Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0088/2010

Testi mressqa :

B7-0088/2010

Dibattiti :

PV 09/02/2010 - 4
CRE 09/02/2010 - 4

Votazzjonijiet :

PV 09/02/2010 - 6.1

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 115kDOC 57k
4.2.2010
PE432.942v01-00
 
B7-0088/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar il-preżentazzjoni, mill-President elett tal-Kummissjoni, tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-programm tagħhom

skont l-Artikolu 106(4) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni


Lothar Bisky f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjoni tal-Kummissjoni  
B7‑0088/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2009(1) li teleġġi lil José Manuel Durão Barroso bħala President tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet orali u bil-miktub minn kull Kummissarju nominat fis-seduti ta' smigħ mal-kumitati parlamentari, u l-valutazzjonijiet tal-kandidati mill-kumitati wara s-seduti ta' smigħ,

–   wara li kkunsidra l-preżentazzjoni mill-President elett tal-Kummissjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u l-programm tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 17(7) tat-Trattat UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 106(4) u l-Anness XVII tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-politiki tal-UE fl-intier tagħha u l-Kummissjoni Ewropea b'mod partikolari, id-defiċit demokratiku u l-proċeduri mhux trasparenti wasslu għal nuqqqas ta' fiduċja min-naħa taċ-ċittadini u għal kriżi serja ta' leġittimitá għall-istituzzjonijiet Ewropej kurrenti; billi l-issuktar ta' din il-politika u n-nuqqas ta' sodisfazzjon tal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej sejrin jikkawżaw approfondiment drammatiku tal-kriżi ta' leġittmitá tal-UE,

B.  billi s-seduti ta' smigħ urew li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida sejra tkompli fit-triq tal-Kummissjoni preċedenti u mhijiex sejra tibdel l-orjentament politiku kurrenti aktar lejn Ewropa soċjali,

C. billi l-President Barroso ppreżenta tim ġdid ta' Kummissarji, filwaqt li rtira waħda mill-persuni kontroversjali nominati ,

D. billi l-Parlament identifika wkoll diversi punti ta' tħassib fir-rigward ta' ċerti Kummissarji nominati oħra, u esprima d-diżappunt tiegħu dwar in-nuqqas ta' għarfien professjonali, għarfien espert u viżjoni li wrew xi wħud,

E.  billi s-seduti ta' smigħ kixfu xi inċertezza rigward l-allokazzjoni u t-tqassim tal-portafolli ta' Kummissarji differenti li x'aktarx toħloq inċertezza dwar ir-responsabbiltajiet speċifiċi tal-Kummissarji differenti,

1.  Jinnota b'ħafna tħassib li l-President tal-Kummisjsoni Ewropea l-ġdida ppreżenta programm li jikkostitwixxi kontinwazzjoni tal-politika neoliberali falluta tal-Kummissjoni preċedenti; jinnota li t-tim ġdid ta' Kummissarji ntagħżel b'tali mod li jimplimenta din l-istrateġija; huwa tal-fehma li, b'dawn il-persuni, mhijiex se sseħħ il-bidla meħtieġa tal-orjentament politiku kurrenti lejn aktar ġustizzja soċjali, il-ħolqien ta' impjiegi u l-eradikazzjoni tal-faqar;

2.  Jiddispjaċih li l-valutazzjoni kritika ġenerali u l-punti speċifiċi ta' kritika rigward Kummissarji nominati oħra fit-tim il-ġdid tal-Kummissjoni ma tqisux;

3.  Huwa konvint li l-allokazzjoni ta' portafolli ekonomiċi ewlenin għal Kummissarji nominati li, fil-parti l-kbira tagħhom, għandhom perspettiva politika u storja apertament neoliberali toħloq żbilanċ inaċċettabbli bejn il-prijoritajiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali fil-Kulleġġ tal-Kummissarji l-ġdid;

4.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' għarfien, impenn u viżjoni li wrew xi Kummissarji nominati rigward il-portafolli proposti tagħhom;

5.  Jiddispjaċih bil-qawwa li xi Kummissarji nominati ma wrewx ħeġġa biex iwieġbu xi mistoqsijiet u taw tweġibiet inadegwati u/jew inkoerenti, biex b'hekk għamluha diffiċli li dak li jkun jivvaluta l-kompetenzi ta' xi Kummissarji nominati biex iwettqu ħidmithom;

6.  Jikkritika l-inċertezza rigward ir-responsabbiltajiet f'xi oqsma, maħluqa mit-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn Kummissarji differenti min-naħa tal-President Barroso,

7.  Jiddeplora l-fatt li sal-lum ma nstabet l-ebda soluzzjoni sinifikanti rigward il-problemi potenzjali dwar il-kunflitti ta' interess; isejjaħ biex il-President Barroso urġentement jirrevedi l-kodiċi ta' kondotta tal-Kummissarji u biex jiddefinixxi fid-dettall, bħala parti mill-Ftehim ta' Qafas il-ġdid mal-Parlament, il-proċeduri li skonthom se jiġi implimentat; jitlob li l-kodiċi ta' kondotta għall-Kummissarji jintbagħat lill-Parlament għall-opinjoni tiegħu, li għandha titqies;

8.  Isejjaħ biex is-Sur Barroso, qabel il-votazzjoni tal-Parlament dwar il-Kummissjoni l-ġdida, japprova għal kollox il-proposta tal-Parlament dwar il-Ftehim Interistituzzjonali;

9.  Iqis li, fiċ-ċirkustanzi attwali, ma jistax jivvota favur il-Kummissjoni l-ġdida;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

(1)

Minuti tas-16.9.2009P7_PV(2009)09-16, Punt 7.1.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Mejju 2010Avviż legali