Proċedura : 2010/2572(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0180/2010

Testi mressqa :

B7-0180/2010

Dibattiti :

PV 09/03/2010 - 15
CRE 09/03/2010 - 15

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2010 - 7.7
CRE 10/03/2010 - 7.7

Testi adottati :

P7_TA(2010)0058

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 134kDOC 87k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0154/2010
8.3.2010
PE439.696v01-00
 
B7-0180/2010

imressqa wara l-mistoqsija b'talba għal tweġiba orali B7‑0020/2010

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA


Lothar Bisky, Helmut Scholz, Jim Higgins, Rui Tavares, Cornelis de Jong, Eva-Britt Svensson, Patrick Le Hyaric, Jacky Hénin, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA  
B7‑0180/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim ta' Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-perjodu leġiżlattiv li jmiss(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid), li għandha titqies bħala l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali(3),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-22 ta’ Frar 2010 dwar in-negozjati li qed isiru bħalissa mill-Unjoni Ewropea dwar Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 8 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-24 ta' Frar 2010 lill-Kummissjoni dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA (O-0026/2010 – B7‑0020/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2008 l-Istati Uniti, il-Ġappun, l-UE u xi pajjiżi oħra bdew negozjati dwar ftehim multilaterali ġdid imfassal biex isaħħaħ l-infurzar tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (IPR) u jiġġieled kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija (Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni - ACTA),

B.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li tkun miġġielda l-falsifikazzjoni kif ukoll li jkunu mħarsa ċerti drittijiet li, madankollu, ma jistgħux jieħdu l-preċedenza fuq id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem li huma l-pedament tas-soċjetajiet tagħna u tad-demokrazija; filwaqt li jqis id-diversi oqsma li n-negozjati għandhom l-għan li jkopru fil-ftehimiet tagħhom kif ukoll il-fatt li n-negozjati jsiru b'mod sigriet,

C. billi, fir-rapport tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex 'immedjatament tagħmel pubblikament disponibbli d-dokumenti kollha relatati man-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehima Kummerċjali ta' Kontra l-Iffalsifikar (ACTA)',

D. billi fis-27 ta' Jannar 2010 l-Kummissjoni ħadet impenn għal assoċjazzjoni msaħħa mal-Parlament ibbażat fuq it-termini tar-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Frar 2010 dwar Ftehim ta’ Qafas rivedut mal-Kummissjoni li talab li jkun hemm 'l-għoti immedjat u sħiħ ta' informazzjoni lill-Parlament f'kull stadju tan-negozjati (...) b’mod partikulari dwar kwistjonijiet ta' kummerċ u negozjati oħra li jinvolvu l-proċedura ta' kunsens, b'tali mod li jingħata effett sħiħ lill-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE',

E.  billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, hija obbligata li tara li jiġi osservat l-acquis communautaire meta jiġu nnegozjati ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw il-leġiżlazzjoni fl-UE,

F.  billi, skont dokumenti li ġew żvelati, in-negozjati tal-ACTA jinkludu, fost kunsiderazzjonijiet oħra, leġiżlazzjoni pendenti tal-UE dwar l-infurzar tal-IPR (COD/2005/0127, Miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, (IPRED-II)) u l-hekk imsejjaħ 'Pakkett Telecom', u ma jirrispettawx il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fir-rigward tal-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data,

G. billi l-isforzi li qed tagħmel bħalissa l-UE biex tarmonizza l-miżuri ta’ infurzar tal-IPR m’għandhomx jiġu evitati permezz ta’ negozjati kummerċjali li jaqgħu taħt l-ambitu tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet normali tal-UE,

H. billi hu kruċjali li jkun żgurat li l-iżvilupp ta' miżuri ta' infurzar tal-IPR iseħħ b'mod li ma jimpedix l-innovazzjoni jew it-trasferiment tat-teknoloġija, ma jdgħajjifx il-limitazzjonijiet tal-IPR u l-protezzjoni tad-data personali, ma jirrestrinġix il-fluss ħieles tal-informazzjoni u ma jtaqqalx bla bżonn il-kummerċ leġittimu,

I.   billi kwalunkwe ftehim li jintlaħaq mill-Unjoni Ewropea dwar l-ACTA għandu jkun konformi mal-obbligi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tal-liġi dwar il-privatezza, il-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tad-data, partikolarment kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE, fid-Direttiva 2002/58/KE u fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja,

J.   billi l-azzjonijiet tal-UE fil-livell internazzjoni għandhom ikunu gwidati mill-prinċipju tal-universalità u tal-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali,

1.  Filwaqt li jappoġġja t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni vera, jiddenunzja n-nuqqas ta' trasparenza u ta' leġittimità demokratika tan-negozjati tal-ACTA u jirrifjuta l-fatt li l-ACTA qed ikun innegozjat b'mod sigriet taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti, il-Ġappun, l-UE u xi pajjiżi industrijalizzati oħra, u bl-ebda bażi legali min-naħa tal-UE, u jopponi negozjati li jfissru intenzjoni ġdida li jiżdiedu l-ambitu u l-ispejjeż tal-IPR sabiex ikun żgurat aktar qligħ fl-interess tal-kumpaniji;

2.  Jikkundanna l-proċedura użata, li mhijiex demokratika, u l-imġiba tal-Kunsill u tal-Kummissjoni lejn il-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jirrifjuta l-għażla kkalkulata tal-partijiet li ma jinnegozjawx permezz tal-WIPO, li stabbiliet oqfsa għat-tagħrif u l-konsultazzjonijiet pubbliċi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tieħu sehem fl-ebda negozjati kummerċjali li ma jkunux inklużivi, multilaterali, suġġetti għall-iskrutinju pubbliku u parlamentari u bl-involviment xieraq tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fin-negozjati li jkollhom impatt fuq l-iżvilupp tagħhom;

5.  Huwa tal-fehma li ma jeżistu l-ebda argumenti leġittimi għan-nuqqas ta' żvelar fir-rigward tan-negozjati internazzjonali dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew kwistjonijiet simili li huma ta’ natura leġiżlattiva u li għandhom impatt fuq id-drittijiet fundamentali;

6.  Jitlob li l-Kummissjoni tagħti aċċess lill-Parlament għat-testi primarji kollha relatati mal-ACTA, b'mod partikulari l-mandat tan-negozjati tal-ACTA mill-Kunsill, il-minuti tal-laqgħat tan-negozjati tal-ACTA, l-abbozz tal-kapitoli tal-ACTA u l-kummenti tal-parteċipanti tal-ACTA dwar l-abbozz tal-kapitoli;

7.  Jirrikonoxxi li minbarra l-obbligu legali ċar li jkun informat il-Parlament, id-dokumenti tal-ACTA għandhom ukoll ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali fl-UE u fil-pajjiżi l-oħra li jieħdu sehem fin-negozjati; jifhem il-kritika pubblika wiesgħa tas-segretezza tan-negozjati tal-ACTA bħala sinjal ċar tan-nuqqas ta’ sostenibbiltà politika tal-proċedura magħżula tan-negozjati;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddenunzja minnufih il-ftehimiet interni informali u illegali dwar in-natura kunfidenzjali tat-tmexxija tan-negozjati u jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament fi żmien xieraq dwar l-inizjattivi tagħha f'dan ir-rigward; jistenna li l-Kummissjoni tagħmel dan qabel iċ-ċiklu ta' negozjati li jmiss fi New Zealand f'April 2010 kif ukoll biex titlob li l-kwistjoni tat-trasparenza titqiegħed fl-aġenda ta' dik il-laqgħa;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta d-drittijiet fundamentali u twettaq evalwazzjoni dwar l-impatt tal-implimentazzjoni tal-ACTA fuq dawk id-drittijiet u l-protezzjoni tad-data, fuq l-isforzi tal-UE li għaddejjin bħalissa biex jiġu armonizzati l-miżuri ta' infurzar tal-IPR u fuq il-kummerċ elettroniku, u l-impatt possibbli tiegħu fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tat-dritt f’pajjiżi terzi, speċjalment dawk li qed jiżviluppaw, qabel ma jintlaħaq xi ftehim tal-UE dwar test konsolidat tal-ACTA, u biex tikkonsulta mal-Parlament dwar ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni fiż-żmien xieraq;

10. Jopponi n-negozjati li jillimitaw il-proċess legali xieraq jew li b'xi mod idgħajfu l-garanziji tad-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

11. Iqis li kull ftehim irid jinkludi d-dritt ta' eżami minn qorti qabel ma xi ħadd ma jitħalliex ikollu aċċess għall-Internet;

12. Iqis li l-prosekuzzjoni ta' vjolazzjonijiet possibbli tal-liġi tad-drittijiet tal-awtur jew tal-privattivi għandha taqa' fi ħdan il-ġurisdizzjoni esklużiva ta' awtoritajiet ġudizzjarji tal-istat u li l-ebda setgħa bħal din m'għandha tingħata lil korpi amministrattivi jew lil partijiet li jirrappreżentaw interessi privati;

13. Iqis li kull impożizzjoni jew suġġeriment ta' sanzjonijiet kriminali fejn attwalment ikunu fis-seħħ miżuri ċivili, m'għandhomx jostakolaw it-trasferiment tat-teknoloġija u l-innovazzjoni ekonomika billi jżidu l-ispejjeż u r-riskji għall-produtturi u l-importaturi;

14. Jinsisti li d-dritt tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-komunikazzjonijiet diġitali għandhom jitħarsu u m'għandhomx ikunu subordinati għal drittijiet anqas fundamentali;

15. Iqis li kull ftehim biex jiġu msaħħa l-qabdiet u l-ispezzjonijiet transkonfinali tal-oġġetti jikkawża preġudizzju għall-aċċess dinji għal mediċini legali u sikuri, inklużi l-mediċini ġeneriċi;

16. Iqis li kull ftehim biex tkun ipprojbita t-teknoloġija kontra l-evitar m'għandux jillimita l-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal stampa ħielsa fuq skala dinjija u d-dritt għall-informazzjoni;

17. Jieħu nota tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li kull ftehim tal-ACTA se jkun limitat għall-infurzar tal-IPRs eżistenti, bla ħsara għall-iżvilupp tal-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali fl-Unjoni Ewropea; jagħti kull kunsens possibbli lill-ftehim tal-ACTA bil-kundizzjoni li dan jirrispetta għalkollox din l-affermazzjoni;

18. Jopponi kull miżura li tinkludi s-sorveljanza fuq skala kbira tal-utenti tal-Internet u tal-komunikazzjonijiet tal-Internet u li tinkludi obbligu għal min jipprovdi l-Internet li jadotta l-politika '3 strikes disconnection' b'rispons gradwali; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni li jirrispettaw id-dritt għall-privatezza, il-kunfidenzjalità tal-posta u l-protezzjoni tad-data personali; ifakka r fil-ħtieġa li tkun irrispettata u ggarantita n-newtralità tal-Internet;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-ACTA - speċjalment id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-proċeduri ta' infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali - ikun konformi bis-sħiħ mal-ispirtu tal-acquis communautaire u ma jimplikax li miżuri 'awtoregolatorji' jiġu imposti minn kumpaniji privati barra l-ambitu tal-proċessi demokratiċi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

20. Jenfasizza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, kif rikonoxxuti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li għandhom jiġu rispettati fil-politiki u r-regoli kollha adottati mill-UE skont l-Artikolu 16 tat-Trattat FUE;

21. Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-fatt li l-UE ilha ħafna snin tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ internazzjnali ma' sħab kummerċjali importanti, fosthom bosta miżuri li jmorru kontra l-prinċipji tad-demokrazija; se juża kull mezz u kull proċedura li jwasslu għal rispett xieraq għalihom;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tas-sħab li qed jinnegozjaw l-ACTA.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0009.

(2)

Testi adottati, P6_TA(2009)0114.

(3)

Testi adottati, P6_TA(2008)0634.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Mejju 2010Avviż legali