Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0132/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0132/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-implimentazzjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA)

3.3.2010

imressqa wara l-mistoqsija b'talba għal tweġiba orali B7‑0000/2010-O-0027/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Sharon Bowles f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Proċedura : 2010/2522(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0132/2010

B7‑0132/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Mejju 2006 dwar iż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro,

–   wara li kkunsidra d-Dokument Speċjali Nru 71 t'Awwissu 2007 dwar l-impatt ekonomiku taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro, ppubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern[1] (Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament),

–   wara liu kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA)[2],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta' Marzu 2009, li tiċċara ċerti prinċipji sottostanti ta' mudell tan-negozju ġejjieni ta' Debitu Dirett għas-SEPA (SEPA Direct Debit - SDD),

–   wara li kkunsidra t-tieni sondaġġ tal-Kummissjoni, tat-22 ta' Lulju 2009, dwar kemm huma mħejjija l-amministrazzjonijiet pubbliċi fir-rigward tas-SEPA, u l-migrazzjoni għal din is-sistema,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2009: L-ikkompletar tas-SEPA: Pjan ta' Direzzjoni għall-2009 2012 (COM(2009)471),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001[3],

–   Wara li kkonsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2009: l-Applikabilità tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE għall-pagamenti interbankarji multilaterali fid-Debiti Diretti tas-SEPA (SEC(2009)1472),

–   wara li kkunsidra t-tieni Rapport ta' Progress annwali tal-Kummissjoni dwar il-Qagħda tal-Migrazzjoni għas-SEPA, tad-9 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009 dwar is-SEPA,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A. billi ż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) hija intiża bħala suq integrat għas-servizzi tal-pagament, li hu suġġett għal kompetizzjoni effettiva u fejn m'hemm l-ebda distinzjoni bejn pagamenti transkonfinali u nazzjonali bl-euro,

B.  billi s-SEPA mhix biss inizjattiva awtoregolatorja tal-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti, iżda wkoll inizjattiva ewlenija ta' politika pubblika li ssaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif ukoll l-Istrateġija UE 2020 ġejjiena; billi s-SEPA hija appoġġata mid-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament, li tipprovdi l-qafas legali armonizzat meħtieġ; u billi s-suċċess tagħha huwa, għalhekk, ta' interess partikolari għall-Parlament,

C. billi l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tas-SEPA bħalissa qiegħed f'idejn il-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti, fejn il-banek biss jieħdu d-deċiżjonijiet dwar prodotti tas-SEPA filwaqt li jinjoraw it-talbiet tal-utenti finali,

D. billi l-migrazzjoni għas-SEPA bdiet uffiċjalment fit-28 ta' Jannar 2008 bit-tnedija tal-istrument tas-SEPA għat-trasferiment tal-krediti, filwaqt waqt li l-Qafas tas-SEPA dwar il-Pagamenti bil-Kards ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2008, u l-iskema ta' Debitu Dirett tas-SEPA bdiet fit-2 ta' Novembru 2009,

E.  billi l-konsumaturi sikwit esprimew li jeħtieġ li l-karatteristiċi tal-prodotti tas-SEPA jolqtu l-bżonnijiet tal-utenti finali eżistenti, notevolment billi jiġu ċċekkjati l-mandati ta' debiti diretti, u billi hu mixtieq li jsir progress biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata,

F.  billi ma ġiet stipulata ebda data tat-tmiem vinkolanti għall-migrazzjoni lejn strumenti tas-SEPA, u billi l-maġġoranza kbira ta' dawk li rrispondew il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni appoġġjaw l-idea li din id-data tat-tmiem tiġi stabbilita biex il-migrazzjoni lejn is-SEPA tingħata spinta,

G. billi l-Kummissarju maħtur għas-Suq Intern u s-Servizzi iddikjara fit-tweġibiet bil-miktub tiegħu għall-kwestjonarju tal-Parlament Ewropew, li kellu l-ħsieb li jipproponi inizjattiva leġiżlattiva għall-adozzjoni mill-Kummissjoni bl-għan li tiġi stabbilita skadenza waħda jew iktar għall-migrazzjoni lejn prodotti tas-SEPA għal debiti diretti u għal trasferimenti tal-krediti, kif ukoll inizjattiva biex titjieb il-governanza,

H. billi l-migrazzjoni lejn is-SEPA qed issir bil-mod wisq: f'Awwissu 2009, 4.5% biss tat-tranżazzjonijiet totali saru permezz tal-format tat-Trasferimenti tal-Kreditu SEPA, u billi l-iskadenza prevista oriġinarjament, jiġiferi l-migrazzjoni ta' massa kritika għal Trasferimenti tal-Kreditu SEPA, Debiti Diretti tas-SEPA u pagamenti bil-kards sal-aħħar tal-2010, m'għadhiex realistika,

I.   billi l-migrazzjoni għall-istrumenti tas-SEPA min-naħa tal-amministrazzjonijiet pubbliċi miexja b'ritmu aktar bil-mod minn dak li stennew il-parti l-kbira tal-Istati Membri, għalkemm dawn l-entitajiet għandu jkollhom sehem katalitiku fil-ħolqien tal-massa kritika meħtieġa biex tiġi aċċellerata l-migrazzjoni lejn is-SEPA,

J.   billi huwa importanti li l-partijiet interessati rilevanti kollha – il-leġiżlaturi, l-industrija bankarja u l-utenti tas-servizzi tal-pagamenti – jkunu involuti fit-twettiq tas-SEPA,

K. billi l-użu tal-istrumenti tas-SEPA sempliċement għal transazzjonijiet ta' pagamenti transkonfinali ma jwasslux għas-suċċess tal-proġett tas-SEPA, minħabba li jkun għad hemm frammentazzjoni u l-benefiċċji mistennija għall-industrija bankarja kif ukoll għall-klijenti tagħha ma setgħux jiġu realizzati,

L.  billi r-Regolament (KE) Nru 924/2009 jipprevedi ċertezza legali rigward l-applikazzjoni ta' tariffi għal skambji multilaterali tul perjodu tranżitorju sal-31 ta' Ottubru 2012, li tulu l-industrija għandha tiżviluppa u taqbel dwar mudell tan-negozju komuni u għal żmien twil għall-operat tad-Debitu Dirett tas-SEPA li għandu jkun konformi mal-liġi tal-Kompetizzjoni tal-KE u l-qafas regolatorju Komunitarju,

M. billi f'Marzu 2009, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew indikaw li donnu li ma kien hemm ebda raġuni ċara u konvinċenti biex ikompli jkun hemm tariffi għal skambji multilaterali għal kull tranżazzjoni wara l-31 ta' Ottubru 2012, u billi l-kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar l-applikabilità tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE għall-pagamenti interbankarji multilaterali fid-Debiti Diretti tas-SEPA,

N. billi għandha tiġi solvuta wkoll il-kwistjoni tal-applikazzjoni tat-tariffi għal skambji multilaterali fir-rigward tas-soluzzjoni ta' kards tal-UE bbażata fuq il-Qafas tas-SEPA dwar il-pagamenti bil-kards,

O. billi għandu jkun żgurat li se tinżamm il-validità legali ta' mandati ta' debitu dirett eżistenti fl-Istati Membri kollha, minħabba li l-obbligu li jkunu ffirmati mandati ġodda meta wieħed jibdel minn skemi nazzjonali ta' debitu dirett għall-iskema ta’ Debitu Dirett tas-SEPA jkun ta' piż; billi, madankollu, iż-żamma ta' dawn il-mandati ma tgħinx l-implimentazzjoni bikrija tal-iskema ta' Debiti Diretti tas-SEPA sakemm ma tinstabx soluzzjoni għall-migrazzjoni tal-mandati eżistenti,

1.  Jenfasizza li se jkompli jappoġġa l-ħolqien tas-SEPA, li hi suġġetta għall-kompetizzjoni effettiva u fejn ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-ħlasijiet transkonfinali u nazzjonali bl-euro;

2.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li kważi l-ebda progress ma sar rigward il-kwistjoni msemmija fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tas-SEPA tat-12 ta' Marzu 2009 mill-adozzjoni tagħha sa llum, u jitlob li l-partijiet konċernati kollha jinvolvu ruħhom biex jippromwovu u jagħtu kontribut għat-twettiq tas-SEPA;

3.  Jilqa' l-pjan ta' direzzjoni tas-SEPA adottat mill-Kummissjoni f'Settembru 2009, u jappoġġja bis-sħiħ l-azzjonijiet stipulati fih f'sitt oqsma ta' prijorità (jiġifieri li titrawwem il-migrazzjoni; li titqajjem kuxjenza dwar is-SEPA u li jiġu promossi l-prodotti tas-SEPA; li jitfassal ambjent legali soda għas-SEPA u li tissaħħaħ il-konformità mas-SEPA; li tkun promossa l-innovazzjoni; li tkun żgurata l-istandardizzazzjoni, l-interoperabilità u s-sigurtà meħtieġa; li tiġi ċċarata u mtejba l-governanza tas-SEPA);

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffissa data tat-tmiem ċara, xierqa u vinkolanti, li m'għandhiex tkun iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012, għall-migrazzjoni lejn l-istrumenti tas-SEPA, data li warajha l-ħlasijiet kollha bl-euro jkunu jridu jsiru skont l-istandards tas-SEPA;

5.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti biex iqis it-talbiet tal-utenti finali u sussegwentement jimmodifika r-regoli tiegħu;

6.  Jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li trawwem il-proċess tal-migrazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi permezz tat-tfassil ta' pjanijiet ta' migrazzjoni nazzjonali integrati u sinkronizzati; f'dan ir-rigward, jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li tistħarreġ u tippubblika l-livell ta' tħejjija tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għas-SEPA u l-migrazzjoni tagħhom għal din is-sistema, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu sehem f'dan l-istħarriġ;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara b'mod definit u sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2010, fuq il-bażi tar-riżultat tal-konsultazzjoni rispettiva, inklużi l-partijiet konċernati kollha, il-kwistjoni ta' mudell ekonomiku armonizzat għal żmien twil għad-debiti diretti tas-SEPA, li jrid ikun applikabbli fl-Ewropa kollha, effiċjenti għan-nefqa u konvenjenti għall-utent finali; jinsisti fuq il-ħtieġa li dan il-mudell jiġi żviluppat b'kooperazzjoni mill-qrib bejn is-settur tal-pagamenti u l-Kummissjoni u b'konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE u l-qafas regulatorju Komunitarju;

8.  Jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' skema Ewropea ta' ħlas bil-kards, jew bħala skema ġdida komplimentarja, alleanza bejn l-iskemi eżistenti jew bħala espansjoni ta' skema eżistenti; f'dan ir-rigward, jerġa' jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tiċċara l-kwistjoni ta' tariffi għal skambji multilaterali għall-ħlasijiet bil-kards, u jistieden lill-industrija biex issib soluzzjonijiet xierqa, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, u f'konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE u l-qafas regolatorju Komunitarju;

9.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw il-validità legali kontinwa tal-mandati ta' debiti diretti eżistenti fl-iskema ta' Debiti Diretti tas-SEPA; jenfasizza li t-tranżizzjoni mill-iskemi eżistenti ta' debiti diretti għall-iskema ta' Debiti Diretti SEPA m'għandhiex toħloq aktar piż lill-konsumaturi;

10. Jinsisti li l-konsumaturi għandhom ikunu informati b'mod ċar dwar id-differenzi bejn l-iskema ta' qabel u l-iskema l-ġdida;

11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-migrazzjoni tal-istrumenti tas-SEPA u tiżgura li din ma tirriżultax f'sistema ta' pagamenti iktar għalja għaċ-ċittadini tal-UE;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.