Proċedura : 2010/2502(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0137/2010

Testi mressqa :

B7-0137/2010

Dibattiti :

PV 10/03/2010 - 6
CRE 10/03/2010 - 6

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2010 - 7.11

Testi adottati :

P7_TA(2010)0062

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 152kDOC 104k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0137/2010
3.3.2010
PE432.996v01-00
 
B7-0137/2010

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B7‑0010/2010 u B7‑0009/2010

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari


Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides f'isem il-Grupp PPE-DE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari  
B7‑0137/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill minn Annemie Neyts-Uyttebroeck, f’isem il-Grupp ALDE, u Angelika Beer, f'isem il-Grupp Verts/ALE, dwar in-nonproliferazzjoni u l-futur tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) (B6-0421/2008),

–   wara li kkunsidra l-Konferenza għar-Reviżjoni li se ssir fl-2010 tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

–   war li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1887 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2009) dwar l-NPT,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tat-3 ta' Novembru 2009 (l-Anness 3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta’ Frar 2004(1), l-10 ta’ Marzu 2005(2), is-17 ta’ Novembru 2005(3) u l-14 ta’ Marzu 2007(4) dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-Sigurtà Ewropea u l-PESD(5),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, b’mod partikulari l-punti 6, 8 u 9 tagħha, li jesprimu r-rieda tal-UE li tiġġieled kontra l-proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa u tal-mezzi li bihom dawn jitwasslu,

–   wara li kkunsidra r-rwol fundamentali tal-Grupp tal-Fornituri Nukleari fil-kuntest tan-nonproliferazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1540 (2004) u 1673 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari, il-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji Komprensivi tal-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali għalihom, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjali Nukleari, il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Atti ta’ Terroriżmu Nukleari, il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi, it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START I), li skada fl-2009, u t-Trattat dwar it-Tnaqqis Offensiv Strateġiku (SORT),

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-Sigurtà Ewropea li ntlaħaq qbil dwarha mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta’ Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0234/2009),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-21 ta' Diċembru 2009 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (O-0170/2009 – B7‑0010/2010, O-0169/2009 – B7‑0009/2010),

–   war li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-NPT jibqa' l-ġebla tax-xewka tas-sistema tan-nonproliferazzjoni nukleari u l-pedament ewlieni għall-kisba tad-diżarm nukleari u għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari,

B.  filwaqt li jirriafferma d-drittijiet inaljenabbli tal-partijiet kollha għall-NPT għall-iżvilupp, ir-riċerka, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi skont l-Artikolu IV tal-NPT,

C. filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu t-tliet pilastri tal-NPT, jiġifieri n-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-koperazzjoni dwar l-użu ċivili tat-teknoloġija nukleari għall-enerġija,

D. filwaqt li jirriafferma li l-proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa u l-mezzi li bihom jitwasslu, kemm għall-atturi statali u għal dawk mhux statali, tirrappreżenta waħda mill-aktar theddidiet serji għall-istabilità u s-sigurtà internazzjonali,

E.  filwaqt li jikkunsidra l-kunsens kbir fl-Unjoni Ewropea dwar it-titjib u t-tisħiħ tal-NPT fil-perjodu li jwassal għall-Konferenza li jmiss tar-Reviżjoni tal-NPT li għandha ssir bejn it-3 u t-28 ta' Mejju 2010 fi New York,

F.  filwaqt li jitlob li jkompli jsir progress dwar l-aspetti kollha tad-diżarm biex titjieb is-sigurtà globali,

G. billi hemm bżonn li t-Trattat tan-Nonproliferazzjoni jissaħħaħ bħala l-ġebla tax-xewka tas-sistema tan-nonproliferazzjoni, u billi jirrikonoxxi li hemm bżonn urġenti ta’ tmexxija politika kuraġġuża u ta’ għadd ta’ miżuri progressivi u konsekuttivi sabiex terġa’ tiġi affermata l-validità tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u sabiex jissaħħu l-ftehimiet, it-trattati u l-aġenziji li jiffurmaw is-sistema tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm eżistenti, inklużi, b’mod partikulari, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA),

H. filwaqt li jisħaq fuq is-sehem importanti tal-IAEA għas-soluzzjoni tal-kwistjoni nukleari Iranjana u jirriafferma r-rieda tal-IAEA li tkompli taħdem għal soluzzjoni diplomatika għal din il-kwistjoni,

I.   billi kien hemm nuqqas ċar ta’ progress fil-kisba ta’ objettivi konkreti (bħal dawk magħrufa bħala t-“13-il pass”(6)) biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, kif miftiehem waqt il-Konferenzi ta’ Reviżjoni preċedenti, speċjalment issa li qed iqum theddid minn varjetà ta’ sorsi, inkluża l-proliferazzjoni li qed tiżdied u li timxi id f'id mad-domanda akbar għat-teknoloġija nukleari, u mad-disponibilità tagħha, u l-possibilità li teknoloġija ta' dan it-tip u materjal radjuattiv jaqgħu f'idejn organizzazzjonijiet kriminali u terroristi,

J.   billi l-UE impenjat ruħha biex tagħmel użu mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, jekk ikun possibbli, telimina l-programmi ta’ proliferazzjoni li qed joħolqu tħassib fil-livell globali, kif inhu espress b’mod ċar mill-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003,

K. filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-flussi ta’ proliferazzjoni u l-iffinanzjar tal-proliferazzjoni, biex tissanzjona l-atti ta’ proliferazzjoni u biex tiżviluppa miżuri għall-prevenzjoni ta’ trasferimenti intanġibbli ta’ għerf u kompetenza permezz tal-istrumenti kollha disponibbli, inklużi t-trattati multilaterali u l-mekkaniżmi ta’ verifika, il-kontrolli tal-esportazzjoni nazzjonali u dawk ikkoordinati internazzjonalment, il-programmi koperattivi għat-tnaqqis tat-theddid u l-lievi politiċi u ekonomiċi,

L.  billi kien hemm ġeneralizzazzjoni tal-“klawsoli ta’ nonproliferazzjoni” li ġew introdotti fil-ftehimiet konklużi bejn l-UE u l-Istati terzi mill-2003,

M. filwaqt li jenfasizza l-bżonn ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u sħabha, inklużi b’mod partikulari l-Istati Uniti u r-Russja, bil-ħsieb li terġa’ titqajjem u tissaħħaħ is-sistema tan-nonproliferazzjoni,

N. filwaqt li jilqa' d-Dikjarazzjoni dwar in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm (l-Anness 3) adottata fis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tat-3 ta' Novembru 2009, li saħqet fuq il-ħtieġa li jinżammu u jissaħħu l-miżuri multilaterali rilevanti u, b'mod partikolari, it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Nukleari, esprimiet l-appoġġ tagħha għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u talbet li jibdew in-negozjati dwar it-Trattat għal-Limitazzjoni ta' Materjal Fissili f'Jannar 2010; filwaqt li nnotat ukoll li d-Dikjarazzjoni ttenni l-ħtieġa li l-Iran u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea jissodisfaw l-obbligi nukleari internazzjonali tagħhom,

O. billi l-Kummissjoni għandha l-istatus ta’ osservatur fil-Grupp tal-Fornituri Nukleari u fil-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, u billi s-Segretarjat tal-Kunsill ukoll qed jieħu sehem fil-Konferenza dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, jew fi ħdan id-delegazzjoni tal-KE jew mal-Presidenza tal-UE,

P.  filwaqt li jilqa' t-tnaqqis tal-armi nukleari u l-isforzi għad-diżarm li ttieħdu u twettqu mill-Istati li għandhom l-armi nukleari, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jsiru sforzi fil-qasam tad-diżarm nukleari, skont l-Artikolu VI tal-NPT,

Q. billi l-proposti ġodda għad-diżarm li ntalbu minn Henry Kissinger, George P. Shultz, William J. Perry u Sam Nunn f’Jannar 2007 u f’Jannar 2008, il-Konvenzjoni Mudell dwar l-Armi Nukleari u l-Protokoll Hiroshima-Nagasaki, promossi globalment minn organizzazzjonijiet ċivili u mexxejja politiċi, u l-kampanji bħal “Global Zero” li huma tal-fehma li mod kruċjali biex tiġi żgurata l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari u l-kisba tas-sigurtà globali hu l-progress lejn l-eliminazzjoni tal-armi nukleari,

1.  Jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jaħtfu l-opportunità tal-Konferenza tar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Nukleari tan-NU fl-2010 biex jippromwovu l-għan ta' diżarm nukleari sħiħ ibbażat fuq Trattat internazzjonali għall-eliminazzjoni progressiva tal-armi nukleari fid-dinja kollha;

2.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu żviluppati strateġiji fil-Konferenza tar-Reviżjoni tal-NPT fl-2010 bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar trattat biex tieqaf il-produzzjoni ta' materjal fissili għal skopijiet ta' armi b'mod li ma jkunx hemm diskriminazzjoni, li jfisser li t-trattat innegozjat b'dan il-mod għandu jesiġi li Stati li m'għandhomx armi nukleari jew Stati li bħalissa mhumiex parti fl-NPT jirrinunzjaw għall-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u jżarmaw l-impjanti stabbiliti kollha tagħhom għall-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi bħal dawn;

3.  Jenfasizza li l-ħames membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li lkoll għandhom l-armi nukleari, għandhom jippruvaw jirrinunzjaw b'mod progressiv għall-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u jżarmaw l-impjanti stabbiliti kollha tagħhom għall-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi bħal dawn, filwaqt li jirrikonoxxu li l-proċess tad-diżarm li nbeda minn xi Stati m'għandux rabta diretta dwar jekk Stati oħrajn jagħżlux li jwaqqfu jew ikomplu bil-programmi ta' proliferazzjoni tagħhom, li jfisser li jinħtieġ approċċ iebes rigward l-Istati jew l-organizzazzjonijiet li huma lesti li jniedu, jew diġà nedew, programmi għall-proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa;

4.  Itenni s-sejħa tiegħu għal reviżjoni u aġġornament tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/329/PESC tal-25 ta' April dwar il-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2005 tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari(7), bi tħejjija għal konklużjoni b'suċċess tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-NPT fl-2010 li se tkompli ssaħħaħ it-tliet pilastri eżistenti tal-NPT u tikkommetti l-partijiet għall-għan ta' diżarm nukleari totali eventwali, kif hemm fil-proposta għal Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari;

5.  Jinkoraġġixxi l-isforzi biex jiġi żgurat l-iżvilupp tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari minn pajjiżi li jixtiequ jżommu jew jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom f'dan il-qasam f'qafas li jnaqqas ir-riskji tal-proliferazzjoni u jaderixxi għall-ogħla standards internazzjonali dwar is-salvagwardji, is-sigurtà u s-sikurezza;

6.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex iżomm lill-Parlament infurmat regolarment dwar il-laqgħat preparatorji kollha għall-Konferenza għar-Reviżjoni tal-NPT fl-2010 u biex iqis kif jixraq il-fehmiet tiegħu dwar kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm rigward din il-Konferenza;

7.  Itenni l-importanza tal-appoġġ attiv tal-Kunsill, b'kooperazzjoni mas-sħab tiegħu, għal proposti konkreti biex il-produzzjoni, l-użu u l-ipproċessar mill-ġdid tal-fjuwil nukleari kollu jinġiebu għall-kontroll tal-IAEA, inkluż il-ħolqien ta' bank tal-fjuwil internazzjonali; jappoġġa, barra minn hekk, inizjattivi oħrajn għall-multilateralizzazzjoni taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari li għandhom l-għan tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, filwaqt li jfakkar li l-Parlament jilqa' l-prontezza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex jikkontribwixxu sa EUR 25 miljun għall-ħolqien ta' bank tal-fjuwil nukleari fil-kontroll tal-IAEA u jixtieq jara l-approvazzjoni mgħaġġla ta' azzjoni konġunta dwar dan is-suġġett;

8.  Jappoġġa l-IAEA u l-ħidma importanti tagħha fil-qasam tas-salvagwardji nukleari, is-sikurezza nukleari u s-sigurtà nukleari;

9.  Jappoġġa aktar sforzi għat-tisħiħ tal-mandat tal-IAEA, fosthom il-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji tal-IAEA, kif ukoll provvedimenti oħrajn imfasslin biex jiżviluppaw miżuri li jsaħħu l-fiduċja, fosthom biex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għal din l-organizzazzjoni sabiex taqdi l-mandat importanti tagħha biex l-attivitajiet nukleari jsiru sikuri;

10. Jappoġġa bis-sħiħ it-tisħiħ u t-titjib tal-mezzi ta' verifika tal-konformità mal-istrumenti kollha tan-nonproliferazzjoni disponibbli;

11. Jitlob biex jissaħħu l-isforzi li jiżguraw l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli u tal-istrumenti tan-nonproliferazzjoni, b'mod partikolari bit-titjib tal-mezzi ta' verifika;

12. Jitlob li ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-użu ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa fil-ftehimiet konklużi bejn l-UE u Stati terzi;

13. Jappoġġa l-ġlieda kontra t-terroriżmu nukleari, jappoġġa l-miżuri kollha mfassla biex ma jħallux lit-terroristi jakkwistaw armi għall-qerda tal-massa u jappoġġa l-Inizjattiva Globali għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu Nukleari (GICNT) u l-Inizjattiva għas-Sigurtà tal-Proliferazzjoni (PSI);

14. Jistieden lill-Istati Membri biex jaqsmu l-aħjar prattiki bil-ħsieb li jitjiebu l-istandards ta' sikurezza u l-prattiki għas-sigurtà nukleari, kif ukoll biex jogħlew l-istandards tas-sigurtà nukleari sabiex jonqos ir-riskju tat-terroriżmu nukleari;

15. Jappoġġa d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari f'data bikrija u, sadanittant, jappoġġa l-osservanza kontinwa tal-moratorji dwar l-isplużjonijiet tat-testijiet nukleari;

16. Jitlob li jkun hemm approfondiment tad-djalogu mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti u mas-setgħat kollha li għandhom l-armi nukleari, bil-ħsieb li tiġi ppreżentata aġenda komuni bil-għan li tonqos progressivament il-ħażna ta' materjal nukleari; b'mod partikolari, jappoġġa dawk il-miżuri li qegħdin jittieħdu mill-Istati Uniti u r-Russja biex inaqqsu b'mod sostanzjali l-armi nukleari tagħhom kif miftiehem fl-iSTART 1 u fis-SORT, u jagħfas għar-ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u għat-tiġdid tal-Ftehim START;

17. Jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa u tal-Istati Uniti biex jidħlu f'negozjati bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim ġdid, komprensiv u vinkolanti li jieħu post it-Trattat għat-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START), li skada f'Diċembru 2009, u l-firma tal-"Konvenju konġunt għal ftehim ta' segwitu għall-iSTART 1" mill-Presidenti Barack Obama u Dmitri Medvedev f'Moska fis-6 ta' Lulju 2009;

18. Jilqa' l-progress reċenti fin-negozjati bejn l-Istati Uniti u r-Russja u jistenna bil-ħerqa l-ftehim finali fil-kwadru tar-rawnd ta' taħditiet li jmiss li għandu jibda fid-9 ta' Marzu f'Ġinevra;

19. Jilqa' t-tħabbira tal-President Obama li se jmexxi 'l quddiem ir-ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari; jistieden lill-Kunsill biex jagħti kontribut pożittiv u proattiv għat-tħejjijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-NPT fl-2010, bil-koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti u r-Russja;

20. Iħeġġeġ lill-Iran biex jikkomunika mal-IAEA għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet pendenti kollha dwar il-programm nukleari tal-Iran u, għal dan il-għan, biex jikkopera bis-sħiħ mal-IAEA billi jipprovdi l-aċċess u l-informazzjoni kif titlob l-Aġenzija biex jinstab tarf tal-kwistjonijiet;

21. Jappoġġa l-approċċ fuq żewġ linji paralleli rigward il-programm nukleari tal-Iran; iħeġġeġ mill-ġdid lill-Iran biex jikkonforma bis-sħiħ u bla dewmien mal-obbligi tiegħu skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-IAEA, b'mod partikolari biex jintlaħqu r-rekwiżiti mfassla mir-riżoluzzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA fis-27 ta' Novembru 2009; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jappoġġa l-azzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jekk l-Iran ikompli ma jikkoperax mal-komunità internazzjonali dwar il-programm nukleari tiegħu; jistieden lill-Kunsill biex ikun lest jieħu dawk il-miżuri meħtieġa, smart, speċifiċi u ffukati dwar in-nonproliferazzjoni biex jakkumpanjaw il-proċess tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

22. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tgħaġġel tiżviluppa ġabra importanti ta' sanzjonijiet ġodda kontra l-Iran minħabba l-programm nukleari tiegħu, jekk l-Iran ikompli jirrifjuta li jaċċetta ftehim propost offrut minn pajjiżi oħrajn biex ibiddel il-biċċa l-kbira tal-uranju arrikkit b'mod baxx li għandu ma' fjuwil tal-uranju ta' grad aktar għoli għal skopijiet mediċi, u jekk ir-rapport tal-IAEA wara l-ispezzjoni tagħha f'Isfahan jikkonferma li hemm ir-riskju ta' produzzjoni tal-armi u l-Iran jirrifjuta li jikkonforma mar-riżoluzzjoni tan-NU dwar dan;

23. Jenfasizza li l-inċertezzi dwar in-natura tal-programm nukleari Iranjan jipperikolaw is-sistema tan-nonproliferazzjoni u l-istabilità fir-reġjun u fid-dinja; jappoġġa l-objettiv li tinstab soluzzjoni nnegozjata mal-Iran, wara l-istrateġija doppja ta' djalogu u sanzjonijiet, bil-kollaborazzjoni ta' membri oħrajn tal-Kunsill tas-Sigurtà u tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika;

24. Jistieden lill-Iran biex jidħol f'negozjati b'mod serju u kostruttiv maċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea (P-5+1) biex ikompli d-djalogu dwar il-kwistjoni nukleari li beda f'Ġinevra fl-1 ta' Ottubru 2009;

25. Itenni l-impenn tiegħu biex tinstab soluzzjoni komprensiva, fit-tul u xierqa għall-kwistjoni nukleari Iranjana permezz tad-djalogu u n-negozjati bbażati fuq il-konformità tal-Iran mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

26. Jistieden lir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Settembru 2005, u biex tieħu passi lejn id-denuklearizzazzjoni verifikabbli irriversibbli, u jtenni l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u trasparenti tar-riżoluzzjonijiet 1718 u 1874 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bħala għodod biex jillimitaw l-attivitajiet ta' proliferazzjoni tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u biex jipperswaduha terġa' lura għat-Taħditiet bejn is-Sitt Partijiet u għad-denuklearizzazzjoni;

27. Jappoġġa t-tlaqqigħ tas-Samit tas-Sigurtà Nukleari f'April 2010, filwaqt li jirrikonoxxi li n-negozju mhux awtorizzat u l-użu ta' materjal nukleari huwa theddida immedjata u serja għas-sigurtà globali, u jistenna bil-ħerqa li jsiru proposti konkreti biex tikber is-sigurtà tal-materjal nukleari vulnerabbli, li jistgħu jinkludu miżuri għall-istħarriġ effikaċi ta' każijiet fejn materjal kien żvijat illegalment u għall-proċedimenti kontra dawk responsabbli;

28. Jirrikonoxxi l-importanza tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-IAEA dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà tas-Sorsi Radjuattivi u l-Gwida dwar l-Importazzjoni u l-Esportazzjoni tas-Sorsi Radjuattivi marbuta miegħu għall-prevenzjoni ta' attakk radjoloġiku u se jaħdem għall-implimentazzjoni globali tagħhom;

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2010 tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA.

 

(1)

ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 152.

(2)

ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 253.

(3)

ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.453.

(4)

ĠU C 301 E, 13.12.2007, p.146.

(5)

Testi adottati, P6_TA (2008)0255.

(6)

In-Nazzjonijiet Uniti: Konferenza għar-Reviżjoni tal-2000 tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, NPT/CONF.2000/28 (Partijiet I u II).

(7)

ĠU L 106, 27.4.2005, p. 32.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Mejju 2010Avviż legali