Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0150/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0150/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-UE 2020

3.3.2010

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0000/2010
biex jingħalaq id-dibattitu dwar is-segwitu tal-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Malcolm Harbour, Roberts Zīle f'isem il-Grupp ECR

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0150/2010
Testi mressqa :
B7-0150/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0150/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-UE 2020

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu dwar il-laqgħa informali tal-Kunsill dwar l-UE 2020 tal-11 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni UE 2020 tal-Kummissjoni Ewropea, li kien ippubblikat fl-24 ta' Novembru 2009,

 

–   wara li kkunsidra l-ewwel sommarju tat-tweġibiet, li kien ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fit-2 ta' Frar 2010,

 

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istrateġija ta' Lisbona, li kien ippubblikat fit-2 ta' Frar 2010,

 

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tat-23 ta' Frar 2010 lill-Kummissjoni dwar l-Agrikoltura u l-Istrateġija ġejjiena UE 2020 (O-0023/2010 – B7-0000/2010),

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-dokument ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istrateġija ta' Lisbona jiddikjara li wħud mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija ta' Lisbona, fosthom ir-rata tal-impjiegi ta' 70% u r-rata ta' 3% tal-infiq tal-PGD għar-Riċerka u l-Iżvilupp, ma ntlaħqux,

B.  billi hemm erba' oqsma ta' prijorità għal riformi, fosthom ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-investiment fin-nies/l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol, it-twessigħ tal-potenzjal għan-negozju, b'mod partikolari tal-SMEs, u l-enerġija u t-tibdil fil-klima,

C. billi r-riformi marbuta mal-Istrateġija ta' Lisbona għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq in-negozju li jlaħħqu aktar minn EUR 400 biljun intlaqgħu b'sodisfazzjon,

D. billi s-sorveljanza fl-Istati Membri hija importanti biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi,

E.  billi l-ħtieġa li l-Kunsill iħaffef it-twaqqif ta' Privattiva Komunitarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-innovazzjoni hija kruċjali għan-negozji,

F.  billi l-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea flimkien għandhom jiżguraw li l-objettivi jintlaħqu,

G. billi objettivi u miżuri ċari u li jistgħu jitkejlu, fosthom il-Metodu Miftuħ ta' Koordinament, huma kruċjali sabiex jintlaħqu b'suċċess l-għanijiet tal-istrateġija UE 2020, aktar milli l-objettivi ġenerali,

H. billi l-effikaċja u l-koordinament tal-għażliet rigward il-governanza inklużi fl-istrateġija mġedda ta' Lisbona, fosthom il-Linji Gwida Integrati, il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali, ir-Rakkomandazzjonijiet għal Pajjiżi Speċifiċi, il-Programm Komunitarju ta' Lisbona, ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Progress Annwali u l-Metodu Miftuħ ta' Koordinament, għandhom jiġu diskussi,

I.   billi s-sussidjarjetà għandha tkun osservata rigward l-impjiegi u l-politiki soċjali billi għadhom fid-dominju tal-gvernijiet nazzjonali,

J.   billi l-Parlament Ewropew diġà esprima l-fehma tiegħu li għandha titwaqqaf minnufih sistema interistituzzjonali li tidentifika x-xejriet fit-tul dwar kwistjonijiet ta' politika ewlenin,

K. billi l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom janalizzaw bis-sħiħ għaliex xi wħud mill-objettivi ewlenin tal-Istrateġija ta' Lisbona ma ntlaħqux meta ġew għall-iżvilupp ta' strateġija ġdida dwar l-impjiegi u t-tkabbir,

1. Iqis li l-istrateġija UE 2020 għandha tkun iffukata fuq il-vantaġġi ekonomiċi komparattivi tal-Ewropa u l-impenji eżistenti sabiex tiġi ggarantita l-kompetittività tal-Ewropa meta titqabbel mal-ekonomiji li qegħdin jikbru bil-ħeffa, u dan jesiġi li l-Ewropa tiffoka fuq l-iżvilupp tas-settur tas-servizzi tagħha, filwaqt li ssostni l-manifattura b'teknoloġija għolja kompetittiva;

2. Sabiex ikompli jiżdied il-vantaġġ komparattiv Ewropew eżistenti, hemm il-ħtieġa urġenti li s-Suq Uniku jsir komplet, sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal tiegħu għall-kummerċ u għall-ħolqien ta' kumpaniji ġodda u ta' impjiegi; il-prijoritajiet jinkludu s-Suq Uniku Diġitali, it-twaqqif ta' Privattiva Komunitarja, l-infurzar tar-regolamenti tas-Suq Uniku, l-implimentazzjoni tal-Pakkett tas-Servizzi u l-Prodotti, il-monitoraġġ tas-swieq u t-titjib fil-koordinament bejn l-Istati Membri biex jitnaqqsu l-problemi ta' implimentazzjoni, kif ukoll titjib sostnut fil-ħiliet, fil-prodotti, fl-innovazzjoni, fil-kwalità u fil-kunsinna effiċjenti, flimkien ma' żviluppi ġenerali u radikali fil-politika dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni;

3. Jisħaq fuq l-importanza li għandhom jiġu stabbiliti għanijiet li jistgħu jitkejlu; il-valutazzjonijiet tal-impatt mandatorji, fosthom it-"Testijiet swar l-SMEs, is-Suq Uniku u l-Innovazzjoni", b'aktar konsultazzjoni min-naħa tal-parteċipanti interessati u aġġudikazzjonijiet indipendenti, għandhom jistabilixxu jekk il-proposti jġibux magħhom il-"valur miżjud tal-UE", kif ukoll valutazzjonijiet tal-impatt ta' wara l-implimentazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, huma kruċjali għal spinta lejn "Regolamentazzjoni Smart"; jisħaq fuq l-importanza li jintlaħaq tnaqqis ta' 25% fil-piżijiet amministrattivi għall-kompetittività tal-Ewropa sal-2012;

4. Jisħaq fuq l-importanza li l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp tingħatalhom prijorità għal strateġija ġdida ta' impjiegi u tkabbir permezz, pereżempju, tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Qasam ta' Riċerka Ewropea, it-tisħiħ tal-oqsma fejn ir-riċerka Ewropea diġà tinsab fuq quddiem fid-dinja, l-iżvilupp ta' programmi għall-promozzjoni tat-trasferiment tal-għarfien dwar ir-riċerka fil-ħolqien tal-impjiegi u tal-ġid, u l-inkoraġġiment tal-iżvilupp tal-fażi bikrija iffukat fuq ir-riċerka xjentifika ssir fejn issir, bir-riċerka privata mogħtija l-istess saħħa daqs ir-riċerka akkademika biex jitħeġġeġ l-iżvilupp xjentifiku; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-saħħa tal-innovazzjoni għandha tiġi lliberata fis-swieq pubbliċi, bis-sehem massimu tal-SMEs, kif ukoll li jittejbu s-servizzi pubbliċi, fosthom titjib fl-aċċess għall-akkwist qabel il-kummerċ, l-akkwist innovattiv u s-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat;

5. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi ggarantita l-provvista tal-enerġija għall-Ewropa permezz tad-diversifikazzjoni reali tal-provvista tal-enerġija fl-Ewropa, b'mod speċjali bl-appoġġ tal-proġett Nabucco li għandu jgħaqqad l-Unjoni Ewropea mas-sorsi tal-gass naturali fil-Baħar Kaspju u fl-Asja Ċentrali, kif ukoll l-investiment fl-infrastruttura, l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija, il-ftehimiet dwar il-provvista tal-enerġija komuni, u l-pjanijiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri;

6. Jisħaq fuq is-sehem tal-implimentazzjoni tal-pakkett tal-klima u l-enerġija biex jintlaħqu l-għanijiet. Għandha tingħata attenzjoni biex l-Iskema għall-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-UE tintrabat ma' skemi oħrajn ta' limiti u skambji, kif ukoll li s-sistema ta' rkanti taħdem. Għandhom jiżdiedu l-azzjonijiet tal-UE li jitfgħu l-attenzjoni fuq il-promozzjoni ta' forom ta' enerġija li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, fosthom l-enerġija li tiġġedded u teknoloġiji ġodda, bħall-qbid u l-ħżin tal-karbonju, iċ-ċelluli tal-fjuwil u l-fużjoni nukleari. L-enerġija mill-fissjoni nukleari għandha sehem importanti x'tagħti fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, b'mod partikolari fiż-żmien immedjat u intermedju, u għandna nippruvaw inżidu s-sehem tagħha mill-provvista tal-elettriku tal-UE għal 40%;

7. Jenfasizza li l-livelli differenti ta' żvilupp fis-27 Stat Membru għandhom jitqiesu meta jiġu attribwiti l-ispejjeż tal-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima b'mod li ma jfixkilx il-politika ta' koeżjoni u l-ugwaljanza gradwali tal-istandards tal-għajxien fl-Istati Membri kollha; ifakkar li xi Stati Membri diġà ssodisfaw l-obbligi tagħhom dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju skont il-Protokoll ta' Kjoto; ifakkar li l-ispejjeż għall-adattazzjoni għal ekonomija li tibża' għall-ambjent se jvarjaw fost l-Istati Membri skont il-livell tagħhom tas-sorsi tal-iżvilupp u l-enerġija, u għalhekk jitlob li jkun hemm appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp f'dawk l-Istati Membri li se jidħlu fi spejjeż konsiderevoli biex jadattaw ruħhom għal ekonomija li tkun sensittiva għall-ambjent. Il-balanċ tal-impenji li se tidħol għalih id-dinja żviluppata u li qed tiżviluppa għandu jkun proporzjonat b'mod ġust mal-kontribut li kull pajjiż ikun kapaċi jagħti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet;

8. Ifakkar li l-għan ewlieni tal-Politika Agrikola Komuni hu li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista, l-istabilità tas-suq u prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' żvilupp f'dan il-qasam biex tingħeleb il-kriżi u tiġi żgurata politika tal-UE dwar l-ikel li tkun sostenibbli u sensittiva għall-ambjent, filwaqt li tirrispetta s-sostenibilità, is-sigurtà u l-kwalità tal-prodotti agrikoli;

9. Jenfasizza li l-importanza li jingħelbu d-differenzi fl-istandards tal-għajxien fl-UE ma naqsitx u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi għat-titjib tal-infrastruttura f'dawk l-Istati Membri u reġjuni li m'għandhomx infrastruttura u aċċessibilità xierqa, permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni fi spirtu ta' solidarjetà; f'dan ir-rigward, jenfasizza li l-kompletezza tas-Suq Uniku għall-mezzi kollha ta' trasport hija element essenzjali tal-ekonomija Ewropea, billi tippermetti l-mobilità tal-persuni, tal-prodotti u tat-tagħlim fl-UE kollha, u li l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport għandu sehem importanti x'jaqdi biex jagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll biex imexxi 'l quddiem l-interessi ekonomiċi u ambjentali tal-Ewropa, u għalhekk għandu jkun ikkoordinat ma' bosta oqsma ta' politika importanti oħrajn;

10. Iqis li l-flessibilità tal-pagi hi kruċjali billi l-Ewropa tbati minn ekonomiji riġidi ħafna minħabba r-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol fil-livell mikro; għalhekk, l-intervent tal-Istat u tal-UE għandu jkun limitat;

11. Is-sehem ta' kultura intraprenditorjali dinamika u tal-impjieg indipendenti għandu jiġi promoss biex jistimula l-intrapriża libera, il-kummerċ liberu u ġust u l-kompetizzjoni, kif ukoll biex jinħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi sodi għan-negozji ż-żgħar li joħolqu l-biċċa l-kbira tal-impjiegi l-ġodda. Il-ftuħ ta' negozji żgħar ġodda għandu jsir b'mod eħfef, iktar malajr u orħos;

12. Il-programmi edukattivi għandhom iħejju liż-żgħażagħ aħjar għas-suq tax-xogħol, u l-koperazzjoni bejn in-negozji u l-universitajiet hija wieħed mill-modi biex nimxu 'l quddiem u għandu jkun mirfud b'titjib fil-kwalità tat-tagħlim u fl-iżvilupp tal-ħiliet;

13. Jenfasizza li, minkejja l-kompetizzjoni fiskali dannuża, il-prinċipju tal-kompetizzjoni fiskali fost l-UE 27 għandu jibqa' sagrosant;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.