Proċedura : 2010/2856(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0519/2010

Testi mressqa :

B7-0519/2010

Dibattiti :

PV 21/09/2010 - 14
CRE 21/09/2010 - 14

Votazzjonijiet :

PV 22/09/2010 - 5.14

Testi adottati :

P7_TA(2010)0341

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kDOC 80k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0518/2010
15.9.2010
PE446.609v01-00
 
B7-0519/2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u ta' żoni li fihom ma tantx jgħixu nies


Marita Ulvskog, Saïd El Khadraoui, Kriton Arsenis, Teresa Riera Madurell, Maria Badia i Cutchet f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u ta' żoni li fihom ma tantx jgħixu nies  
B7‑0519/2010

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Titlu XII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 174 tiegħu,

 

 wara li kkunsidra r-regolamenti li jirregolaw il-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-2013,

 

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni(1),

 

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Brussell fl-14 sal-15 ta’ Diċembru 2006,

 

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Settembru 2003 dwar ir-reġjuni strutturalment żvantaġġjati (gżejjer, reġjuni muntanjużi, reġjuni li ma tantx fihom nies) fil-kuntest tal-politika dwar il-koeżjoni, u l-prospetti istituzzjonali tagħhom,

 

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta' Marzu 2002 dwar il-problemi tar-reġjuni gżejjer fl-Unjoni Ewropea fil-kuntest tat-tkabbir(2),

 

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta’ Lulju 2005 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-assistenza Statali reġjonali,

 

 wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0000/2006),

 

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 ntitolata "Il-gżejjer u r-restrizzjonijiet naturali u ekonomiċi fil-kuntest tal-politika reġjonali" ,

 

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2008 dwar il-Ktieb l-Aħdar dwar il-Koeżjoni Territorjali – Nibdlu d-diversità territorjali f'vantaġġi,

 

 wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2008 dwar ir-Reġjuni 2020: Valutazzjoni tal-Isfidi Futuri tar-Reġjuni tal-UE,

 

 wara li kkunsidra r-Rapport Barca - Aġenda għal Koeżjoni Riformata ta’ April 2009,

 

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2009 dwar is-Sitt Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali,

 

–     wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-14 ta’ April 2010 dwar ir-Rapporti Strateġiċi tal-2010 mill-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Progammi tal-Politika ta’ Koeżjoni,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 

A.  billi huwa mħasseb dwar ir-reġjuni li huma gżejjer u li jbati minn akkumulu ta’ żvantaġġi u saħaq dwar il-ħtieġa li tingħatalhom għajnuna ħalli jissuperaw dan ix-xkiel u jisfruttaw il-potenzjali tagħhom li jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali tal-UE,

 

B.  billi l-prinċipju tal-koeżjoni territorjali kien ikkonsolidat fir-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali 2007-2013 u huwa wieħed mill-objettivi ewlenin il-ġodda tal-Unjoni Ewropea introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, li jfittex li jiżgura l-iżvilupp armonjuż tiegħu billi jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u jitneħħew l-ostakli għall-iżvilupp, inklużi l-ostakli marbuta ma' żvantaġġi naturali u ġeografiċi,

 

C.  billi li territorju jkun remot u żgħir huwa fattur li jagħżel lill-gżejjer mir-reġjuni Ewropej l-oħrajn u l-insularità għandha titqies bħala karattersitika naturali permanenti li taffettwa l-prestazzjoni tal-gżejjer f’termini ta’ żvilupp sostenibbli, bil-kreazzjoni ta’ opportunitajiet inugwali bejn dawn it-territorji u l-bqija tat-territorji tal-Unjoni,

 

D.  billi bosta gżejjer Ewropej ibati mhux minn ħandikap wieħed imma minn bosta minn dawk imsemmijin fl-Artikolu 174 inklużi l-gżejjer muntanjużi, dawk b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna jew dak li huma milqutin mill-insularità doppja jew saħansitra multipla li tirriduċi l-aċċess tal-popolazzjoni għas-servizzi importanti,

 

E.  billi skont l-istess Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni li jbati minn kemm-il ħandikap sever u permanenti, naturali jew demografiku, inklużi r-reġjuni li huma gżejjer,

 

F.  billi barra milli huma gżejjer, huma wkoll reġjuni periferiċi sitwati fuq il-fruntieri esterni tal-UE u esposti għar-riskji inerenti f’tali sitwazzjoni: il-prossimità għaz-zoni ta' kunflitt, l-espożizzjoni għall-immigrazzjoni klandestina jew għal tipi differenti ta' kummerċ fil-bnedmin, il-vulnerabilità għat-tniġġis marin aċċidentali jew magħmul apposta, eċċ,

 

G.  billi l-gżejjer Ewropej huma partikolarment esposti għall-isfidi li jiffaċċjaw lill-Ewropa bħalma huma l-globalizzazzjoni, il-bidla demografika, il-bidla fil-klima, u l-fornitura enerġetika,

 

H.  billi l-gżejjer Ewropej jikkontribwixxu għad-diversità tal-Unjoni kemm f’termini ambjentali (ħabitats speċifiċi u speċijiet endemiċi) u f’termini kulturali (ilsna, wirt arkitettoniku, pajsaġġi, gastronomija, tradizzjonijiet),

 

I.  billi l-gżejjer Ewropej jistgħu jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli msaħħaħ tal-Unjoni b'riħet l-potenzjal kbir tagħhom li jipproduċu l-enerġija minn għejun rinnovabbli grazzi għall-qagħda privileġġata tagħhom: l-espożizzjoni għall-kurrenti tar-riħ, għall-imbatt tal-baħar u għax-xemx,

 

1.  Jilqa’ l-isudju EUROISLANDS li ġie żviluppat fil-kwadru tal-qafas tal-programm EPSON 2007-2013 peress li komprensjoni aħjar tar-realtà tal-gżejjer hija meħtieġa fuq skala Ewropea; iqis li għarfien aktar profond tal-qagħda fil-gżejjer huwa essenzjali jekk wieħed irid li l-karatteristiċi speċjali tagħhom jitqiesu b'mod sodisfaċenti;

 

2.  Jilqa’ l-inklużjoni tal-koeżjoni territorjali bħala objettiv ġdid tal-Unjoni u jilqa’ l-Artikolu 174 il-ġdid li jiddikjara li għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-reġjuni li jbatu minn kemm-il ħandikap sever u permanenti, naturali jew demografiku inklużi r-reġjuni li huma gżejjer; jemmen li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu tradotti fi strateġiji ta’ żvilupp speċifiċi u ma' miżuri konkreti li jimmiraw lejn is-superament ta’ kull ħandikap u l-isfruttar tal-potenzjali marbutin mal-insularità;

 

3.  Jilqa’ l-istudju tal-Kummissjoni "Territorji b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi", għad illi ma jaqbilx mal-idea li l-gżejjer Ewropej huma lil hinn mill-kostituzzjoni ta’ grupp omoġenju ta’ reġjuni li jimmerita programmi speċifiċi ta’ żvilupp reġjonali; jissottolinja li l-gżejjer Ewropej għandhom inkomuni ċerti fatturi importanti li jagħżluhom mit-terra ferma;

 

4.  Jemmen li l-insularità tirrappreżenta opportunità u ħandikap li jeħtieġu strateġija speċifika ta’ żviluppa ħalli jkun hemm sfruttament tal-potenzjal ta’ żvilupp li jkabbar il-kompetittività tar-reġjuni li huma gżejjer;

 

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem favur indikaturi statistiċi aktar pertinenti u territorjalizzati sabiex tiġi provduta stampa aktar veritjiera tal-livell ta' żvilupp tar-reġjuni li huma gżejjer; tali indikaturi għandhom joffru komprensjoni aħjar tal-ħtiġiet tal-gżejjer, li għandhom jevitaw ir-riskju li l-gżejjer jitħaddnu f'unitajiet akbar ta' terra ferma u għandhom jieħu kont tad-diffikultajiet akkumulati bħalma huma l-katini muntanjużi, l-aggruppamenti ta’ gżejjer, każijiet ta’ insularità doppja; jisħaq li dawn l-indikaturi għandhom jippermettu valutazzjoni mtejba tad-differenza eżistenti fost ir-reġjuni ta’ gżejjer u dawk ta’ terra ferma;

 

6.  Jitlob għall-inklużjoni ta' qafas ta' politika integrata u flessibbli Ewropea speċifika, b'implikazzjonijiet ġuridiċi u finanzjarji, għat-trattament tal-gżejjer Ewropej ibbażat fuq il-fatturi li għandhom inkomuni imma li jqis id-diversità ta’ sitwazzjonijiet u jkun isegwi l-prinċipju tal-proporzjonalità; il-Politika ta' Koeżjoni għandha tindirizza s-sitwazzjoni tal-gżejjer mhux biss permezz tal-Politika Reġjonali, imma wkoll bl-użu ta' politiki oħra tal-UE li jkollhom impatt territorjali sinifikanti fuq l-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni; jemmen li qafas ta’ politika Ewropea għall-gżejjer jista’ jkollu l-valur miżjud meħtieġ biex ikunu ssuperati l-ħandikaps permanenti kollha tal-gżejjer u l-mudell ta’ żvilupp tagħhom ikun adattat bl-użu tal-aspetti pożittivi tagħhom;

 

7.  Jilqa’ t-twaqqif min-naħa tal-Kummissjoni tal-Grupp Interservizz li       jindirizza l-kwestjoni ta’ Koeżjoni Territorjali, fosthom is-sitwazzjoni ta’ territorji b’kemm-il ħandikap permanenti u sever, inklużi l-gżejjer;

 

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi valutazzjoni ta' impatt ex-ante tassattivi qabel ma tistabbilixxi l-politiki, miżuri u strumenti li jista' jkollhom impatt territoriali importanti fuq il-gżejjer; jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri Ewropej jibbenefikaw lir-reġjuni kollha u li ma jkollhomx effetti kollaterali indeżiderati meta jkunu implimentati fuq il-gżejjer;

 

9.  Jitlob lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jilagħbu rwol importanti fl-istrateġiji tal-iżvilupp tar-reġjuni li huma gżejjer għax huwa meħtieġ approċċ vertikali bl-implikazzjoni u l-kontribuzzjoni tal-livelli kollha tal-gvern, li josserva l-prinċipju tas-sussidjarjetà, ħalli dawn ir-reġjuni jitpoġġew fit-triq it-tajba tal-iżvilupp sostenibbli;

 

10. Jitlob lill-Kummissjoni, f’dak li għandu x’jaqsam mal-perijodu ta’ programmazzjoni tal-Politika Reġjonali, li jagħtu lir-reġjuni li huma gżejjer, indipendentement mill-klassifika tagħhom skont il-kriterji ta' eliġibilità, il-possibilità li jwettqu xogħlijiet infrastrutturali bil-finanzjament Ewropew minħabba l-fatt li l-gżejjer Ewropej neqsin mill-infrastruttura f'setturi importanti bħalma huma t-trasport u l-enerġija;

 

11. Jitlob biex jaqgħu l-kriterji relatati mad-distanza (150km) meta niġu għall-klassifikazzjoni tal-gżejjer bħala reġjuni konfinali eliġibbli għall-iffinanzjar skont il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali fil-qafas tal-Objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali tal-Politika ta' Koeżjoni jew fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; jemmen li fil-każ li jkun neċessarju li jiġi stabbilit xi tip ta' limitu, ikun aktar xieraq għar-reġjuni ta' gżejjer li l-kundizzjoni għat-territorju transkonfinali jiġi applikat fil-livell tal-baċin marittimu;

 

12. Jilqa' r-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) bħala strument immirat li jegħleb l-ostakli li jfixklu l-kooperazzjoni territorjali; iħeġġeġ lir-reġjuni li huma gżejjer jagħmlu użu mir-REKT għall-immaniġġjar ta' proġetti ta' kooperazzjoni territorjali ma' reġjuni oħra kofinanzjati mill-UE bħala mezz biex jersqu eqreb lejn iż-żoni ekonomiċi ta' madwarhom;

 

13. Jilqa’ s-Sejħa għal Proposti tad-DĠ TREN, liema sejħa saret għal azzjoni preparatorja bit-tir li jkunu definiti strateġiji speċifiċi, maħsubin apposta għall-potenzjal tal-Gżejjer Ewropej, ħalli tkun implimentata l-politika tal-enerġija tal-UE, sa fejn jikkonċerna l-enerġija sostenibbli mid-9 ta' April 2009 u l-konsegwenti Patt tal-Gżejjer iffirmat mid-differenti awtoritajiet ta' gżejjer biex jiġi ssuperat l-objettiv stabbilit mill-UE għall-2020, ħalli b’hekk jitnaqqsu l-emissjoni ta' CO2 fit-territorji rispettivi tagħhom b’mill-anqas 20%,

 

14. Jilqa’ l-inklużjoni tat-turiżmu bħala kompetenza ġdida għall-UE u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni L-Ewopra, id-destinazzjoni turistika Numru 1 tad-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu fl-Ewropa – tat-30 ta’ Ġunju 2010, jitlob lill-Kummissjoni tqis il-qagħda tal-gżejjer Ewropej u ħtiġiethom f’dan il-qasam billi ħafna minnhom jiddependu mit-turiżmu bħala l-għajn ewlenija ta' żvilupp u tkabbir; jilqa’ l-inizjattivi eżistenti tal-EDEN, CALYPSO u Turiżmu Sostenibbli u jinkoraġġixxi lill-abitatanti tal-gżejjer Ewropej jieħdu vantaġġ minnhom;

 

15. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel enfasi partikulari fuq l-iżvilupp tal-broadband u tippromowovi miżuri għas-soluzzjoni tad-diffikultajiet speċifiċi fil-għoti ta' servizzi f'reġjuni li huma gżejjer minħabba d-diskontinwità territorjali tagħhom, bħalma huma s-servizzi għall-kura tas-saħħa u s-servizzi mediċi online, il-governanza elettronika u servizzi liċ-ċittadini bħalma hu t-tagħlim b’distanza;

 

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-sħab soċjali u lill-industrija.

 

(1)

OJ L 291, 21.10.2006, p. 11.

(2)

COTER-002.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2010Avviż legali