet dwar l-integrazzjoni mal-UE; madankollu, jisħaq dwar l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva ta' tali liġijiet; jilqa' l-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni tappoġġja l-proċess ta' adeżjoni mal-UE u għaldaqstant hija impenjata li tappoġġja r-riformi meħtieġa;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress tajjeb li għamel il-pajjiż fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u b'mod partikulari l-adozzjoni tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi; jinnota, madankollu, li għadha prevalenti l-korruzzjoni, problema komuni fil-pajjiżi tar-reġjun, u li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi enerġiċi biex tinqered;
5. Ifakkar li parlamenti effiċjenti, li jaqdu r-rwol tagħhom ta' leġiżlaturi u jeżerċitaw poteri ta' sorveljanza fuq l-attivitajiet tal-gvernijiet, huma pedament tad-demokrazija; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-liġi dwar il-parlament tal-pajjiż, li ttejjeb konsiderevolment il-funzjonament tiegħu; jinnota li hemm il-ħtieġa biex il-funzjonament tal-parlament ikompli jittejjeb u jissaħħaħ ir-rwol tal-oppożizzjoni, billi r-regoli ta' proċedura tal-parlament jiġu emendati skont l-aqwa prattiki Ewropej; jiddeplora d-deċiżjoni riċenti ta' partit politiku li jirtira mill-attività parlamentari u jħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha biex ifittxu soluzzjoni aċċettata b'mod ġenerali li tkun twassal għan- normalizzazzjoni tal-ħidma parlamentari;
6. Jifraħ lill-awtoritajiet għal kif tmexxew l-elezzjonijiet presidenzjali u lokali, li kienu jikkostitwixxu progress tajjeb meta mqabbla mal-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-2008; jinnota b'sodisfazzjon li l-elezzjonijiet laħqu l-parti l-kbira tal-istandards internazzjonali, u jistieden lill-gvern biex ikompli bl-implimentazzjoni tiegħu tal-bqija tar-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE/ODIHR, b'mod partikulari permezz tal-aġġornament tal-lista tal-votanti, billi jiġi żgurat li l-partijiet politiċi u l-kandidati għandhom aċċess ugwali għall-mezzi tax-xandir u billi d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-kampanja jiġu implimentati bis-sħiħ; jenfasizza għadd ta' każijiet rappurtati fejn votanti, b'mod partikolari membri taċ-ċivil, ġarrbu pressjoni u intimidazzjoni, każijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ttieħdu passi bil-ġustizzja kontra xi wħud minn dawk li wettqu l-irregolaritajiet, u jistenna li l-irregolaritajiet li fadal jiġu investigati u li min wettaqhom jittella' quddiem il-qrati;
7. Jisħaq fuq l-importanza massima għal titjib fir-relazzjonijiet interetniċi, inkluża l-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem minn kull bażi etnika, billi jkompli jiġi implimentat il-Qafas tal-Ftehim ta' Ohrid, li huwa l-ġebla tax-xewka tar-relazzjonijiet interetniċi fil-pajjiż; jistieden lill-komunitajiet kollha u l-mexxejja tagħhom biex jirrispettaw is-sensibilitajiet tal-gruppi l-oħra, u b'mod partikulari biex joqogħdu lura milli jużaw lingwaġġ xewwiexi u simboliżmu provokanti li jnawwar ir-rwol ta' gruppi etniċi oħra; barra minn hekk, jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni fil-proċess ta' integrazzjoni, u f'dan ir-rigward jistieden lill-awtoritajiet biex gradwalment iwarrbu l-prattika ta' xiftijiet etnikament separati fl-iskejjel;
8. Jiġbed l-attenzjoni b'mod partikulari għall-proċess dejjem għaddej ta' deċentralizzazzjoni, li huwa pass importanti biex il-pajjiż jiffunzjona aħjar, u għat-titjib tar-relazzjonijiet interetniċi; jenfasizza li, biex tkun żgurata l-implimentazzjoni b'suċċess ta' dan il-proċess, il-muniċipalitajiet jeħtieġ li jingħatawlhom biżżejjed fondi biex jaqdu l-kompiti l-ġodda u li għandhom jiġu mtejba l-kapaċitajiet tagħhom biex twettaq il-kompetenzi mogħtija;
9. Jisħaq fuq il-fatt li l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja huwa element vitali fl-istat ta' dritt; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-progress li sar fil-qasam tal-ġudikatura u l-impenn tal-gvern li jissokta bir-riformi, kif juri, fost l-oħrajn, permezz tal-finanzjament miżjud tal-qrati u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku; jenfasizza l-importanza tal-liġijiet li jimplimentaw u jistieden lill-awtoritajiet biex ikomplu jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikanti u biex jiżguraw l-imparzjalità tagħhom; jinnota li naqas l-għadd ta' kawżi pendenti u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu jtejbu l-effiċjenza tas-sistema, filwaqt li jkompli jissaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-investigazzjoni u l-proċeduri legali; jistieden, barra minn hekk, biex bla dewmien tiġi adottata l-liġi dwar l-assistenza legali;
10. Jinnota l-progress li sar fir-riforma tal-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika b'mod ġenerali, u l-adozzjoni tal-liġi dwar il-membri taċ-ċivil b'mod partikulari; jistieden lill-awtoritajiet biex jiżguraw il-konformità mal-liġi billi jtemmu l-prattiki ta' promozzjonijiet illegali u l-għoti ta' impjiegi temporanji lil hinn mill-ambitu tal-liġi;
11. Jilqa' l-progress miksub fir-riforma tal-pulizija u l-ħolqien tas-sistema l-ġdida għall-avvanz fil-karriera, li tikkontribwixxi għall-proċess tad-dipolitiċizzazzjoni tagħha; jistieden lill-awtoritajiet sabiex ikomplu bir-riformi, sabiex jiżguraw mekkaniżmi effiċjenti u demokratiċi għas-sorveljanza tal-pulizija u sabiex tiġi evitata l-imġiba ħażina u l-abbuż ta' poter min-naħa tal-pulizija;
12. Jistieden lill-awtoritajiet biex jippromwovu aktar l-iżvilupp ta' midja indipendenti u mħallta, ħielsa minn indħil politiku; jenfasizza l-ħtieġa li b'mod kontinwu tissaħħaħ il-libertà tal-midja billi jiġu applikati standards Ewropej u titjieb it-trasparenza;
13. Jistieden lill-awtoritajiet biex jiżviluppaw strateġija kontra d-diskriminazzjoni (li tiżgura l-ugwaljanza tan-nies kollha, indipendentement mill-oriġini etnika, is-sess, l-età, ir-reliġjon jew l-orjentazzjoni sesswali jew id-diżabilità) u biex jadottaw il-leġiżlazzjoni meħtieġa għal dan il-għan; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' sforzi enerġiċi biex tittejjeb il-qagħda tan-nisa u t-tfal, u biex jitħarsu mill-vjolenza domestika;
14. Jistieden lill-gvern biex jagħmel aktar sforzi biex iżid il-parteċipazzjoni attwalment limitata tan-nisa fil-ħajja politika; jilqa' l-miżuri pożittivi meħudha, li wasslu għal żieda fil-proporzjon ta' nisa fil-parlament nazzjonali; iqis madankollu li huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika fil-livell tal-gvern lokali;
15. Jilqa' b'sodisfazzjon il-qafas istituzzjonali l-ġdid ta' kumitati għall-opportunitajiet indaqs li nħolqu u jittama li dawn il-kumitati se jiġu provduti b'riżorsi adegwati u jingħataw mandati ċari;
16. Jinnota li, minkejja li ġiet adottata politika biex tiġi miġġielda l-vjolenza domestika, din it-tip ta' vjolenza għadha, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, kwistjoni li tqajjem tħassib; għandu l-pjaċir jinnota li d-definizzjoni ta' stupru fid-dritt kriminali twessgħet, u dan ifisser aktar ħarsien għan-nisa;
17. Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-muniċipalitajiet kollha sabiex jiffirmaw il-memorandum ta' koperazzjoni għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-inklużjoni tar-Roma 2005 u 2015, flimkien mal-Istrateġija għar-Roma, sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet tar-Roma lokalment b'koperazzjoni mal-istituzzjonijiet governattivi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Maċedonja biex iżidu l-finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Operazzjonali fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar in-nisa Roma;
18. Jenfasizza r-rwol li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-trasformazzjoni dejjiema tal-pajjiż, fir-rigward mhux biss tal-proċess ta' riforma u l-ġlieda kontra l-korruzjoni iżda wkoll, tal-istess importanza, ir-relazzjonijiet interetniċi u l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li tali attivitajiet għandhom jiġu appoġġjati kif xieraq permezz tal-Istrument ta' Għajnuna ta' qabel l-Adeżjoni, f'Skopje u l-bqija tal-pajjiż;
Koeżjoni ekonomika u soċjali
19. Ifaħħar lill-gvern għall-politiki makro-ekonomiċi adottati biex ipattu għall-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija; huwa mħasseb li l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq il-pajjiż sejjer ikompli jħażżen il-livell għoli tal-qgħad u jtellef l-isforzi biex il-qgħad jitbaxxa; jenfasizza li l-awtoritajiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex kemm jista' jkun jiddefendu l-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà mill-effetti tal-kriżi;
20. Jifraħ lill-pajjiż għat-titjib fil-klassifika li dehret fl-aħħar rapport tal-Bank Dinji "Doing Business 2009"; madankollu, jinnota li l-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-azjendi għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-sjieda għadhom ma ttejbux biżżejjed, u li s-sistema tal-edukazzjoni m'għandhiex biżżejjed riżorsi biex tipproduċi r-riżorsi umani meħtieġa ħalli l-ekonomija tiżviluppa;
21. Jieħu nota tal-protest ta' dan l-aħħar min-naħa tal-unjins kontra t-tibdil li l-gvern ippropona fil-Liġi tax-Xogħol, li lill-ħaddiema jista' jnaqqsilhom id-drittijiet u l-libertajiet; jesprimi tħassib serju dwar l-istatus tal-ħaddiema, b'mod partikulari ħaddiema nisa fil-fabbriki tat-tessuti; jinnota li t-trattament indaqs għan-nisa u l-opportunitajiet ta' impjieg indaqs huma element ewlieni ta' ekonomija b'saħħitha u kompetittiva;
22. Iqis li, minkejja li l-allinjament tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ambjent diġà jinsab moderatament avvanzat, l-implimentazzjoni tagħha fil-livell lokali jeħtiġilha tittejjeb konsiderevolment; itenni l-istedina tiegħu għal monitoraġġ effikaċi tal-kwalità u l-livell tal-ilma fil-lagi Ohrid, Prespa u Dojran mal-fruntiera u x-xmara Vardar; jitlob għall-kooperazzjoni transkonfinali aktar mill-qrib dwar kwistjonijiet ambjentali, fuq il-bażi tal-istandards tal-UE, u jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattivi fil-livell reġjonali, bħal-laqgħa riċenti bejn il-Prim Ministri tal-Ġreċja, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Albanija;
23. Jitlob, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza ta' dawn l-ekosistemi, sabiex jittieħdu passi effettivi biex fuq il-bażi tal-iżvilupp sostenibbli, jitrażżan l-impatt negattiv tal-attivitajiet umani u ekonomiċi fuq tali ekosistemi, wara li kkunsidra b'mod partikulari l-ispeċi fil-periklu u s-saħħa b'mod ġenerali tal-abitati fraġli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li d-dewmien fil-bini ta' impjanti għat-trattament tad-drenaġġ fil-bliet prinċipali, fil-bliet iżgħar u fl-impjanti industrijali hu kwistjoni ta' tħassib;
24. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jibdew jinvestu fil-manutenzjoni u l-aġġornament tax-xibka ferrovjarja li sew mil-lat ekoloġiku kif ukoll minn dak ekonomiku, hi alternattiva vijabbli għas-sistema tat-toroq u kruċjali biex terġa' tinbeda kooperazzjoni reġjonali soda; iħeġġeġ lill-pajjiż biex jintegra aħjar is-sistema tat-trasport tiegħu mal-pajjiżi ġirien kollha rigward, b'mod partikulari, is-settur pubbliku, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-għajnuna teknika u finanzjarja meħtieġa fil-qafas tal-Istrument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;
25. Ifaħħar lill-Gvern tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għall-progress li għamel fil-preparamenti tiegħu biex jieħu f'idejħ il-fondi tal-Istrument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni; jinnota b'sodisfazzjon l-akkreditazzjoni ta' awtoritajiet nazzjonali għall-komponenti tal-Istrument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni dwar l-iżvilupp reġjonali, l-iżvilupp tar-riżorsi umani, l-iżvilupp rurali; jistieden lill-gvern tal-pajjiż u lill-Kummissjoni biex iħaffu ix-xogħol meħtieġ bil-għan li l-ġestjoni tal-komponenti tal-IPA jiġu trasferiti fuq l-assistenza ta' tranżizzjoni u l-bini tal-istituzzjonijiet kif ukoll fuq il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri; jenfasizza l-importanza tal-IPA bħala għodda importanti ddiżinjata biex tgħin lill-pajjiż jipprepara għas-sħubija ġejjiena fl-UE;
Kwistjonijiet reġjonali
26. Jifraħ lill-pajjiż talli laħaq in-normi kollha għall-iskema tal-liberalizzazzjoni tal-viżi, li wassal għal regolament tal-Kunsill 1244/2009 li jagħtih sistema ħielsa mill-viżi mid-19 ta' Diċembru 2009; jifraħ lill-gvern talli wera responsabbiltà reġjonali billi offra lill-Bosnja-Ħerzegovina l-għarfien espert tal-kap negozjatur fin-negozjati dwar il-viżi;
27. Jilqa' bil-ferħ il-parteċipazzjoni tal-pajjiż fil-missjonijiet ċivili u militari tal-UE, kif ukoll l-allinjament tiegħu mal-parti l-kbira tad-dikjarazzjonijiet u pożizzjonjiet komuni tal-UE; jinnota l-istabbiliment riċenti ta' relazzjonijiet diplomatiċi mal-Kosovo, kif ukoll il-konklużjoni tal-ftehim dwar id-demarkazzjoni fiżika tal-fruntiera, bħala kontribuzzjoni vitali għall-istabilità tar-reġjun;
28. Ifakkar li, b'konformità mal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2008 u dawk tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-7 u t-8 ta' Diċembru 2008 u tat-8 ta' Diċembru 2009, iż-żamma ta’ relazzjonijiet tajbin mal-ġirien, inkluża soluzzjoni negozjata u reċiprokament aċċettabbli fuq il-kwistjoni tal-isem, tibqa' element essenzjali;
29. Jilqa', għal dan il-għan, il-klima ġdida, aktar pożittiva, bejn il-gvernijiet tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja, wara l-elezzjonijiet reċenti fil-Greċja, u b’mod partikulari l-laqgħat reċenti bejn iż-żewġ prim ministri ta’ dawn il-pajjiżi; iħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi biex jagħtu spinta ġdida fl-ogħla livell biex tinstab soluzzjoni reċiprokament aċċettata għall-kwistjoni tal-isem, taħt l-awspiċi tan-Nazzjoni Uniti, u jisħaq li l-Unjoni Ewropea għandha tkun lesta biex tgħin fil-proċess tan-negozjati; jinnota, filwaqt li jitħasseb, dwar l-użu ta' argumenti storiċi fid-dibattitu li jinsab għaddej, inkluż il-fenomenu reċenti ta' dik magħrufa bħala "antikwiżazzjoni", li hemm is-sogru li tqawwi t-tensjonijiet mal-ġirien u toħloq qasmiet interni ġodda;
30. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva l-ġdida tal-Gvern Grieg talli ssuġġerixxa l-2014 bħala d-data simbolika u d-data ta' mira għall-adeżjoni tal-pajjiżi Balkani tal-Punent mal-UE; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-gvernijiet tal-pajjiżi fir-reġjun biex jagħmlu kontribut sinċier sabiex jilħqu dan l-għan nobbli;
31. Jenfasizza l-importanza tar-rikonċiljazzjoni u l-ftehim fir-reġjun, li jikkostitwixxu parti essenzjali tal-valuri u l-prinċipji Ewropej, u jinkoraġġixxi l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-pajjiżi ġirien tagħha biex jieħdu sehem b'mod attiv fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri li jsawru kunfidenzi fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri u billi jkun hemm ftehim dwar għarfien komuni tal-istorja; jistieden lill-awtoritajiet tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-pajjiżi ġirien biex jevitaw azzjonijiet jew stqarrijiet li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv tali sforzi; jinnota li l-ċelebrazzjonijiet konġunti ta' avvenimenti storiċi komuni mal-Istati Membri ġirien tal-UE jikkontribwixxu għal ftehim aħjar tal-istorja u ż-żamma ta' relazzjonijiet tajba mal-ġirien;
32. Jistieden lill-awtoritajiet tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiskoraġġixxu "diskors ta' mibegħda" rigward l-Istati Membri ġirien tal-UE fil-midja u dikjarazzjonijiet simili fil-kotba tal-iskola;
33. Jistieden lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u lill-pajjiżi ġirien biex jikkontribwixxu għal kultura politika bbażata fuq ir-rispett u l-ftehim reċiproku, il-fiduċja u t-tolleranza; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-responsabbiltà ewlenija tal-politiċi u tal-midja;
34. Jenfasizza r-responsabilità prinċipali tal-gvernijiet fir-reġjun għall-paċi, is-sigurtà u l-istabilità, kif ukoll ir-rwol importanti għal dak il-għan tal-istituzzjonijiet tal-UE, u jħeġġiġhom biex iqisu bir-reqqa l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom; jinnota bi tħassib, f'dan ir-rigward, il-posponiment min-naħa tal-Kunsill tad-deċiżjoni dwar passi ulterjuri fil-proċess ta' tkabbir rigward l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li jġorr miegħu r-riskju kemm li jaggrava t-tensjonijiet politiċi interetniċi fil-pajjiż u kemm li jkollu konsegwenzi negattivi għall-istabilità fir-reġjun;
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament tal-ex-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.