Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0502/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0502/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa

6.9.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Niki Tzavela, Jaroslav Paška, Paul Nuttall, Fiorello Provera, Nikolaos Salavrakos, Mario Borghezio, Oreste Rossi, Mara Bizzotto f'isem il-Grupp EDF

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0502/2010
Testi mressqa :
B7-0502/2010
Testi adottati :

B7‑0502/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 20(1) u (2) u l-Artikolu 21(1) TFUE,

–   wara li kkunsidra t-Trattati tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi f'xi Stati Membri, partikolarment fi Franza, japplika arranġament tranżizzjonali rigward id-dritt għall-moviment ħieles tal-ħaddiema abbażi tat-Trattati tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, skont liema arranġament iċ-ċittadini Bulgari u Rumeni kollha huma suġġetti għar-restrizzjoni ta' dan id-dritt sa mhux aktar mill-31 ta' Diċembru 2013,

B.  billi l-aspetti legali ta' din il-kwistjoni huma ta' importanza primarja u m'għandhomx jinsebqu b'kunsiderazzjonijiet politiċi iżda għandhom jiġu ttrattati mill-qrati kompetenti,

C. billi storikament u sal-lum ma nstabitx soluzzjoni konvinċenti għall-kwistjoni tal-integrazzjoni tar-Roma,

1.  Iqis li huwa d-dmir sovran ta' Stat li jiddetermina l-kundizzjonijiet għad-dħul, l-insedjament u l-impjieg fit-territorju tiegħu b'rispett xieraq għall-prinċipju tad-dinjità tal-bniedem, u jfakkar li d-dritt tar-residenza m'għandux isir piż esaġerat għas-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti,

2.  Iwissi kontra kull sfruttament politiku ta' din il-kwistjoni sensittiva ħafna u legalment kumplessa;

3.  Minflok, jirrakkomanda li r-raġunijiet li għalihom ċerti popolazzjonijiet jemigraw għandhom jiġu ttrattati direttament, u jħeġġeġ lir-Rumanija u lill-Bulgarija jimplimentaw l-integrazzjoni effettiva tar-Roma;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.