Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0345/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0345/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta' Gaża

14.6.2010

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Annemie Neyts-Uyttebroeck
f'isem il-Grupp ALDE <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0345/2010

Proċedura : 2010/2735(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0345/2010
Testi mressqa :
B7-0345/2010
Testi adottati :

B7‑0345/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni militari Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja u l-imblokk ta' Gaża

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Gaża, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża u tat-18 ta' Frar 2009 dwar l-għajnuna umanitarja lejn il-Medda ta' Gaża,

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet preċedenti dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, b’mod partikulari dawk tad-19 ta’ Marzu 2010 li jaffermaw mill-ġdid il-prinċipji fundamentali stipulati fi Trieste fis-26 ta’ Ġunju 2009, u dawk tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar it-tiġdid tat-taħditiet ta' tqarrib bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1860 tat-8 ta' Jannar 2009 (S/RES/1860(2009)) u Nru 1850 tas-16 ta' Diċembru 2008 (S/RES/1850 (2008)),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-31 ta’ Mejju 2010 mir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni Catherine Ashton f’isem l-UE dwar l-operazzjoni militarji Iżraeljana kontra l-flottilla umanitarja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar is-Sigurtà (S/9940) tal-31 ta' Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-UNHRC dwar l-Attakki Gravi mill-Forzi Iżraeljani kontra l-konvoj umanitarju ta' bastimenti tat-2 ta' Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-WHO fit-18 ta' Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Programm Dinji tal-Ikel tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO), ippubblikat f'Novembru 2009 dwar is-sitwazzjoni f'Gaża,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-operazzjoni militari ta' Iżrael, fl-ibħra internazzjonali, fil-31 ta' Mejju 2010 kontra flottilla ta' għajnuna umanitarja fi triqtha lejn Gaża wasslet għall-mewt ta' disa' persuni ċivili u l-feriment ta' 38 persuna ċivili u seba' suldati Iżraeljani, u tiżdied ma' oħrajn fil-lista twila ta' traġedji f'dawn l-aħħar 62 sena,

B.  billi l-Ħamas qegħdin ikomplu jimpedixxu d-dħul tal-għajnuna umanitarja tal-flottilla f'Gaża,

C. billi l-postijiet ta' qsim tal-fruntiera lejn u 'l barra minn Gaża ngħalqu minn Ġunju 2007 u l-embargo fuq il-moviment ta' persuni u merkanzija żied il-faqar, ipparalizza r-rikostruzzjoni u qered l-ekonomija fil-Medda, u nħoloq suq iswed rampanti kkontrollat mill-Ħamas, fost l-oħrajn; billi dan l-imblokk ma laħaqx l-għan tiegħu li jdgħajjef l-estremisti iżda, aktar minn hekk, wassal biex tiżdied ir-radikalizzazzjoni,

D. billi l-embargo fuq il-Medda ta' Gaża jirrappreżenta kastig kollettiv li jikser il-liġi umanitarja internazzjonali,

E.  billi 80% tal-popolazzjoni ta' Gaża tiddependi mill-għajnuna tal-ikel, aktar minn 60% huma milquta min-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, il-qgħad hu ta' madwar 50% u l-kundizzjonijiet sanitarji u ambjentali marru sew għall-agħar,

F.  billi 3,600 tagħbija ta' trakk ta' għajnuna tal-ikel daħlu f'Gaża fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena, meta jitqabblu ma' 36,000 fl-ewwel tliet xhur tal-2007 u billi 81prodott biss huma permessi f'Gaża filwaqt li l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u x-Xogħlijiet għar-Refuġjati Palestinjani fil-Lvant Qarib (UNRWA) tikkalkula li n-numru minimu ta' prodotti meħtieġa biex jissodisfaw il-bżonnijiet umanitarji bażiċi hu ta' 6,000,

G. billi t-Territorji Palestinjani huma t-tielet l-akbar fost il-pajjiżi terzi li jirċievu fondi tal-UE u dan l-appoġġ kellu sehem importanti biex itaffi d-diżastru umanitarju fil-Medda ta' Gaża; billi l-UE qiegħda tkompli tipprovdi l-għajnuna umanitarja essenzjali fil-Medda ta' Gaża, fosthom permezz tal-UNRWA,

H. billi s-soluzzjoni ta' żewġ stati tibqa' l-bażi essenzjali għall-paċi dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u għalhekk kull azzjoni unilaterali li tista' timmina din il-perspettiva għandha tiġi evitata; billi t-taħditiet ta' tqarrib li għadhom għaddejjin jistgħu jwasslu għat-tkomplija ta' negozjati ta' paċi diretti bil-ħsieb li jiġi stabbilit Stat Palestinjan li jgħix fil-paċi u s-sigurtà mal-Istat ta' Iżrael bħala ġirien,

I.   billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU titlob li jieqaf minnufih il-kuntrabandu ta' armi u munizzjon f'Gaża,

J.   billi għadhom qegħdin jintefgħu rokits lejn in-Nofsinhar ta' Iżrael mit-territorju kkontrollat mill-Ħamas,

1.  Jikkundanna l-użu ta' vjolenza sproporzjonata kontra persuni ċivili;

2.  Iwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi u l-familji tagħhom;

3.  Jappoġġa l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem li talbu inkjesta internazzjonali u indipendenti immedjata dwar dan l-attakk u dwar il-ksur tal-liġi internazzjonali, speċjalment ir-raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, u jinsisti li għandhom jinżammu l-prinċipji ta' kontabilità u responsabbiltà u jħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President u l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżguraw li jittieħdu l-passi kollha xierqa biex din id-domanda tkun effettiva;

4.  F'dan ir-rigward, hu mħasseb sew bl-oġġezzjoni tal-Gvern Iżraeljan li ssir inkjesta internazzjonali;

5.  Jitlob li jitneħħa l-imblokk tal-Medda ta' Gaża;

6.  Jappoġġa t-talba ta' Iżrael li għandu jiġi pprojbit il-kuntrabandu tal-armi f'Gaża;

jistieden lill-Awtorità Palestinjana kif ukoll lill-mexxejja Palestinjani jagħmlu l-aħjar tagħhom biex iwaqqfu l-bosta attakki bl-użu ta' missili Qassam sparati kif ġie ġie mill-Medda ta' Gaża lejn territorju Iżraeljan; jirrikonoxxi d-dritt ta' Iżrael li jeżisti fi ħdan fruntieri internazzjonali siguri;

 

7.  Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President u l-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw il-ftuħ sostenibbli tal-postijiet kollha ta' qsim lejn u minn Gaża, bil-monitoraġġ internazzjonali adegwat tal-utenti finali, li jippermetti l-fluss mingħajr xkiel ta' prodotti umanitarji u kummerċjali meħtieġa għar-rikostruzzjoni u għal ekonomija li ssostni lilha nnifisha, kif ukoll il-fluss tal-valuta u l-moviment ħieles tal-persuni;

8.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President u l-Istati Membri jirrevedu l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntieri tal-Unjoni Ewropea, potenzjalment b'dimensjoni marittima, skont il-kuntest politiku attwali u l-kundizzjonijiet ta' sigurtà disponibbli;

9.  Jinsisti li, filwaqt li l-għajnuna umanitarja għandha tibqa' tingħata mingħajr kundizzjonijiet, l-UE għandu jkollha rwol politiku li jagħti riżultati tanġibbli li jkunu konsistenti mal-assistenza finanzjarja sinifikanti tagħha u mal-piż ekonomiku fir-reġjun;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li terġa' tiġi vvalutata u riveduta l-istrateġija tal-Lvant Nofsani tal-UE fid-dawl tal-iżviluppi riċenti biex isir sforz għal rwol politiku deċiżiv u koerenti, akkumpanjat minn għodod diplomatiċi effikaċi, favur il-paċi u s-sigurtà f'dan ir-reġjun viċin ta' interess strateġiku vitali għall-UE; din ir-reviżjoni għandha tinvolvi l-politiki kollha tal-UE (il-politika tal-kummerċ, il-politika tal-iżvilupp ...) u għandha tiġi implimentata biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE;

11. Jitlob li jkompli d-djalogu politiku intern bejn il-Palestinjani fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni;

12. Jistieden lill-Partiti Palestinjani jadottaw il-kriterji tal-Kwartett: iċ-ċaħda tal-vjolenza; ir-rikonoxximent tad-dritt ta' Iżrael li jeżisti u l-impenn għall-ftehimiet kollha ffirmati mill-PLO u Iżrael;

13. Fid-dawl tal-gravità tal-avvenimenti reċenti u l-ħtieġa urġenti biex isir progress għal soluzzjoni tal-kunflitt, jistieden lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President imexxu Azzjoni konġunta tal-UE fl-ogħla livell li tinvolvi kemm l-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll is-27 Stat Membru;

14. Jinnota li filwaqt li jilqa' l-ftuħ proviżorju reċenti tal-post ta' qsim tal-fruntiera f'Rafah mill-awtoritajiet Eġizzjani, għandu jiġi stabbilit b'mod urġenti status permanenti; f'dan ir-rigward, jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jimpenjaw ruħhom biex iżommu l-fruntiera miftuħa u biex jitwaqqaf ftehim għal dan mal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntieri tal-UE bbażat f'Rafah;

15. Jinnota li l-avvenimenti reċenti għamlu ħsara konsiderevoli lir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u Iżrael; jinkoraġġixxi l-Gvern Tork jirreaġixxi b'moderazzjoni u jiffoka l-isforzi diplomatiċi u politiċi tiegħu biex itaffi l-qagħda tal-poplu Palestinjan u jagħti kontribut għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani;

16. Ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-UNRWA u, konxju mid-defiċit finanzjarju li se tiffaċċja sa tmiem din is-sena, jistieden lill-komunità ta' donaturi internazzjonali tonora l-wegħdiet eżistenti tagħha u żżid il-kontribuzzjonijiet tagħha; barra minn hekk, u fid-dawl tar-rwol umanitarju kritiku li għandha l-UNRWA, speċjalment fl-edukazzjoni biex tiffaċċja l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta' studenti, itenni s-sejħa għat-tmiem tal-assedju biex l-UNRWA tkompli bix-xogħol ta' bini u manutenzjoni indispensabbli;

17. Huwa tal-fehma li kull kunsiderazzjoni possibbli dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u Iżrael għandhom jimxu id f'id mat-tneħħija tal-imblokk ta' Gaża, u mal-osservanza sħiħa tal-obbligi internazzjonali umanitarji u tad-drittijiet umani;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.