Proċedura : 2010/2855(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0545/2010

Testi mressqa :

B7-0545/2010

Dibattiti :

PV 06/10/2010 - 10
CRE 06/10/2010 - 10

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2010 - 9.4

Testi adottati :

P7_TA(2010)0351

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 124kDOC 64k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0541/2010
29.9.2010
PE450.368v01-00
 
B7-0545/2010

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura


dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt


Marie-Christine Vergiat, Søren Bo Søndergaard, Sabine Lösing, Rui Tavares, Bairbre de Brún, Thomas Händel, Ilda Figueiredo f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt  
B7‑0545/2010

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ħtieġa ta' moratorju immedjat dwar l-eżekuzzjonijiet f'dawk il-pajjiżi fejn il-piena tal-mewt għadha tiġi applikata,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2007 li sejħet għal moratorju dwar l-użu tal-piena tal-mewt (wara r-rapport tat-Tielet Kumitat (A/62/439/Add.2), u r-Riżoluzzjoni 63/168 li sejħet għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-2007, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU rigward il-moratorji dwar l-użu tal-piena tal-mewt tal-11 ta' Awwissu 2010,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU rigward il-moratorji dwar l-użu tal-piena tal-mewt tas-16 ta' Lulju 2010,

–   wara li kkunsidra d-diskors li għamlet ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni fis-sessjoni plenarja tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, meta fakkret li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha kienet prijorità għall-UE,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-PE Jerzy Buzek tad-19 ta' Ottubru 2009, b'appell qawwi għall-abolizzjoni tal-piena kapitali,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mir-Raba' Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt, li sar f'Ġinevra bejn l-24 u s-26 ta' Frar 2010, li talbet l-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt,

–   wara li kkunsidra l-verżjoni aġġornata u riveduta tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra t-twaqqif tal-Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-piena tal-mewt hija l-kastig fundamentali krudili, inuman u degradanti u tikser id-dritt għall-ħajja, kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

B.  billi m'hemm l-ebda evidenza li l-piena tal-mewt tiskoraġġixxi l-kriminalità b'mod aktar effikaċi minn pieni oħra,

C. billi l-evidenza turi li l-piena tal-mewt l-ewwel u qabel kollox tolqot lin-nies żvantaġġati,

D. billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata bis-sħiħ favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

E.  billi d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali jipprojbixxu l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa milli japplikaw il-piena tal-mewt,

F.  billi aktar minn 20 000 raġel, mara, tifel u tifla qegħdin jistennew il-piena kapitali fid-dinja kollha (Rapport ta' Amnesty International, 2006),

G. billi l-UE qiegħda taħdem għall-moratorji dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt u, meta jasal iż-żmien, għall-abolizzjoni u r-ratifika tal-istrumenti internazzjonali rilevanti tan-NU u strumenti oħrajn (b'mod partikolari il-Protokoll Fakultattiv Nru 2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jipprovdi għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt),

H. billi, minkejja talbiet mill-membri l-aktar anzjani tal-ġudikatura Iranjana, l-Iran għadu jimponi l-piena tat-tħaġġir għar-reat ta' "adulterju", bħal fil-każ ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani, u ta' Zahra Bahrami, li ngħata prominenza permezz tal-"konfessjonijiet" televiżivi li għamlet fil-11 ta 'Awwissu 2010; billi Ebrahim Hamidi ta' 18-il sena kien ikkundannat għall-mewt f'Awissu 2010 b'akkużi ta' sodomija li wettaq allegatament meta kellu biss 16-il sena u fuq il-bażi ta' konfessjoni li hu jsostni kellu jagħmilha bit-tortura,

I.   billi ċ-Ċina qiegħda tkompli tuża l-piena kapitali b'mod sinifikanti; billi Shaikh Akmal, ċittadin Britanniku, kien iġġustizzjat minħabba t-traffikar tad-drogi f'Diċembru 2009,

J.   billi l-Kunsill Presidenzjali tal-Iraq dan l-aħħar irratifika s-sentenzi tal-mewt ta' mill-inqas 900 priġunier, fosthom nisa u tfal; billi n-nuqqas ta' ġustizzja fl-Iraq illum irid jitqies fil-kuntest tal-kollass kważi assolut tal-liġi u l-ordni wara l-invażjoni tal-Istati Uniti u r-Renju Unit, u jinkludi delitti tal-gwerra, atroċitajiet, u l-qtil ta' persuni ċivili minn merċenarji u forzi militari tal-okkupazzjoni tal-Istati Uniti,

K. billi l-istupru, il-qtil, l-apostasija, is-serq armat u t-traffikar tad-drogi huma punibbli bil-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija; billi din tiġi applikata bil-qtugħ tal-irjus u xi drabi l-iġsma jissallbu, bħal fil-każ ta' Nachéri Shaaban mill-Jemen, li nqatel f'Ġunju li għadda,

L.  billi fit-23 ta' Settembru, Teresa Lewis, inqatlet fl-Istati Uniti permezz ta' injezzjoni minkejja li seta' kellha diżabilità mentali,

M. billi l-priġunier Afro-Amerikan Mumia Abu-Jamal, magħruf ukoll bħala l-"vuċi ta' dawk bla vuċi", li ilu jistenna l-piena kapitali mill-1982 wara ġuri inġust u motivat mir-razziżmu, jista' jiġi identifikat bħala r-rappreżentant ta' eluf ta' nies fid-dinja li huma kkundannati għall-mewt,

N. billi r-rapport ta' Amnesty International dwar Mumia Abu-Jamal ilu sa mill-2000 jitlob ġuri ġdid minħabba li l-ewwel ġuri kien immotivat mir-razziżmu, u l-kundanna waslet minħabba garanziji legali insuffiċjenti,

1.  Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha jsiru fejn isiru; jistieden bil-qawwa lill-UE u l-Istati Membri tagħha jinfurzaw l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tan-NU għal moratorju universali dwar l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb ta' abolizzjoni totali fl-Istati kollha fejn il-piena tal-mewt għadha pprattikata;

2.  Jistieden lill-Presidenza tal-UE tinkoraġġixxi lill-bqija tal-pajjiżi li għadhom ma ffirmawx u ma rratifikawx it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi biex jagħmlu dan, u lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Protokoll Nru 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-piena kapitali biex jagħmlu l-istess;

3.  Ifakkar li l-abolizzjoni sħiħa tal-piena tal-mewt għadha waħda mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; dan l-objettiv jista' jintlaħaq biss permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati, il-kooperazzjoni, l-edukazzjoni, il-ħolqien ta' kuxjenza, l-effiċjenza u l-effikaċja;

4.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE, flimkien mas-sħab transreġjonali tagħhom, biex jerġgħu jiddeċiedu li jintroduċu riżoluzzjoni ta' segwitu dwar il-piena tal-mewt fil-65 Assemblea Ġenerali tan-NU;

5.  Jistieden lill-Istati parteċipanti li għadhom favur il-piena tal-mewt jinkoraġġixxu l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Missjonijiet OSCE, bil-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, biex jorganizzaw attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni kontra r-rikors għall-piena tal-mewt, partikolarment mal-midja, mal-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi, ma' dawk li jfasslu l-politika u mal-pubbliku ġenerali;

6.  Ikompli jinkoraġġixxi l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

7.  Jimpenja ruħu li jissorvelja l-kwistjoni tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u li jikkunsidra xi inizjattivi li jista' jkun hemm;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-każ ta' Mumia Abu-Jamal u jitlob sabiex il-każ jerġa' jiġi kkunsidrat biex jiġi żgurat li jkollu ġuri ġdid u ġust;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tan-NU.

 

Aġġornata l-aħħar: 1 t'Ottubru 2010Avviż legali