Proċedura : 2010/2775(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0485/2010

Testi mressqa :

B7-0485/2010

Dibattiti :

PV 08/09/2010 - 13
CRE 08/09/2010 - 13

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2010 - 5.4

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 135kWORD 81k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0484/2010
1.9.2010
PE446.565v01-00
 
B7-0485/2010

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0452/2010

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan


Paolo De Castro, Véronique De Keyser, Jo Leinen, Adrian Severin, Proinsias De Rossa, Saïd El Khadraoui, Olga Sehnalová, Thijs Berman, Richard Howitt, Maria Eleni Koppa, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan  
B7‑0485/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' Paċi bejn l-Istat tal-Iżrael u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan tal-1994,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ad interim Iżraelo-Palestinjan dwar il-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża tal-1995 (Ftehim 'Oslo II') u b'mod partikolari l-Artikoli 12 u 40 tal-Anness III tiegħu;

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 387 tas-Senat tal-Istati Uniti li tesprimi s-sens tas-Senat dwar id-degrad tax-Xmara Ġordan u tal-Baħar Mejjet u li tilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni bejn il-popli tal-Iżrael, tal-Ġordan u l-Awtorità Palestinjana tas-16 ta' Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Pariġi għall-Mediterran, li saret fit-13 ta' Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni dwar is-Sitwazzjoni fil-Wied tal-Ġordan tal-Kumitat Ad Hoc dwar l-Enerġija, l-Ambjent u l-Ilma tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja tal-14 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi x-Xmara Ġordan, u partikolarment in-naħa ta' isfel tagħha, tirrappreżenta pajsaġġ kulturali ta' sinifikat universali b'importanza storika, simbolika, reliġjuża, ambjentali, agrikola u ekonomika kbira kemm għal-Lvant Nofsani kif ukoll lil hinn,

B.  billi l-ġestjoni ħażina ssarrfet fi tniġġis gravi tax-Xmara Ġordan; billi hu stmat li 98% tal-1.3 biljun metru kubu tal-fluss annwali tal-ilma ħelu naturali tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan ġie devjat biex jissodisfa d-domanda domestika u agrikola għall-ilma; billi dak kollu li bħalissa fadal għaddej fin-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan huwa drenaġġ mhux ittrattat, likwidu superfluwu mill-vaski tal-ħut, ilma salmastru u likwidu superfluwu mill-agrikoltura,

C. billi n-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan irreġistrat telf ta' 50% mill-bijodiversità minħabba d-devjazzjoni tar-riżorsi tal-ilma ħelu u r-rimi ta' skart likwidu mniġġes fil-fluss tiegħu,

D. billi, fi tmiem l-2011, huwa ppjanat li jibdew joperaw ċentri ġodda għat-trattament tal-ilma mormi li l-għan tagħhom huwa li jneħħu l-iskart likwidu mniġġes li attwalment qiegħed inixxi fin-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan; billi, jekk ma jkunux allokati riżorsi ta' ilma ħelu lin-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan biex jikkoinċidu mal-operazzjoni ta' dawn iċ-ċentri, huwa probabbli li sa tmiem l-2011 jinxfu meded twal tax-xmara,

E.  billi kull sena jinħtieġ minimu ta' 400-600 miljun metru kubu ta' ilma għar-riabilitazzjoni tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan;

F.  billi l-Baħar Mejjet għandu ekosistema unika fid-dinja; billi x-Xmara Ġordan hija l-akbar xmara tributarja tal-Baħar Mejjet u t-tnaqqis drammatiku tal-fluss tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan kien il-kawża primarja tal-waqgħa kontinwa tal-livell tal-ilma tal-Baħar Mejjet u tnaqqis ta' terz tas-superfiċje tal-Baħar Mejjet f'inqas minn 50 sena,

G. billi l-Kunċett ta' Trasferiment tal-Ilma mill-Baħar l-Aħmar għall-Baħar Mejjet jipproponi li jinbena kanal li jgħaqqad il-Baħar Mejjet mal-Baħar l-Aħmar, jagħti kontribut għar-riabilitazzjoni tal-Baħar Mejjet u jipprovdi elettriku u ilma tax-xorb lill-Iżraeljani, lill-Ġordaniżi u lill-Palestinjani; billi dan il-proġett jaf ikollu konsegwenzi serji għall-karatteristiċi naturali uniċi tal-inħawi; billi l-Bank Dinji qiegħed jaħdem fuq studju tal-fattibilità, kif ukoll fuq valutazzjoni ambjentali u soċjali f'dan ir-rigward,

H. billi, fit-Trattat ta' Paċi bejn l-Istat tal-Iżrael u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, iż-żewġ partijiet jagħtu importanza kbira lill-iżvilupp integrat taż-żona tal-wied tettoniku tal-Ġordan u qablu li jikkooperaw mat-tul il-fruntieri komuni favur riabilitazzjoni ekoloġika tax-xmara tal-Ġordan, kif ukoll protezzjoni ambjentali tar-riżorsi tal-ilma kemm tax-xmara kif ukoll tal-Baħar Mejjet,

I.   billi l-isforzi biex isalvaw in-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan ħolqu kooperazzjoni bejn il-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jaqsmu flimkien l-istess sfidi relatati mal-ilma; billi l-kooperazzjoni attiva bejn il-gvernijiet, il-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi u t-territorji kkonċernati tista' tagħti kontribut kbir għall-isforzi maħsuba għall-bini tal-paċi fir-reġjun,

J.   billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent qiegħda tħabbat wiċċha ma' skarsezzi gravi ta' ilma; billi riżorsi suffiċjenti tal-ilma jikkostitwixxu waħda mill-prekundizzjonijiet ewlenin għal stat Palestinjan vijabbli tal-futur, kif ukoll aspett importanti tas-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael,

K. billi l-finanzjament tal-UE qiegħed jikkontribwixxi għat-tentattivi biex jittaffew l-isfidi ambjentali preżenti fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan,

1.  Jiġbed l-attenzjoni għad-degrad tax-Xmara Ġordan u partikolarment in-naħa ta' isfel tagħha u jesprimi t-tħassib tiegħu f'dan ir-rigward ukoll,

2.  Jistieden lill-pajjiżi li jinsabu fuq ix-xatt tax-xmara biex jirriabilitaw ix-Xmara Ġordan billi jelaboraw u jimplimentaw politiki li jiffokalizzaw fuq riżultati konkreti fil-ġestjoni tad-domanda domestika u agrikola għall-ilma, fil-konservazzjoni tal-ilma u fil-ġestjoni tad-drenaġġ u tal-iskart likwidu agrikolu u industrijali, kif ukoll biex jiggarantixxu kwalità adegwata ta' flussi tal-ilma ħelu fin-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan;

3.  Jistieden lill-Gvernijiet tal-Iżrael u tal-Ġordan kif ukoll lill-Awtorità Palestinjana biex jaħdmu fi spirtu ta' kooperazzjoni bil-għan li jsalvaw in-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan u jħeġġiġhom jistabbilixxu, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, Kummissjoni għall-Baċir tax-Xmara Ġordan, li jkun forum trilaterali ta' kooperazzjoni miftuħ għall-pajjiżi l-oħra li jinsabu fuq ix-xatt tax-xmara;

4.  Jistieden lill-Iżrael u lill-Ġordan jonoraw bis-sħiħ l-impenji li daħlu għalihom fil-ftehim ta' paċi tagħhom dwar ir-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, kif ukoll il-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tax-xmara u tal-Baħar Mejjet;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ministeru Iżraeljan tal-Ambjent biex jelabora pjan direttur għall-iżvilupp tal-pajsaġġ fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan; iħeġġeġ lill-Gvern Ġordaniż u lill-Awtorità Palestinjana biex jieħdu inizjattivi analogi bil-għan li jadottaw pjanijiet direttur għar-riabilitazzjoni tat-taqsimiet tax-xmara li jnixxu fit-territorji rispettivi tagħhom; josserva li dawn il-pjanijiet direttur jafu jsiru bażi għal pjan reġjonali ġenerali għar-riabilitazzjoni u l-ħarsien tal-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan;

6.  Ifakkar li l-Kunċett ta' Trasferiment tal-Ilma mill-Baħar l-Aħmar għall-Baħar Mejjet ma jittrattax id-degrad tax-Xmara Ġordan;

7.  Josserva li kwalunkwe soluzzjoni sostenibbli għar-riabilitazzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent naturali uniku tal-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan għandha tkun ibbażata fuq approċċ ta' żvilupp integrat li jinkludi proġetti ekonomiċi, ambjentali, enerġetiċi u relatati mat-turiżmu;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-applikazzjoni ta' għadd dejjem ikbar ta' metodi u teknoloġiji ta' ġestjoni avvanzata tal-ilma fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan, speċjalment fl-Iżrael, u jħeġġeġ it-trasferiment ta' dawn il-metodi u t-teknoloġiji lejn il-pajjiżi kollha tar-reġjun; jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, biex tintensifika l-isforzi mmirati biex jagħtu aktar sostenn finanzjarju u tekniku lill-proġetti f'dan il-qasam;

9.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex jagħtu iktar enfasi lis-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan fir-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħhom mal-pajjiżi li jinsabu max-xatt tax-xmara u biex ikomplu jagħtu sostenn finanzjarju u tekniku għar-riabilitazzjoni tax-xmara, u partikolarment tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan, fl-ambitu wkoll tal-inizjattiva tal-Unjoni għall-Mediterran;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazjoni bejn il-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jaqsmu flimkien l-istess sfidi relatati mal-ilma fl-inħawi tan-naħa ta' isfel tax-Xmara Ġordan u jisħaq għal darb'oħra fuq l-importanza tal-bini tal-fiduċja fit-tiftix ta' paċi ekwa u dejjiema fil-Lvant Nofsani; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol attiv tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-isforzi mmirati biex isalvaw ix-Xmara Ġordan u jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, biex tkompli tagħti appoġġ lill-attivitajiet tagħhom;

11. Jerġa' jenfasizza li l-kwistjoni tal-ġestjoni tal-ilma, u speċjalment distribuzzjoni ġusta tal-ilma li tirrispetta b'mod indaqs il-bżonn tal-popli kollha li jgħixu fir-reġjun, hija ta' importanza enormi għal paċi u stabilità dejjiema fil-Lvant Nofsani u jenfasizza l-bżonn ta' strateġija globali għall-isfidi ewlenin fil-qasam tal-ilma fir-reġjun;

12. Iħeġġeġ lill-Iżrael biex jiggarantixxi żieda fl-aċċess għar-riżorsi tal-ilma għall-Palestinjani li jgħixu fix-Xatt tal-Punent, kif ukoll jiffaċilita l-użu ta' metodi u teknoloġiji ta' ġestjoni tal-ilma, fosthom it-trattament tal-ilma mormi, fl-inħawi;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern Iżraeljan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ġordan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Libanu, lill-President u lill-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Parlament u lill-Gvern tas-Sirja.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Settembru 2010Avviż legali