Proċedura : 2010/2504(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0082/2010

Testi mressqa :

B7-0082/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/02/2010 - 9.6
CRE 10/02/2010 - 9.6

Testi adottati :

P7_TA(2010)0016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kDOC 87k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0078/2010
3.2.2010
PE432.935v01-00
 
B7-0082/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Iran


Adrian Severin, Hannes Swoboda, Roberto Gualtieri, Sergio Gaetano Cofferati, Ana Gomes, María Muñiz De Urquiza f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Iran  
B7‑0082/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-28 ta' Diċembru 2009 dwar id-dimostrazzjonijiet reċenti fl-Iran,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni maħruġa mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Jannar 2010 dwar il-proċess ta’ seba’ mexxejja Baha'i fl-Iran,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iran tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 62/149 tat-18 ta’ Diċembru 2007 u 63/168 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran hija firmatarja tagħhom kollha,

–   wara li kkunsidra l-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u t-Trattat dwar it-Trattat ta' Non-Proliferazzjoni Nukleari, li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran hija firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-iżviluppi politiċi fl-Iran wara l-elezzjonijiet presidenzjali disputati ta’ Ġunju 2009 wrew li hemm potenzjal kbir ta’ bidla demokratika popolari fil-pajjiż immexxija mis-soċjetà ċivili dinamika, b’edukazzjoni tajba u attiva tiegħu,

B. billi d-dimostrazzjonijiet paċifiċi li għaddejjin bħalissa kontra l-elezzjoni meqjusa bħala frodi u l-limitazzjonijiet kbar fuq id-drittijiet politiċi u ċivili u l-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà tal-espressjoni u l-midja, imposti mir-Repubblika Iżlamika qed jiġu mrażżna b'mod vjolenti mill-gvern, b’mod partikulari bil-Gwardja Revoluzzjonarja u l-milizzja Basij,

C. billi eluf ta’ protestanti u dissidenti paċifiċi fosthom studenti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, avukati, difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, attivisti trejdunjonistiċi u kleriċi riformisti ġew arrestati arbitrarjament fi sforz ċar biex jintimidaw il-kritiċi u jxekklu d-dissidenza, billi uffiċjali governattivi kkonfermaw li, minn Ġunju 2009, mill-inqas 30 persuna li pprotestaw mietu fi protesti jew f’detenzjoni u mill-inqas sebgħa oħra mietu fi ġlied fis-27 ta' Diċembru, il-jum sagru ta’ Ashura; billi n-numru reali ta’ mwiet ikkawżati mill-vjolenza appoġġjata mill-gvern huwa maħsub li huwa ferm ogħla,

D. billi Mohammad Reza Ali Zamani u Arash Rahmanipour ingħataw il-forka fit-28 ta’ Jannar 2010 mill-awtoritajiet Iranjani wara proċess inġust minħabba allegata sħubija mal-‘oppożizzjoni monarkika’; billi tħabbret l-eżekuzzjoni ta’ disa’ persuni oħra kkundannati għall-mewt; billi l-Iran għandu waħda mill-ogħla rati ta’ eżekuzzjoni tad-dinja; billi huwa l-iktar pajjiż li jikser il-projbizzjoni fuq il-piena kapitali kontra delinkwenti minorenni,

E. billi ħafna minn dawk arrestati rrapportaw li kienu ġew imsawta u ttorturati, u f'ċerti każijiet attakkati sesswalment fil-ħabsijiet u fil-faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieta; billi inkjesta mwettqa mill-Majlis tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran fil-bidu tal-2010 ddeterminat li l-Viċi Prosekutur Saeed Mortazavi kien responsabbli b'mod dirett għall-imwiet ta' mill-inqas tliet detenuti li rriżultaw minħabba tortura u negliġenza fil-ħabs ta' Kahrizak, li l-ġudikatura kienet ordnat li jingħalaq tliet snin qabel,

F. billi fil-bidu ta’ Awwissu 2009, il-ġudikatura wettqet proċessi politiċi ta’ mijiet ta' riformisti u attivisti prominenti allegatament marbuta ma’ ‘parteċipanti fl-irvellijiet’ li qed jipprovaw jippromwovu ‘Rivoluzzjoni tal-Bellus’; billi waqt dawn il-proċessi ħafna minn dawn id-dissidenti taw konfessjonijiet fuq it-televiżjoni li kienu jidhru furzati,

G. billi, minbarra l-kriżi tad-drittijiet tal-bniedem li seħħet wara l-elezzjoni, il-forzi tas-sigurtà bdew jagħtu fastidju b’mod sistematiku lil membri ta' minoranzi reliġjużi, bħal ma huma l-Baha'i, il-Lhud u s-Sunni, u jwettqu kampanja ta' arresti arbitrarji kontra l-Kurdi, l-Azeri, il-Baluch u s-soċjetà ċivili u l-attivisti politiċi Għarab,

H. billi l-Gvern Iranjan għadu qed jakkuża lil pajjiżi Ewropej b'indħil fl-iżviluppi politiċi Iranjani; billi dawn l-akkużi wasslu biex, fil-perjodu ta’ wara l-elezzjoni, ġew espulsi żewġ diplomatiċi tar-Renju Unit, ġie arrestat bosta ħaddiema tal-Ambaxxata tar-Renju Unit u ġew arrestati żewġ diplomatiċi Ġermaniżi minħabba l-allegat irwol tagħhom fi protesti fl-Iran li seħħew fil-jum sagru ta’ Ashura f’Diċembru 2009,

I. billi l-Gvern Iranjan ħa azzjoni ripressiva ħarxa fir-rigward tal-midja domestika u dik barranija, u b’hekk naqqas b’mod drastiku l-aċċess għall-informazzjoni tal-poplu Iranjan; billi ċerti kumpaniji Ewropej kienu qed ifornu teknoloġija li ppermettiet li jiġi ċċensurat ir-rappurtar tal-protesti f’Tehran u fi bliet Iranjani oħrajn,

J. billi l-Iran ma osservax l-iskadenza tal-aħħar tas-sena biex jaderixxi mat-talbiet biex jiftaħ il-faċilitajiet nukleari tiegħu għall-ispetturi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika; billi s'issa, l-Iran ma għamel xejn biex jerġa' jibni l-fiduċja tal-komunità internazzjonali fin-natura esklussivament paċifika tal-programm nukleari tiegħu,

K. billi fit-3 ta’ Frar 2010, il-President Iranjan Mahmoud Ahmadinejad ħabbar li l-Iran lest biex jibgħat l-uranju arrikkit tiegħu barra mill-pajjiż għal arrikkament uterjuri,

L. billi l-UNESCO ddeċidiet li tinnomina lil Tehran bħala l-Kapitali Dinjija tal-Filosofija għall-2010 u li torganizza l-Jum Dinji tal-Filosofija 2010 f’Tehran,

1. Jappoġġja bis-sħiħ l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Iranjan; irodd ħajr lill-kuraġġ ta' dawk l-irġiel u n-nisa Iranjani kollha li qed jiddefendu l-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi tagħhom permezz ta’ dimostrazzjonijiet paċifiċi; jemmen li dawn il-persuni qed jesprimu x-xewqa tagħhom li jgħixu f’soċjetà ħielsa mir-ripressjoni u mill-intimidazzjoni u f’paċi mal-komunità internazzjonali;

2. Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u d-dritt tal-assemblea paċifika huma drittijiet universali tal-bniedem li għandhom jiġu rrispettati, u li l-Iran kien impenja ruħu li jirrispetta dawn id-drittijiet bħala stat firmatarju tal-ICCPR; iħeġġeġ f’dan ir-rigward sabiex id-dritt tal-assemblea paċifika u l-libertà tal-espressjoni jiġu rrispettati b’mod sħiħ mill-Gvern Iranjan waqt id-dimostrazzjonijiet imħabbra għall-11 ta' Frar 2010;

3. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza mill-Gvern Iranjan kontra d-dimostraturi li qed jipprovaw jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u l-assemblea paċifika; jinsab ixxukkjat, f’dan ir-rigward, bir-ripressjoni tad-dimostrazzjonijiet wara l-protesti f’jum Ashura u waqt il-funeral ta’ Ayatollah Montazeri; jitlob li dawk kollha detenuti minħabba li eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea tagħhom jinħelsu immedjatament u mingħajr ebda kundizzjoni;

4. Jitlob l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dawk l-uffiċjali tal-gvern u l-membri tal-forzi tas-sigurtà responsabbli għall-qtil, l-abbuż, it-tortura u l-istupru ta’ dimostraturi u detenuti;

5. Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjonijiet reċenti ta’ Mohammed Reza Alizamani u Arash Rahmanipour u t-tħabbir tal-eżekuzzjoni li jmiss ta’ disa’ persuni oħrajn ikkundannati għall-mewt fi proċessi inġusti; jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li qed jiġu akkużati – u f’ċerti każijiet ġew akkużati formalment – b'reati li jġorru l-piena tal-mewt, minkejja li dawn il-persuni esprimew sempliċement l-opinjoni tagħhom dwar is-sitwazzjoni politika u d-drittijiet ċivili fl-Iran; itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Iranjani biex jabolixxu l-piena tal-mewt u, sadattant, biex jistabbilixxu moratorju fuq l-esekuzzjonijiet, kif mitlub mir-riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/168 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

6. Jiddeplora r-restrizzjoni sistematika tal-libertà tal-informazzjoni permezz tal-imblukkar tal-websajts, projbizzjoni fuqhom biex ma jirrapportawx dwar dimostrazzjoniiet mhux awtorizzati, u l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet ġodda li jirrikjedu li l-ġurnalisti jiksbu permess qabel ma jirrappurataw dwar kwalunkwe fatt; jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Gvern Iranjan li jimblokka s-servizz Persjan tal-BBC;

7. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tiffinanzja stazzjon televiżiv ġdid f’Farsi; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jesploraw iktar possibilitajiet biex jgħinu l-promozzjoni ta’ bidla demokratika fl-Iran fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem jew strumenti oħrajn;

8. Jistieden lill-kumpaniji Ewropej biex ma jfornux lill-Gvern Iranjan b’teknoloġija li tista’ tintuża biex jitrażżnu l-protesti, b’mod partikulari tekonoloġija li tippermetti l-ispezzjoni tal-komunikazzjoni onlajn biex jiġi mmonitorjat il-kontenut u jiġu ttraċċati s-sorsi ta' posta elettronika, telefonati bil-VoIP u messaġġi f’siti maħsuba għal netwerks soċjali;

9. Iqis li l-akkużi ta’ ndħil barrani fl-iżviluppi Iranjani ta' wara l-elezzjoni huma bla bażi u inaċċettabbli; jistieden lill-Gvern Iranjan biex jeħles immedjatament liż-żewġ diplomatiċi Ġermaniżi arrestati minħabba l-allegat irwol tagħhom fil-protesti li seħħew f’jum Ashura; jitlob, f’dan il-kuntest, li l-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw il-Konvenzjoni ta’ Vjenna u n-normi diplomatiċi;

10. Jistieden lill-Kunsil biex jikkunsidra l-inklużjoni ta’ dawk il-membri tas-sigurtà responsabbli għar-ripressjoni tad-dimostrazzjonijiet paċifiċi u għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-lista ta’ individwi suġġetti għal projbizzjonijiet ta’ vjaġġar tal-UE u l-iffriżar ta' assi;

11. Jafferma mill-ġdid id-dritt tal-Iran li jiżviluppa enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi skont ir-regoli tas-sistema ta’ nonproliferazzjoni; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President Iranjan Mahmoud Ahmadinejad dwar il-preparazzjoni tal-Iran li jibgħat l-uranju arrikkit tiegħu għal arrikkament ulterjuri; jispera li din id-dikjarazzjoni se tiġi segwita b’passi konkreti biex jitnaqqas it-tħassib dwar il-programm nukleari tiegħu, f’konformità mar-rekwiżiti tal-IAEA;

12. Jappoġġja l-approċċ fuq żewġ linji fir-rigward tal-programm nukleari tal-Iran; iħeġġeġ għal darba oħra lill-Iran biex jikkonforma b’mod sħiħ u mingħajr iktar dewmien mal-obbligi tiegħu skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) u l-IAEA, u b’mod partikulari biex jissodisfa r-rekwiżiti stipulati bir-riżoluzzjoni tas-27 ta’ Novembru 2009 tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jappoġġja azzjoni mill-KSNU jekk l-Iran ikompli bin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali fir-rigward tal-programm nukleari tiegħu; jistieden lill-Kunsill sabiex ikun lest jieħu l-miżuri neċessarji 'intelliġenti’, immirati u ffokati fuq in-nonproliferazzjoni biex jakkumpanjaw dan il-proċess tal-KSNU;

13. Jistieden lill-Kunsill biex jibqa’ lest biex jaħdem mal-Iran sabiex tintlaħaq soluzzjoni negozjata għall-kwistjoni nukleari, kif ukoll fir-rigward tal-kwistjonijiet tas-sigurtà reġjonali, filwaqt li jiġu kkunsidrati t-tħassib u l-interessi leġittimi ta’ sigurtà tal-Iran, jekk l-Iran jieħu deċiżjoni konkreta f’dan is-sens; jinnota li tali ħidma m’għandhiex iddgħajjef il-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; jinsab konvint li Iran demokratiku u b’saħħtu jista’ jkollu rwol importanti ħafna fl-istabilizzazzjoni u l-paċi tar-reġjun;

14. Jistieden lill-UNESCO biex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha li torganizza l-Jum Dinji tal-Filosofija 2010 f’Tehran u l-appoġġ tagħha għall-proposta tal-Kummissjoni Nazzjonali Taljana għall-UNESCO biex tinżamm in-nomina ta’ Tehran bħala l-belt ospitanti għal din l-inizjattiva, u minflok torganizza l-attivitajiet rilevanti fi bliet oħrajn, biex b’hekk tibgħat sinjal b'saħħtu li jenfasizza n-nuqqas ta’ libertà ta’ espressjoni fl-Iran;

15. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-Gvern Iranjan li jikkanċella ż-żjara minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Iran; iqis li tali żjara tista’ tikkontribwixxi għad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Iran, sakemm id-delegazzjoni jkollha l-mandat u l-opportunità li tiltaqa’ mal-gvern, mal-oppożizzjoni, mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Majlis tar-Republika Iżlamika tal-Iran.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Mejju 2010Avviż legali