Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0524/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0524/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar fallimenti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

15.9.2010

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Filip Kaczmarek, Andrzej Grzyb, Cristian Dan Preda, Peter Šťastný, Mario Mauro f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0524/2010

Proċedura : 2010/2857(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0524/2010
Testi mressqa :
B7-0524/2010
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0524/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar fallimenti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-RDK, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Diċembru 2009 dwar il-vjolenza sesswali minn gruppi armati u l-persistenza tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta’ Diċembru 1984, u d-Dikjarazzjoni 3318 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħarsien tan-Nisa u t-Tfal waqt Emerġenzi u Kunflitti Armati tal-14 ta’ Diċembru 1974, b'mod partikolari l-paragrafu 4 tagħha li jitlob li jkun hemm miżuri effikaċi kontra l-persekuzzjoni, it-tortura, il-vjolenza u t-trattament degradanti tan-nisa u t-tfal,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet sesswali u umani tan-nisa u t-tfal,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta’ Awwissu 2010 tal-kap tal-politika barranija tal-UE Catherine Ashton u ta’ Andris Piebalgs, Kummissarju għall-iżvilupp, li fiha kkundannaw l-atti ta’ stupru tal-massa fir-RDK,

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-23 ta’ Awwissu 2010 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-istupri tal-massa ta’ persuni ċivili mwettqa minn membri ta’ gruppi armati fil-Lvant tar-RDK,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fit-23 ta' Awwissu 2010 in-Nazzjonijiet Uniti rrappurtat li tal-anqas 179 individwu bejn nisa u tfal kienu sfaw stuprati aktar kmieni dak ix-xahar madwar il-belt ta' Luvungi fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, fejn huma attivi ribelli Hutu Rwandiżi,

B.  billi dawn l-istupri tal-massa seħħew 20 kilometru biss minn bażi taż-żamma tal-paċi tan-NU f’Kivu tat-Tramuntana; billi s-suldati taż-żamma tal-paċi tan-NU saru jafu b'dawn l-istupri tal-massa biss ftit jiem wara,

C. billi rapporti minn attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem jagħtu dettalji dwar l-istrateġija intenzjonali tal-FDLR (Front Demokratiku għal-Liberazzjoni tar-Rwanda) u tal-milizzja Hutu Rwandiża, imnedija kmieni din is-sena, li jkattru l-vjolenza sesswali u l-ħruq mifrux ta’ rħula, djar, skejjel u knejjes,

D. billi huwa mimli stmerrija għall-okkorrenza persistenti ta' stupri u forom oħra ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal u l-kultura li issa daħlet ta' impunita kontra delitti ta' dan it-tip, li jikkostirwixxu ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal fil-Lvant tar-RDK,

E.  billi l-vjolenza sesswali u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru ntużaw bħala armi tal-gwerra, u għalhekk għandhom jiġu kkundannati bħala reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità,

F.  billi l-UE rrappurtat aktar minn 15 000 stupru fir-RDK fl-2008 u l-2009,

G. billi jinnota li l-ex mexxej Kongoliż Jean-Pierre Bemba Gombo ttella' quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali għal reati tal-gwerra, inkluż l-istupru,

H. billi huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' sigurtà li lill-organizzazzjonijiet umanitarji ftit li xejn tħallihom jilħqu l-popolazzjonijiet vulnerabbli bl-ikel u l-mediċini, qagħda li twassal għal aktar riskju ta' epidemiji, inklużi l-malarja, l-HIV u mard serju ieħor fil-provinċji tal-Lvant tal-Kongo,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-istupri tal-massa ta' dan l-aħħar kontra n-nisa u t-tfal u l-forom l-oħra kollha ta' vjolenza kontra għexieren ta' ċivili innoċenti fil-Lvant tar-RDK;

2.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha mdaħħla fil-kunflitt ġewwa r-reġjun biex itemmu kull xorta ta' vjolenza sesswali u ta' ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fuq iċ-ċivili, sew jekk jokkorru b'mod sistematiku jew inkella b'mod aleatorju, u biex iħallu lill-organizzazzjonijiet umanitarji jilħqu l-popolazzjonijiet ċivili li jeħtieġu l-għajnuna;

3.  Jesiġi li l-Gvern tar-RDK, flimkien mal-komunità internazzjonali, ikompli fl-isforzi tiegħu biex jiġġieled l-impunità u jinvestiga malajr l-aħħar attakki li twettqu, u jiżgura li dawk li wettqu r-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

4.  Jiddispjaċih li l-MONUSCO ma setgħetx tuża l-mandat u r-regoli tat-taqbid biex tipprovdi protezzjoni kontra dawn l-istupri tal-massa u abbużi oħra kontra d-drittijiet tal-bniedem minn movimenti armati qrib il-bażi taż-żamma tal-paċi tagħha;

5.  Jinnota l-istruzzjoni pronta tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lil Margot Wallström, ir-Rappreżentant Speċjali tiegħu dwar il-Vjolenza Sesswali fl-Kunflitti, biex tikkoordina r-rispons u s-segwitu tan-NU dwar l-inċidenti tar-RDK bil-ħsieb li ma jitħalliex li jsiru atroċitajiet bħal dawn fil-ġejjieni;

6.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, u l-UE u l-Unjoni Afrikana b'mod partikolari, biex jappoġġaw bis-sħiħ l-isforzi tal-gvern tar-RDK biex itemmu l-forom kollha ta’ vjolenza sesswali u l-użu tagħha bħala arma tal-gwerra;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-MONUSCO, lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, kif ukoll lill-gvernijiet tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, inklużi r-RDK u r-Rwanda.