Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0410/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0410/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja u azzjonijiet futuri

1.7.2010

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0000/2010
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Sharon Bowles f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji


Proċedura : 2010/2749(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0410/2010

B7‑0410/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja u azzjonijiet futuri

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 122 u 143 tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-termini ta’ referenza tal-Grupp tal-Euro tas‑7 ta’ Ġunju 2010 dwar Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2010 tas‑16-il-Stat Membru taż-żona tal-euro,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Mejju 2010 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (KUMM(2010) 250 finali),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2010 tal‑11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja,

–   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 332/2002 tat‑18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas‑7 ta’ Mejju 2010 tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern taż-żona euro,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tad‑9 u l‑10 ta’ Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal‑25 ta’ Marzu 2010 li għamlu l-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern taż-żona euro,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal‑25 u s‑26 ta’ Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Istati Membri taż-żona euro tal‑11 ta’ April 2010 dwar l-appoġġ għall-Greċja mill-Istati Membri taż-żona euro,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija tal‑24 ta’ Ġunju 2010 lill-Kummissjoni dwar il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja Ewropea u azzjonijiet futuri (O-0095/2010 – B7‑0000/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-awturi tat-Trattat ta’ Maastricht ma pprevedewx il-possibilità ta’ kriżi ta’ dejn sovran fiż-żona euro,

B.  billi l-firxa ta’ dejn sovran min-naħa tal-Istati Membri taż-żona euro twessgħat aktar malajr matul il-ħarifa tal‑2009,

C. billi s-sitwazzjoni fir-rigward tas-suq tad-dejn sovran għal ċerti Stati Membri marret għall-agħar b’mod konsiderevoli matul ir-rebbiegħa tal‑2010 u laħqet stadju kritiku f'Mejju 2010,

D. billi kien hemm żviluppi fis-swieq tad-dejn sovran li jeħtieġ li jinftiehmu aħjar,

E.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 407/2010 tal‑11 ta’ Mejju 2010 għandha, skont l-Artikolu 2.2 tar-regolament, tkun limitata għall-marġni disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji għall-approprazzjonijiet għall-ħlasijiet; billi l‑Artikolu 3.5 jipprovdi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri benefiċjarji għandhom jikkonkludu memorandum ta’ fehim, li jiddettalja l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika marbuta mal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, li l-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament u lill-Kunsill,

F.  billi, fis‑7 ta’ Ġunju 2010, l-Istati Membri taż-żona euro – b’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji – stabbilixxew il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) bħala kumpanija b'responabilità limitata (société anonyme) skont il-liġi Lussemburgiża, fejn l-Istati Membri taż-żona euro pprovdew garanziji ta’ ħruġ tal-EFSF sa massimu ta’ EUR 440 biljun fuq bażi pro rata,

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjonijiet reċenti meħuda fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali biex tiġi ssalvagwardjata l-istabilità tal-euro; jiddispjaċih li dawk li jfasslu l-politika Ewropea ma ħadux azzjoni fi żmien aktar bikri, minkejja li l-kriżi finanzjarja kompliet sejra għall-agħar b’mod kostanti;

2.  Jenfasizza, minkejja dan, li dawn l-azzjonijiet huma biss ta’ natura temporanja u li għandu jsir progress reali fir-rigward tal-politiki fiskali u strutturali fl-Istati Membri individwali, u sabiex jiġi stabbilit qafas ġdid u iktar b’saħħtu għall-governanza ekonomika, immirat biex jevita okkorrenzi futuri ta’ kriżijiet simili, kif ukoll biex iżid il-potenzjal ta’ tkabbir u l-bilanċament mill-ġdid makroekonomiku fl-UE;

3.  Iqis li l-kriżi attwali ma tistax tissova fuq terminu ta’ żmien fit-tul billi jintefa’ dejn ġdid f’pajjiżi li diġà għandhom ħafna dejn;

4.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri kollha tal-UE, b’mod partikulari dawk li huma parti mill-unjoni ekonomika u monetraja (UEM), għandhom, fl-iżvilupp tal-politiki ekonomiċi tagħhom, iqisu kemm l-effetti ta’ dawk il-poitiki b’mod domestiku kif ukoll l-implikazzjonijiet tagħhom għall-Unjoni, b’mod partikulari għall-Istati Membri tal-UEM. Iqis li l-politiki ekonomiċ huma kwistjoni ta’ tħassib komuni u għandhom jiġu kkoordinati fi ħdan il-Kunsill skont il-proċeduri li hemm fit-Trattat;

5.  Jemmen li, minkejja r-Regolament tal-Kunsill Nru 407/2010 tal‑11 ta’ Mejju 2010 u r-Regolament tal-Kunsill Nru 332/2002 tat‑18 ta’ Mejju 2002, ir-regoli li jirregolaw l-vetturi bi skop speċjali (SPV) għandhom jipprovdu għall-possibilità li pajjiżi li ma jkunux fiż-żona euro jagħżlu li jipparteċipaw fil-faċilità tal-SPV;

6.  Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni KUMM(2010) 250 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika bħala kontribuzzjoni importanti għal koordinazzjoni aktar b’saħħitha tal-politika ekonomika fl-UE; iqis li l-proposti leġiżlattivi dwar sorveljanza ekonomika ikbar għandhom jinkludu leġiżlazzjoni sekondarja ġdida abbażi tal‑Artikolu 121(6) tat-Trattat; iqis li l-qafas ta’ sorveljanza futur għandu jkollu l-għan li jikseb finanzi pubbliċi u tkabbir ekonomiku sostenibbli, kompetittività, koeżjoni soċjali u tnaqqis fl-iżbilanċi kummerċjali;

7.  Iqis li, meta jitwaqqfu proċeduri u strumenti ġodda tal-UE, jeħtieġ li jitqiesu r-rwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet Ewropej, inklużi r-rwol leġiżlattiv u baġitarju tal-Parlament u r-rwol indipendenti tal-BĊE fit-tehid ta’ deċiżjonijiet rigward il-politika monetarja;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi valutazzjoni tal-impatt tal-Mekkaniżmu ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja Ewropea, b’mod partikulari fuq il-baġit tal-UE u ta’ strumenti finanzjarji oħrajn u self tal-BEI;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi valutazzjoni tal-impatt tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, b’mod partikulari fuq il-funzjonament tas-swieq tal-bonds euro u l-firxiet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta, barra minn hekk, il-prattiċità u r-responsabilità tal-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għal din il-vettura bi skop speċjali (SPV), bl-għan ta’ soluzzjoni aktar fit-tul;

10. Jitlob aktar dettalji dwar kif se taħdem il-koordinazzjoni bejn l-EFSF u l-FMI, inkluż jekk l-allokazzjoni bejn il-fondi hijiex se tiġi determinata fuq bażi parallela fejn jinżamm il-proporzjon ta’ 2:1; jekk ir-rata ta’ interess se tkunx bi kwalunkwe mod ikkoordinata mar-rata tal-FMI, bil-preżunzjoni li r-rata tal-FMI se tiġi ffissata skont il-prattika normali; x’se tkun ir-rata ta’ interess prevista, indipendentement mill-bunds Ġermaniżi, u jekk x’aktarx tkun madwar 1%; jistaqsi jekk is-self tal-FMI u tal-EFSF hux se jitqiegħdu fl-istess livell, minħabba li dan awtomatikament jagħti lill-EFSF il-privileġġ ta' noninklużjoni fi kwalunkwe ristrutturar tal-obbligi ta' min jissellef - minħabba li nkella l-EFSF fil-verità jkun espost għar-riskju tal-ewwel telf;

11. Jitaqsi jekk hemmx xi miżuri previsti biex jiġi żgurat trattament ugwali; jinnota, pereżempju, f’dan ir-rigward li r-rata ta' interess għall-EFSF tidher differenti mill-pakkett miftiehem għall-Greċja minħabba li dawk li jissellfu mill-EFSF se jħallsu l-prezz nett komprensiv lill-SPV biex jiksbu l-fondi; jistaqsi, barra minn hekk, kif tista’ tiġi żgurata l-ġustizzja għall-dawk li m’humiex membri tal-UEM jekk l-EFSF topera biss wara li tkun intużat il-faċilità ta’ EUR 60 biljun;

12. Josserva li d-dejn sovran fiż-żona euro mhux neċessarjament għandu riskji ta’ kreditu nominali żero kif tassumi d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital u li l-iżviluppi attwali żiedu r-rikju ta’ kreditu tad-dejn b’terminu fit-tul maħruġ mill-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku għandhom jindirizzaw din il-problema;

13. Jinnota li d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital ma tipprevedi l-ebda riskju fuq il-bonds sovrani;

14. Jitlob lill-BĊE biex jagħti spjegazzjoni dettaljata tad-deċiżjonijiet reċenti tiegħu li jixtri bonds tal-gvern fuq is-suq sekondarju, u jqis li l-BĊE għandu jipprepara strateġija ta’ ħruġ b’kalendarju ċar biex itemm din il-prattika;

15. Jemmen li soluzzjoni fuq terminu ta’ żmien fit-tul tirrikjedi li jiġu indirizzati l-iżbilanċi interni u d-dejn mhux sostenibbli, jiġifieri l-għeruq strutturali tal-kriżi attwali; iqis li tali viżjoni fit-tul tinvolvi l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi fiż-żona euro u fl-UE, u għaldaqstant l-indirizzar tad-differenzi sostanzjali tal-kompetittività bejn l-Istati Membri;

16. Huwa tal-fehma li qafas tal-UE aktar b’saħħtu għall-governanza ekonomika għandu jinkludi mekkaniżmu permanenti tal-UE għar-riżoluzzjoni ta' kriżijiet ta’ dejn sovran, bħal Fond Monetarju Ewropew, approċċ ikkoordinat għall-bilanċ mill-ġdid makroekonomiku, u sinerġiji akbar bejn il-baġit tal-UE u l-baġits tal-Istati Membri, biex b’hekk tiġi kkomplementata l-konsolidazzjoni fiskali sostenibbli;

17. Jieħu nota li, minkejja l-impatt potenzjalment sinifikanti ta’ dan il-mekkaniżmu fuq il-baġit tal-UE, il-Parlament ma ngħata l-ebda rwol fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, minħabba li l-faċilità ġiet stabbilità permezz ta’ regolament tal-Kunsill skont l‑Artikolu 122(2) TFUE; iqis neċessarju li jiġi żgurat li l-Parlament, bħala awtorità baġitarja, jkun involut fi kwistjoni li jkollha konsegwenzi baġitarji potenzjalment b’firxa wiesgħa bħal dawn;

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju ta’ fattibilità indipendenti sal-aħħar tal‑2010 dwar il-kwistjoni ta’ strumenti finanzjarja innovattivi, bħalma hu l-ħruġ konġunt ta’ Eurobonds bħala mezz biex jitnaqqsu l-firxiet u tiżdied il-likwidità fis-swieq tad-dejn dominati

19. Josserva li l-ħruġ ta’ Eurobonds għal infrastruttura relevanti għall-UE jista’ jkun konsistenti mal-ħarsien tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

20. Jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza firxa ta’ possibilitajiet għal sistema fit-tul biex jiġu evitati u solvuti problemi potenzjali ta' dejn sovran b'mod effikaċi u sostenibbli, filwaqt li jittieħed il-benefiċċju sħiħ tal-munità unika; iqis li din l-analiżi għandha tqis il-fatt li r-riskju ta’ kreditu tal-bonds tal-gvern jaf ivarja bejn l-Istati Membri u jaf ikun jeħtieġ li jiġi rifless aħjar fil-proporzjon tal-kapital tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Eurogroup u lill-BĊE.