Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0225/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0225/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dar it-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Rom

17.3.2010

further to Questions for Oral Answer B7‑0013/2010, B7-0014/2010, B7‑0202/2010 and B7‑0203/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Cornelia Ernst, Eva-Britt Svensson f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0222/2010

Proċedura : 2010/2559(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0225/2010
Testi mressqa :
B7-0225/2010
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0225/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Rom

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini razzjali u etnika, u partikolarment il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR), it-tnejn iffirmati mill-Istati Membri kollha tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-verżjoni riveduta tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tar-Rakkomandazzjoni 1557/2002 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li tenfasizza d-diskriminazzjoni mifruxa kontra r-Rom u l-bżonn li titjieb is-sistema ta' monitoraġġ tad-diskriminazzjoni kontrihom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jimpenja lill-Istati Membri biex jiggarantixxu opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 19 TFUE li jippermetti lill-Komunità Ewropea li tieħu azzjoni xierqa sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 43/2000/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Jannar 2005 dwar l-Olokawst, l-Anti-Semitiżmu u r-Razziżmu,

–   wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet tiegħu dwar kwistjonijiet marbuta mar-Rom adottati matul leġiżlaturi preċedenti, u partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Rom fl-UE,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Valutazzjoni tal-Bżonnijiet ta' Protezzjoni tal-Individwi mill-Kosovo ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-istabbiliment tad-'Deċennju għall-Inklużjoni tar-Rom' (2005-2015) u ta' Fond għall-Edukazzjoni tar-Rom, bil-għan li tissaħħaħ l-effikaċja tal-politika u tal-finanzjament fir-rigward tar-Rom, u li attwalment huma ffukati fuq numru ta' Stati Ewropej, fosthom għadd ta' Stati Membri tal-UE, pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra li fihom hemm preżenza qawwija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bl-isem 'Il-qagħda taċ-ċittadini Rom tal-UE li jmorru u jgħixu fi Stati Membri oħra tal-UE' (Novembru 2009) u l-'Kundizzjonijiet tal-Akkomodazzjoni tar-Rom u tat-Travellers fl-Unjoni Ewropea' (Ottubru 2009),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO dwar l-inklużjoni tar-Rom tat-8/9 ta' Ġunju 2009 u l-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Rom, kif diskussi fl-ewwel laqgħa tal-pjattaforma integrata Ewropea dwar l-inklużjoni tar-Rom li saret f'April 2009,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tat-12 ta' Frar 2010 (O-0017/2010 – B7‑0013/2010, O‑0018/2010 – B7‑0014/2010) u tal-24 ta' Frar 2010 (O-0028/2010 – B7‑0202/2010, O‑0029 – B7-0203/2010) li saru lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Rom,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bejn 12 u 15-il miljun Rom jgħixu fl-Ewropa, u bejn 7 u 9 miljuni minnhom fl-Unjoni Ewropea, iġġarrbu diversi forom ta' diskriminazzjoni; billi s-sentimenti kontra ż-żingari għadhom mifruxin fl-Ewropa, u r-Rom regolarment jisfaw vittmi ta' attakki razzisti, inċitament għall-mibegħda, attakki fiżiċi minn gruppi estremisti, żgumbramenti illeġittimi u kedd mingħand il-pulizija, u f'termini ġenerali jiċċaħħdu mid-drittijiet tagħhom bħala ċittadini,

B.  billi rapport li tfassal dan l-aħħar mill-FRA jistabbilixxi li r-Rom huma vittmi ta' diversi forom ta' diskriminazzjoni, ta' reati motivati mir-razziżmu u tal-marġinalizzazzjoni, li ma jafux drittijiethom, u li spiss ma jirrapportawx l-esperjenzi tagħhom ta' vittimizzazzjoni personali,

C. billi, skont dan ir-rapport, bħala medja, parteċipant Rom wieħed fir-riċerka minn kull erbgħa safa vittma ta' reati personali u wieħed minn kull ħamsa safa vittma ta' reati motivati mir-razziżmu – fosthom aggressjonijiet, theddid u kedd gravi ­– tal-anqas darba fit-12-il xahar preċedenti,

D. billi għad hemm diskriminazzjoni kontra r-Rom, partikolarment fil-qasam tal-kura tas-saħħa, u billi għad hemm każi ta' segregazzjoni fis-swali tal-maternità u ta' sterilizzazzjoni tan-nisa Rom mingħajr il-kunsens tagħhom,

E.  billi l-aċċess tar-Rom għas-servizzi tal-kura tas-saħħa preventiva mhuwiex adegwat: 'il fuq minn 25% tat-tfal Rom ma jżommux mal-programm ta' tilqim, 'il fuq minn 40% tan-nisa ta' età ogħla minn 15-il sena qatt ma għamlu vista ġinekoloġika ħlief minħabba t-tqala jew l-uġigħ tal-ħlas, u 30% tal-popolazzjoni Rom qatt ma marru għand dentist,

F.  billi f'diversi Stati Membri u pajjiżi kandidati għad hemm sistemi skolastiċi b'segregazzjoni razzjali, li b'riżultat tagħhom, fl-aħjar każi, it-tfal Rom jiġu mgħallma kurrikula ta' kwalità aktar baxxa u, fl-agħar każi, jitpoġġew f'istituti riservati għall-persuni b'diżabilità mentali,

G. billi r-Rom iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni strutturali fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għad-djar, b'konsegwenzi ta' faqar u esklużjoni soċjali, u f'xi Stati Membri tal-UE r-Rom iġarrbu tnaqqis konsiderevoli fil-benefiċċji tas-sigurtà soċjali,

H. billi d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE ma ġietx trasposta b'mod adegwat jew implimentata bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha, minkejja li tikkostitwixxi element importanti fi strateġiji tal-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-komunitajiet li spiss huma suxxettibbli għad-diskriminazzjoni,

I.   billi r-Rom għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fl-istrutturi tal-gvern u fl-amministrazzjoni pubblika fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati li fihom jikkostitwixxu perċentwal sinifikanti tal-popolazzjoni,

J.   billi f'xi Stati Membri u xi pajjiżi kandidati, ir-rappurtaġġ fl-istampa u fil-mezzi l-oħra tal-komunikazzjoni kif ukoll l-azzjoni tal-gvern dwar il-minoranzi Rom għadhom ostili u diskriminatorji u spiss jiksru d-dritt Komunitarju fil-qasam tal-antidiskriminazzjoni,

K. billi l-UE għandha diversi mekkaniżmi u strumenti li jistgħu jintużaw biex jitjieb l-aċċess tar-Rom għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, l-impjiegi, id-djar, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali, il-parteċipazzjoni politika, l-inklużjoni soċjali u l-benefiċċji tal-politiki reġjonali u tal-impjiegi; billi l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet Rom għadu objettiv li jrid jintlaħaq u li jeħtieġ l-istrumenti tal-UE jintużaw ħalli jkun hemm bidla effettiva u viżibbli f'dak l-ambitu,

L.  billi r-Rom li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea spiss iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni razzjali fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom bħala ċittadini tal-UE, partikolarment fir-rigward tal-libertà ta' moviment u ta' stabbiliment,

M. billi l-applikazzjoni inkorretta tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu (2004/38/KE) mill-awtoritajiet nazzjonali f'diversi livelli ta' amministrazzjoni tista' tkun responsabbli mill-irtirar de facto ta' ċerti drittijiet u intitolamenti tar-Rom, partikolarment fil-qasam tal-assistenza soċjali, fil-benefiċċji soċjali u fil-protezzjoni soċjali,

N. billi l-provinċja tal-Kosovo tibqa' post mhux sikur għall-persuni kollha mhux ta' etnija Albaniża, partikolarment għar-Rom, billi l-agressjonijiet ibbażati fuq raġunijiet etniċi għadhom mhumiex qed jiġu rrapportati f'din il-provinċja, u billi xi Stati Membri wettqu rimpatriji bil-forza ta' għadd ta' rifuġjati – il-maġġoranza tagħhom ta' oriġini Rom – lejn il-Kosovo, minkejja li l-kundizzjonijiet sikuri għal dan ir-rimpatriju mhumiex garantiti, peress li r-Rom jibqgħu mingħajr saqaf fuq rashom u jġarrbu diskriminazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-protezzjoni soċjali u tal-impjiegi,

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO u l-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Rom; jenfasizza, madankollu, li jinħtieġu sforzi serji mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jiġu implimentati dawn il-prinċipji permezz ta' azzjoni politika xierqa;

 

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Rom, li se jiġi organizzat mill-Presidenza Spanjola fit-8 ta' April 2010 f'Córboba; iqis li dan is-samit huwa opportunità biex jiġu eżaminati l-politiki ta' inklużjoni tar-Rom implimentati sal-lum u biex jintlaħaq qbil favur aktar azzjoni;

 

3.  Jilqa' l-impenn meħud mill-Kunsill EPSCO li l-pjattaform integrata għall-inklużjoni tar-Rom se tkun appoġġata orizzontalment mill-istrumenti Komunitarji (pereżempju mill-Fondi Strutturali) u mill-politiki Komunitarji (pereżempju fl-oqsma tad-drittijiet fundamentali, tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, tal-antidiskriminazzjoni, tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, tal-edukazzjoni, tad-djar, tas-saħħa, tal-impjiegi, tas-servizzi soċjali, tal-ġustizzja, tal-isports u l-kultura kif ukoll fir-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi);

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-isforzi tagħha ħalli tinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati sabiex jagħmlu użu xieraq minn dawn l-istrumenti u l-politiki Komunitarji għall-benefiċċju tar-Rom;

5.  Jistenna bil-ħerqa t-tressiq tar-rapport intermedju tal-2010 min-Netwerk EURoma dwar il-Fondi Strutturali (2007-2013) u l-inklużjoni soċjali tar-Rom; jittama li dan ir-rapport se joffri valutazzjoni bir-reqqa tal-kisbiet tal-politiki ta' inklużjoni tar-Rom u l-ostakli li jinqalgħu u tar-rakkomandazzjonijiet għat-titjib u l-implimentazzjoni aħjar tal-politiki segwiti fl-ambitu tal-pjattaforma integrata dwar l-inklużjoni tar-Rom;

6.  Jikkundanna ż-żieda ta' dan l-aħħar fis-sentimenti kontra ż-żingari (fobija mir-Rom) f'bosta Stati Membri tal-UE fil-forma ta' ġrajjiet regolari ta' inċitament għall-mibegħda u attakki kontra r-Rom;

 

7.  Iqis li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tar-Rom, li jikkostitwixxu komunità kulturali pan-Ewropea, teħtieġ approċċ komprensiv fil-livell Ewropew, filwaqt li jirrikonoxxi li r-responsabilità primarja mill-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Rom u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, ekonomika u politika tagħhom hija f'idejn il-gvernijiet tal-Istati Membri;

 

8.  Jistenna li t-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Rom f'Córdoba jqis bis-serjetà l-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tan-Netwerk EURoma meta jasal għall-konklużjonijiet dwar aktar azzjoni;

9.  Iqis, madankollu, li jidher li xi Stati Membri għadhom isibuha bi tqila jużaw il-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom, biex għaldaqstant il-progress lejn l-objettivi politiċi tal-pjattaforma integrata dwar l-inklużjoni tar-Rom għadu 'l bogħod minn indaqs; huwa tal-fehma, madankollu, li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw objettivi u programmi konkreti għat-titjib tal-inklużjoni tar-Rom;

10. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li studju reċenti kkommissjonat mill-Open Society Institute (2008) identifika għadd ta' problemi komuni marbuta mal-finanzjament tal-UE għall-proġetti li għandhom x'jaqsmu mar-Rom fl-Istati Membri l-ġodda: approċċ minn fuq għal isfel u interventi iżolati mingħajr l-ebda involviment veru tal-komunitajiet Rom, ostakli għolja għall-organizzazzjonijiet fl-ambitu tal-iżvilupp tal-komunità fl-aċċess u t-tkomplija fil-forma ta' proċeduri ta' applikazzjoni kumplessi, nuqqas ta' viżjoni strateġika, finanzjamenti insuffiċjenti biex jitħalla impatt dejjiemi u jiġġenera patrimonju, eċċ.;

11. Jissuġġerixxi li l-politiki tal-ġejjieni dwar il-pjattaforma integrata dwar l-inklużjoni tar-Rom għandhom jiżviluppaw strumenti u inċentivi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-'prassi tajba': tħejjija adegwata, approċċ minn isfel għal fuq, multidimensjonalità, kollegamenti istituzzjonali, approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u sforzi li jittrattaw kwistjonijiet politiċi diffiċli billi jiġu indirizzati l-kawżi tad-diskriminazzjoni u l-esklużjoni; jenfasizza li għandhom jiġu ppjanati, attwati u evalwati l-miżuri kollha li jwasslu biex tispiċċa d-diskriminazzjoni kontra r-Rom, bl-involviment dirett tal-komunitajiet Rom milquta;

12. Jappoġġa l-fehma tal-Kunsill EPSCO li l-iffukar fuq il-poplu Rom bħal grupp fil-mira ma għandux jissarraf fl-esklużjoni ta' popli oħra li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ċirkustanzi soċjoekonomiċi simili; iqis, madankollu, li l-immirar espliċitu tal-inklużjoni tar-Rom f'qafas usa' ta' strumenti u politiki Komunitarji jista' jkun promoss b'mod iktar effikaċi u effiċjenti permezz ta' Unità għar-Rom li tkun orizzontali u interdipartimentali fi ħdan il-Kummissjoni li tissorvelja u tikkoordina l-azzjoni fl-ambitu tal-pjattaforma integrata dwar l-inklużjoni tar-Rom u tgħin biex jiġi garantit li l-entitajiet kollha rilevanti jintroduċu kwistjonijiet marbuta mar-Rom;

13. Jaqbel mal-fehma tal-Kunsill EPSCO li l-politiki għall-inklużjoni tar-Rom għandhom jimmiraw lejn is-soċjetà inġenerali; jixtieq, madankollu, jissensibilizza lill-Istati Membri dwar il-fatt li dan l-objettiv ma għandux jitfixkel mal-assimilazzjoni u jeħtieġ impenn qawwi lejn approċċ ta' tagħlim interkulturali li jpoġġi liż-żewġ naħat fuq l-istess livell - il-maġġoranza tal-popolazzjoni u l-minoranza Rom;

14. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inklużjoni soċjali tar-Rom għandha tevita l-approċċ selettiv (creaming the poor) li jibbenefikaw minnu biss dawk il-partijiet tal-popolazzjoni Rom li huma l-aktar kapaċi jiksbu riżultati tajbin f'termini ta' rekwiżiti ta' edukazzjoni formali, taħriġ u 'impjegabilità' u jittraskura l-bżonn ta' integrazzjoni tal-maġġoranza tal-poplu Rom li aktarx ma jistgħux ilaħħqu ma' dawn ir-rekwiżiti daqshekk faċilment;

15. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-proġetti tal-ekonomija soċjali jirrappreżentaw strument importanti għall-promozzjoni tal-impjiegi għar-Rom u l-imprenditorija tagħhom; fid-dawl ta' dan, jiddeplora l-fatt li l-Direttorat għall-Ekonomija Soċjali fi ħdan il-Kummissjoni ma tħalliex ikompli jopera u l-funzjonijiet tiegħu tqassmu, u li l-programm EQUAL, li sal-lum serva ta' kanal importanti ta' finanzjament tal-proġetti tal-ekonomija soċjali, ġie abbandunat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Presidenza Spanjola biex jerġgħu jagħtu nifs ġdid lill-isforzi biex jippromwovu l-ekonomija soċjali, billi titqies ukoll l-inklużjoni tar-Rom;

16. Iqis li l-Kummissjoni - permezz tal-istruttura tal-pjattaforma integrata dwar l-inklużjoni tar-Rom - għandha tiżviluppa Strateġija ta' Qafas dwar l-Inklużjoni tar-Rom, li tistabbilixxi l-istandards minimi komuni u l-indikaturi għall-politiki fl-ambitu tal-inklużjoni soċjali tar-Rom fl-Unjoni Ewropea kollha, kif ukoll ir-Rom minn pajjiżi terzi;

17. Jisħaq li l-allokazzjoni ta' riżorsi fl-ambitu tal-Fondi Strutturali tal-UE għandha tkun strettament subordinata għall-implimentazzjoni f'livell ta' Stati Membri ta' programmi ta' azzjoni bbażati fuq pjanijiet ta' opportunitajiet indaqs u ta' desegregazzjoni, speċjalment fir-rigward tad-djar, tal-edukazzjoni u tal-aċċess universali għall-kura tas-saħħa preventiva;

18. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jieħdu passi ħalli jżidu n-numru ta' edukaturi u ta' assistenti tal-għalliema tar-Rom, u sabiex jiżguraw li l-materjal didattiku jinkludi l-istorja u l-kultura tal-poplu Rom, speċjalment f'reġjuni u f'lokalitajiet fejn hemm għadd sostanzjali ta' popolazzjoni Rom;

19. Jistieden lill-Istati Membri biex itemmu s-segregazzjoni fl-iskejjel; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-integrazzjoni se tibqa' objettiv li diffiċilment jintlaħaq sakemm it-tfal Rom jibqgħu sseparati u mibgħuta fi skejjel u klassijiet speċifiċi f'xi Stati Membri;

20. Jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati biex jiggarantixxu lir-Rom id-dritt li jaħdmu u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, permezz ta' miżuri li jinkludu sostenn finanzjarju għat-taħriġ u għat-taħriġ mill-ġdid, miżuri li jrawmu azzjoni pożittiva fis-suq tax-xogħol u nfurzar rigoruż tal-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi, kif ukoll id-dritt li jibbenefikaw minn sistema ta' sigurtà soċjali li tiggarantilhom livell adegwat ta' għajxien;

21. Jistieden lill-Istati Membri biex jiġbru sporadikament data disaggregata li jippermettulna naslu għal konklużjonijiet dwar il-qagħda tar-Rom, bil-kundizzjoni li jiġi garantit livell suffiċjenti ta' protezzjoni tad-data;

22. Jistieden lill-Istati Membri japplikaw id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu (2004/38/KE) b'mod li jiggarantixxi li ċ-ċittadini Rom tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqalqu liberament igawdu d-drittijiet ċivili sħaħ;

23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex, mingħajr dewmien, itemmu u jirrimedjaw b'mod xieraq: (i) l-esklużjoni sistematika ta' wħud mill-komunitajiet Rom mill-kura tas-saħħa, fosthom dawk il-komunitajiet f'żoni ġeografiċi maqtugħin għalihom; (ii) l-abbużi estremi tad-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tal-kura tas-saħħa, fejn dawn kienu jsiru jew għadhom isiru, inkluża s-segregazzjoni razzjali fl-istrutturi tas-saħħa u l-isterilizzazzjoni furzata tan-nisa Rom;

24. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw programmi sistemiċi nazzjonali li jkollhom l-għan li jtejbu l-qagħda tas-saħħa tal-komunitajiet Rom, speċjalment għat-tfal, għan-nisa tqal, għall-ommijiet u għall-persuni b'diżabilità, biex jiġi garantit aċċess universali għas-servizzi tal-kura tas-saħħa preventiva u biex jitfasslu pjanijiet ta' azzjoni li jagħmlu enfasi speċjali fuq is-saħħa dentali, il-promozzjoni ta' abitudnijiet alimentari li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa, it-tilqim tat-tfal u s-saħħa tan-nisa;

25. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-politiki fil-qasam tad-djar orjentati lejn is-suq, bħall-privatizzazzjoni tal-djar tal-gvern, tnaqqis fl-akkomodazzjoni soċjali, żiediet fil-kera u t-trasferimenti furzati bil-pretest ta' modernizzazzjoni urbana, kellhom riperkussjonijiet partikolarment negattivi fuq ir-Rom u spiss ġiegħlu lir-Rom jitilfu l-alloġġ tagħhom jew jibdluh ma' ieħor ta' kwalità ferm inferjuri

26. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li f'xi pajjiżi r-Rom iħabbtu wiċċhom ma' ostaklu biex jirċievu benefiċċji għall-akkomodazzjoni billi l-akkomodazzjoni li jkunu għażlu, bħal karavan, ma tissodisfax id-definizzjoni ta' dar;

27. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-liġijiet jew il-politiki ta' xi Stati Membri jaġixxu speċifikament biex jillimitaw jew jiksru d-dritt għal akkomodazzjoni adegwata li jgwadu minnu r-Rom, bħal-liġijiet u l-politiki tal-gvern tal-Italja li ssegregaw ir-Rom u s-Sinti f'kampijiet prekarji ta' 'nomadi' u għamluhom il-bersall għal trattament diskriminatorju jew vjolenti, kriminalizzjazzoni u żgumbramenti, jew liġijiet li jirregolaw il-kampijiet tar-Rom u l-iżgumbramenti fi Franza, l-Irlanda u r-Renju Unit; jistieden lill-Istati Membri jibdlu dawn il-liġijiet u dawn il-politiki;

28. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-politiki tal-akkomodazzjoni li jolqtu lir-Rom għandhom ikunu implimentati esklussivament abbażi ta' konsultazzjoni wiesgħa li ssir minn qabel u abbażi ta' involviment mill-komunitajiet Rom milquta minnhom; Il-kofinanzjament Komunitarju għal dawn il-miżuri fil-qasam tal-politika tal-akkomodazzjoni għandu jkun strettament subordinat għas-sodisfazzjon ta' dawn il-kriterji u għall-għoti ta' kumpens adegwat, u għandu jkollu l-għan li jipprovdi akkomodazzjoni adegwata u bi prezz raġonevoli kif ukoll pjanijiet ta' żvilupp residenzjali, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għas-saħħa, għall-impjiegi u l-istrutturi rikreattivi;

29. Jinsisti li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li kwalunkwe miżura li tħalli impatt dirett jew indirett fuq iċ-ċittadini Rom tal-UE tkun koerenti mal-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali li tipprojbixxi b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni diretta u indiretta;

30. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ma jwettqu l-ebda rimpatriju furzat ta' Rom li jkunu ġejjin minn pajjiżi jew reġjuni fejn jistgħu jkunu persegwitati jew diskriminati, pereżempju l-Kosovo; lir-rifuġjati Rom tal-Kosovo għandu jingħatawlhom garanziji jekk jaqblu li jerġħu lura f'pajjiżhom volontarjament; għandhom jingħataw ukoll l-opportunità li jibqgħu fil-pajjiż li jkun qed jospitahom, jekk ikunu jixtiequ, u għandhom jingħataw mezzi biex jintegraw ruħhom fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti;

31. Jenfasizza li madwar 500 000 Rom inqatlu matul l-okkupazzjoni Nazista tal-Ewropa fit-Tieni Gwerra Dinjija u ħafna oħrajn sfaw vittmi ta' atroċitajiet u deportazzjoni lejn kampijiet ta' konċentrament; jissuġġerixxi li l-istrateġija tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom għandha tippromwovi wkoll inizjattivi biex tinżamm ħajja l-memorja ta' dawn ir-reati kontra l-umanità fi spirtu ta' antifaxxiżmu, u biex jingħata appoġġ lil dawk ir-Rom li baqgħu ħajjin, li ħafna minnhom ingħataw kumpens ċkejken u umiljanti għal dawk ir-reati;

32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.