Proċedura : 2010/2592(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0175/2010

Testi mressqa :

B7-0175/2010

Dibattiti :

PV 10/03/2010 - 12
CRE 10/03/2010 - 12

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2010 - 8.1

Testi adottati :

P7_TA(2010)0063

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 118kWORD 71k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0169/2010
8.3.2010
PE439.691v01-00
 
B7-0175/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar Kuba


Renate Weber, Izaskun Bilbao Barandica f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Kuba  
B7‑0175/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikulari dawk tas-17 ta' Novembru 2004(1), tat-2 ta’ Frar 2006(2) u tal-21 ta' Ġunju 2007(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja għall-2004, l-2005, l-2006, l-2007 u l-2008 u l-politika tal-UE dwar din il-kwistjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar is-segwitu tal-Premju Sakharov(4),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2005 dwar id-Damas de Blanco u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Marzu 2003 u tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar is-sitwazzjoni f'Kuba,

–   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 96/697/CFSP dwar Kuba(5), li ġiet adottata fit-2 ta' Diċembru 1996 u li ġiet aġġornata perjodikament,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Ġunju 2007, ta' Ġunju 2008 u tal-15 ta' Ġunju 2009 dwar Kuba,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-kelliem għar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton u mill-President tal-Parlament, Jerzy Buzek, dwar il-mewt f'Kuba tal-priġunier politiku u l-priġunier tal-kuxjenza Orlando Zapata Tamayo,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-ħarsien tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bnidemn, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, jibqa' wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi għadd kbir ta' ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-biċċa l-kbira membri tal-oppożizzjoni demokratika, għadhom qed jinżammu l-ħabs f'Kuba talli eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom tal-espressjoni u tal-assemblea kif ukoll id-dritt li jiltaqgħu,

C. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov 2005 għal-Libertà tal-Ħsieb lill-grupp Kuban Damas de Blanco; billi r-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lid-Damas de Blanco li jivvjaġġaw lejn is-sede tal-Parlament biex jirċievu l-premju jikser wieħed mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem, jiġifieri d-dritt li wieħed jitlaq minn pajjiżu u jirritorna liberament, kif miktub fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

D. billi l-istituzzjonijiet tal-UE ħadu pasi biex iħeġġu l-ħelsien ta' priġunieri politiċi u priġunieri tal-kuxjenza f'Kuba, jew biex jinkuraġġixxu t-trattament umanitarju tagħhom,

E.  billi l-mewt ta' Orlando Zapata Tamayo – l-ewwel darba fi kważi 40 sena li attivist Kuban miet minħabba strajk tal-ġuħ bħala protesta kontra l-abbużi tal-Gvern – titqies bħala pass kbir lura għad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u wasslet għal mewġa ta' protesti f'livell internazzjonali kif ukoll biex aktar priġunieri dissidenti u politiċi Kubani jibdew strajk tal-ġuħ,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-mewt evitabbli tal-priġunier dissidenti politiku Orlando Zapata Tamayo wara strajk tal-ġuħ li dam 85 jum, u jesprimi s-solidarjetà u l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu;

2.  Jikkundanna d-detenzjoni ta' attivisti u t-tentattiv tal-Gvern li ma jħallix lill-familja ta' Orlando Zapata Tamayo tagħmillu funeral u tagħtih l-aħħar tislima;

3.  Jiddeplora n-nuqqas ta' xi sinjal sinifikanti ta' reazzjoni mill-awtoritajiet Kubani għat-talbiet mill-UE u mill-komunità internazzjonali sabiex il-priġunieri politiċi u l-priġunieri tal-kuxjenza jinħelsu u biex il-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni politika, jitħarsu għalkollox;

4.  Jistieden lill-Gvern Kuban biex jeħles minnufih u bla kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi u lill-priġunieri tal-kuxjenza kollha;

5.  Jiddeplora s-sitwazjoni tal-priġunieri politiċi u tad-dissidenti politiċi li attwalment qed jagħmlu strajk tal-ġuħ, b'mod partikulari tal-ġurnalist u psikologu Guillermo Fariñas;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Kuban ma laqax it-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi u tal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, u jisħaq li l-fatt li dissidenti Kubani ntbagħtu l-ħabs minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħhom, imur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jibqgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tintlaqa' t-talba għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi u biex jappoġġjaw l-isforzi tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħtu l-appoġġ inkondizzjonat u l-inkoraġġiment sħiħ tagħhom lit-tnedija ta' proċess paċifiku ta' tranżizzjoni politika lejn demokrazija multipartitika f'Kuba, filwaqt li l-parteċipazzjoni u t-teħid ta' deċiżjonijiet ikunu miftuħa għall-Kubani kollha abbażi ta' djalogu miftuħ li ma jeskludi lil ħadd;

9.  Jesprimi s-solidarjetà kbira tiegħu mal-poplu Kuban u jappoġġja miżuri favur id-demokrazija u l-osservanza u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali; huwa konvint li d-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-Kubani, flimkien mal-appoġġ tal-komunità internazzjonali għall-proċess demokratiku, jgħinu sabiex jingħelbu d-diffikultajiet preżenti;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea EUROLAT kif ukoll lill-Gvern Kuban u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Setgħa tal-Poplu.

(1)

ĠU C 201 E, 18.8.2005, p. 83.

(2)

ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 81.

(3)

Testi adottati, P6_TA(2007)0288.

(4)

Testi adottati, P6_TA(2006)0601.

(5)

ĠU L 322, 12.12.1996, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Mejju 2010Avviż legali