imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet Goldstone dwar l-Iżrael/il-Palestina
Annemie Neyts-Uyttebroeck
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet Goldstone dwar l-Iżrael/il-Palestina
B7‑0136/2010
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani tat-8 ta' Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Tiftix ta' Fatti tan-NU dwar il-KUnflitt ta' Gaża,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 64/10 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-5 ta' frar 2010 lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-fatt li l-moviment Ħamas huwa inkluż fil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kunflitt armat f'Gaża li beda fis-27 ta' Diċembru 2008 u spiċċa fit-18 ta' Jannar 2009 ħalla 1 400 Palestinjan u 13-il Iżraeljan mejta, u qerda konsiderevoli tal-infrastruttura ċivili,
B. billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-Riżoluzzjoni 64/10 tal-5 ta' Novembru 2009, talbet li jsiru investigazzjonijiet miż-żewġ naħat li jkunu indipendenti, kredibbli u konformi mal-istandards internazzjonali,
C. billi ħadd mill-Istati Membri tal-UE ma vvota favur il-mandat tal-missjoni Goldstone,
D. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, fit-3 ta' Diċembru 2009, ġibed l-attenzjoni taż-żewġ naħat dwar ir-Riżoluzzjoni 64/10 dwar ir-rekwiżit li sad-29 ta' Kannar 2010 tkun provduta informazzjoni bil-miktub dwar kwalunkwe passi li setgħu ħadu l-partijiet, jew li l-partijiet kienu fil-proċess li jieħdu,
E. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar, stieden liż-żewġ partijiet biex iwettqu investigazzjoni domestika kredibbli dwar il-kunflitt ta' Gaża,
F. billi fir-riżoluzzjoni tagħha tas-26 ta' Frar 2010, l-Assemblea Ġenerali tan-NU tenniet l-istedina tagħha kemm lill-Iżrael kif ukoll lill-Palestina biex jagħmlu investigazzjonijiet kredibbli u talbet aktar rapporti fi żmien ħames xhur,
G. billi l-Ħamas mhux parti kontraenti għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra iżda ddikjara li hu marbut bihom,
H. billi l-Gvern ta' Iżrael beda proċess u qed jinvestiga wkoll 150 inċident separat li seħħew waqt l-operazzjoni f'Gaża,
I. billi l-25 ta' Jannar 2010 l-awtoritajiet Palestinjani bdew kummissjoni ta' investigazzjoni indipendenti,
1. Jistieden lill-Unjoni Ewropea, permezz tar-Rappreżentant Għoli/Viċi Presdient tal-Kummissjoni, biex tistabbilixxi, f'armonija mal-valuri tal-Unjoni msemmija hawn fuq, pożizzjoni ċara, kuraġġjuża u ta' prinċipju lejn ir-rakkomandazzjoni magħmula fir-rapport Goldstone;
2. Jenfasizza li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa valur fundamentali fl-Unjoni Ewropea u fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi u partijiet terzi; f'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-partijiet infushom jirrispettaw bis-sħiħ il-liġi tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali u li dan għandu jifforma element essenzjali għall-kisba ta' paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani;
3. Jistieden bis-sħiħ lill-partijiet involuti, inkluż il-Ħamas, biex iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa li huma indipendenti, kredibbli u f'konformità mal-istandards internazzjonali;
4. Jistieden lill-partijiet biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jirrispettaw u jimplimentaw kwalunkwe sejbiet li jistgħu jagħmlu dawn l-investigazzjonijiet;
5. Jenfasizza li r-responsabilità u l-kredibilità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha tirrikjedi li din tissorvelja bis-sħiħ dawn l-investigazzjonijiet;
6. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li r-riżultat tal-investigazzjonijiet jiġi implimentat bis-sħiħ u li dan ikun rifless fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-partijiet;
7. Jirrikonoxxi t-tbatija kontinwa tal-poplu ta' Gaża minħabba l-imblokk li jċaħħad lil 1.5 miljun persuna min-neċessitajiet meħtieġa għan-negozju u l-kummerċ, mill-ħila li jkollhom provvisti ta' ilma nadif, mit-tiswija ta' faċilitajiet tat-trattament tad-drenaġġ, u milli jerġgħu jibnu l-binjiet li nqerdu waqt il-kunflitt, iżda wkoll minħabba li ma jippermettix il-provvista ta' ikel, fjuwil u provvisti mediċi biżżejjed biex jintlaħqu l-bżonnijiet tagħhom;
8. Jilqa s-sejħa mill-Kunsill tal-UE fit-8 ta' Diċembru 2009 għall-ftuħ immedjat, sostnut u inkondizzjonat ta' punti ta' qsim tal-fruntiera għall-fluss ta' għajnuna umanitarja, merkanzija kummerċjali u persuni minn u lejn Gaża, u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Moviment u l-Aċċess;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Gvern u l-Parlament Iżraeljan, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.